123. Riflessjoni fuq Mattew 20: 20-28

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mattew 20: 20-28

sonsofzebedeerequest

L-Evanġelju skont San Mattew 20: 20-28

[Mt:20:20] Mbagħad resqet lejh omm ulied Żebedew flimkien ma’ wliedha, u nxteħtet quddiemu titolbu xi ħaġa.

[Mt:20:21] “Xi trid?” staqsieha. U hi qaltlu: “Ordna li dawn iż-żewġ uliedi joqogħdu wieħed fuq il-lemin tiegħek u l-ieħor fuq ix-xellug fis-Saltna tiegħek.”

[Mt:20:22] U Ġesù wieġeb: “Ma tafux x’intom titolbu. Għandkom ħila tixorbuh il-kalċi li se jkolli nixrob jien?””Għandna,” qalulu.

[Mt:20:23] “Il-kalċi tiegħi,” qalilhom, “tixorbuh, iva, imma li wieħed joqgħod fuq il-lemin jew ix-xellug tiegħi, din m’hijiex ħaġa li nagħtiha jien, imma hi għal dawk li għalihom hi mħejjija minn Missieri.”

[Mt:20:24] L-għaxra l-oħra, meta semgħu dan, inkurlaw għaż-żewġt aħwa.

[Mt:20:25] Imma Ġesù sejjħilhom u qalilhom: “Tafu intom, fost il-pagani l-kapijiet qegħdin biex jikkmandawhom, u l-kbarat biex iħaddmu fuqhom is-setgħa.

[Mt:20:26] Fostkom ma għandux ikun hekk; imma min irid ikun kbir fostkom, għandu jkun qaddej tagħkom,

[Mt:20:27] u min irid ikun l-ewwel fostkom, għandu jkun l-ilsir tagħkom.

[Mt:20:28] Hekk ukoll Bin il-bniedem, ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u biex jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra.”

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Ġesu’ għamel xi ħaġa li wieħed ma jistennihix hu għaqqad l-awtorita’ mas-servizz u s-sagrifiċċju. L-offerta tal-ħajja tiegħek għall-benefiċċju tal-oħrajn. L-awtorita’ mingħajr l-imħabba b’sagrifiċċju hi brutali u egoistika. Il-kalċi li kellu f’moħħu Ġesu’ kien wieħed qares u li jinvolvi s-salib.

Ħsieb għal Qalbek …

X’tip ta’ kalċi għandu f’moħħu l-Mulej għalina?

Għal uħud mill-appostli dan il-kalċi kien jikkonsisti sofferenza fiżika u t-taqbida ħarxa tal-martirju, imma għal ħafna minna jikkonsisti fir-rutina twila tal-ħajja Nisranija, fid-doveri u fis-sagrifiċċji li tirrikjedi, diżżappunti, taqbid u tentazzjonijiet. In-Nisrani jrid ikun lest li jħalli ħajtu fil-martirju u jkun lest li jmut għalih innifsu kuljum u fis-sagrifiċċji żgħar u kbar li jkun hemm bżonn jagħmel.

Inti lest li tagħmel dan u li sservi lill-oħrajn fuq l-istess passi u eżempju tal-Imgħallem tagħna Ġesu’?

Itlob …

Mulej Ġesu’ għamilni qaddej fis-Saltna tiegħek, qaddej li jaf iħobb u jservi lilek u lill-oħrajn aktar milli jfittex li jkun maħbub u servut mill-oħrajn. Ħeġġeġ lil qalbi bin-nar divin tiegħek ħalli nkun nista’ nagħti minni nnifsi b’ġenerożita’ u nservi lil kulħadd bil-ferħ bi mħabba għalik. Ammen.