117. Riflessjoni fuq Mattew 12: 1-8

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mattew 12: 1-8

15TNthu6

L-Evanġelju skont San Mattew 12: 1-8

[Mt:12:1] Darba waħda, is-Sibt, Ġesù kien għaddej minn għalqa miżrugħa. Issa lid-dixxipli tiegħu ħadhom il-ġuħ; u bdew jaqtgħu s-sbul u jikluh.

[Mt:12:2] Imma rawhom il-Fariżej, u qalulu: “Ara, id-dixxipli tiegħek jagħmlu dak li ma jiswiex nhar ta’ Sibt.”

[Mt:12:3] U hu qalilhom: “Ma qrajtux x’għamel David meta kien bil-ġuħ, hu u dawk li kienu miegħu?

[Mt:12:4] Ma qrajtux kif daħal fid-dar ta’ Alla u kiel il-ħobż tal-preżenza ta’ quddiem il-Mulej, li la hu u lanqas dawk li kienu miegħu ma kienu jistgħu jieklu minnu, imma l-qassisin biss?

[Mt:12:5] Jew ma qrajtux fil-Liġi li nhar ta’ Sibt il-qassisin fit-tempju jiksru s-Sibt bla ma jonqsu?

[Mt:12:6] Ngħidilkom li hawnhekk hawn min hu aqwa mit-tempju.

[Mt:12:7] Li kieku kontu tafu xi jfissru l-kelmiet, ‘Ħniena rrid, u mhux sagrifiċċju’, ma kontux tikkundannaw lil min hu bla ħtija.

[Mt:12:8] Għax Bin il-bniedem huwa Sid is-Sibt.”

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

X’ jitlob minna l-Kmandament qaddsu jum il-Mulej? Jew aħjar x’inhi l-intenzjoni primarja wara dan il-Kmand?

Il-kapijiet reliġjużi kkonfrontaw lil Ġesu’ fuq dan ir-rigward. Il-mistrieħ ta’ jum is-Sibt kellu jkun żmien li fih il-poplu jiftakar u jiċċelebra t-tjieba t’Alla u din f’dak kollu li hu għamel kemm fil-ħolqien kif ukoll fis-Salvazzjoni tiegħu.

Kien jum iddedikat għat-tifħir lil Alla għall-opra tiegħu ta-ħolqien u l-għemejjel tiegħu ta’ Salvazzjoni lejna. Kellu jirriżulta fil-waqfien fix-xogħol ta’ kuljum u biex jipprovdi l-mistrieħ neċċessarju għall-bniedem. Id-dixxipli ta’ Ġesu’ ġew imċanfra mill-Kittieba u l-Fariżej mhux għax dawn bdew jaqtgħu ż-żbul mill-għelieqi u jiekluh imma għax kienu qegħdin jagħmlu dan f’jum is-Sibt, il-jum Mqaddes tal-Lhud.

Filwaqt li ddefenda lid-dixxipli Ġesu’ jargumenta b’referenza għall-passaġġi mill-Iskrittura li l-bżonn uman għandu preċedenza fuq kull drawwa ritwali. Fil-ġuħ tagħhom David u l-irġiel li kienu miegħu kielu mill-ħobż qaddis offrut fit-Tempju. Ġesu’ kkwota wkoll ix-xogħol li bih l-Lhud kienu jagħtu l-qima tagħhom lil Alla fit-Tempju f’jum is-Sibt. Dan it-tip ta’ xogħol għall-qassisin kien ġeneralment jirrikjiedi xogħol doppju minn dak li kienu jagħmlu matul il-ġimgħa.

Ħsieb għal Qalbek …

Ġesu’ mbagħad jikkowta mill-Ktieb tal-profeta Ħosegħa kapitlu 6 vers 6. “Ħniena rrid u mhux sagrifiċċju.” Filwaqt li s-sagrifiċċji ritwali huma importanti għal Alla. Il-ħniena u t-tjieba bi tweġiba għall-bżonnijiet umani huma iżjed importanti. Inti tonorah lil Alla bil-mod kif titratta lill-proxxmu tiegħek u bil-mod kif tiċċelebra jum il-Mulej?

Itlob …

Mulej agħtina li nimxu fi triqatek. Fejn hemm l-imħabba u l-għerf m’hemmx biża’ u injoranza. Fejn hemm il-paċenzja u l-umilta’ m’hemmx la rabja u lanqas dwejjaq. Fejn hemm il-faqar u l-ferħ m’hemmx la kilba u lanqas attakkamenti mall-affarijiet ta’ din id-dinja. Fejn hemm il-paċi u l-kontemplazzjoni m’hemmx la l-bżonn u lanqas in-nuqqas ta’ mistrieħ. Fejn hemm il-biża’ t’Alla li tħares il-post fejn ngħixu l-ebda għadu ma jista’ jidħol. Fejn hemm il-ħniena u l-providenza m’hemmx la eċċess u lanqas ħruxija. Dan nafuh permezz t’Ibnek Ġesu’ Kristu Sidna. Ammen.