127. Riflessjoni fuq Mattew 13: 47-53

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mattew 13: 47-53

maxresdefault

L-Evanġelju skont San Mattew 13: 47-53

[Mt:13:47] “Tixbah ukoll is-Saltna tas-Smewwiet lil xibka mitfugħa l-baħar li fiha jinġabar minn kollox.

[Mt:13:48] Meta timtela jtellgħuha x-xatt, u joqogħdu bilqiegħda, jiġbru fil-kannestri dak li jkun tajjeb u jarmu l-ħażin.

[Mt:13:49] Hekk jiġri fi tmiem id-dinja: l-anġli joħorġu jifirdu l-ħżiena mill-ġusti,

[Mt:13:50] u jixħtuhom fil-ħuġġieġa tan-nar; hemmhekk ikun hemm il-biki u t-tgħażżiż tas-snien.

[Mt:13:51] “Kollu fhimtuh dan?””Iva!” qalulu.

[Mt:13:52] U hu qalilhom: “Għalhekk kull kittieb li jkun sar dixxiplu tas-Saltna tas-Smewwiet jixbah lil wieħed sid li, mill-ħażna tiegħu, joħroġ sew il-ġdid u sew il-qadim.”

[Mt:13:53] Meta mbagħad Ġesù temm dawn il-parabboli, telaq minn hemm u telaq lejn pajjiżu.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

X’qed jgħidilna Ġesu’ dwar is-Saltna t’Alla b’dawn it-tixbihat?

Fi żmien Ġesu’ l-aktar metodu komuni biex jaqbdu l-ħut kien li jitfgħu xibka fil-baħar b’mod manwali jew max-xatt imbagħad ikaxkruha għal fuq l-art jew inkella fil-fond meta joħorġu bid-dgħajsa. Filwaqt lid-dgħajsa tkun miexja x-xibka kienet tintefa’ l-baħar u fiha kien jinqabad kull tip ta’ ħut. Normalment kien hemm bżonn ta’ numru t’irġiel biex itellgħuha u jwassluha x-xatt.

Ħsieb għal Qalbek …

X’inhu l-punt ta’ Ġesu’ hawnhekk?

Bħalma x-xibka tiġbor fiha kull tip ta’ ħut hekk il-Knisja hi l-istrument t’Alla biex tiġbor fiha lil kull min irid jidħol fiha. Bħalma x-xibka ma tiddiskrimina ‘l ħadd hekk il-Knisja ma tiddiskriminax bejn it-tajjeb u l-ħażin. Dawk li huma utli jew dawk li m’humiex. Is-Saltna t’Alla hi miftuħa għal kull min irid jaċċettaha, imma għad jasal żmien tas-separazzjoni fl-aħħar jiem meta l-anġli jibgħatu t-tajbin u lill-ħżiena għad-destinazzjoni rispettiva tagħhom. Dmirna hu li niġbru u nilqgħu lil kull min jiġi. Alla fl-aħħar taż-żmien jagħti lil kulħadd dak li ħaqqu skont għemilu. Alla joffri t-teżor tas-Saltna tiegħu lil kull min jemmen.

Inti taħdem m’Alla u għal Alla biex tikber is-Saltna tiegħu hawn fuq l-art?

Itlob …

Mulej kabbar fija x-xewqa li nservik kif titlob minni Int. Agħmilni strument għall-qadi tiegħek biex is-Saltna tiegħek tkompli tiġbor fiha lil kull min hu msejjaħ u sa ma’ ssir il-għażla bejn it-tajjeb u l-ħażin, nitolbok Mulej biex timla’ lil qalbi b’ħerqa għalik ħalli dakinhar jien ikolli l-barka eterna li nħares lejn il-wiċċ tiegħek u li ngħix miegħek għal dejjem fil-ġenna. Ammen.