113. Riflessjoni fuq Mattew 13: 1-23

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mattew 13: 1-23

6gUbcJtcgqwGDGNDoXv4WQWoGgf1LtAzNg6U256pbP7vyLAbtoXY2i4g5evEUgDXtp4WRU

L-Evanġelju skont San Mattew 13: 1-23

[Mt:13:1] Dakinhar Ġesù ħareġ mid-dar, mar f’xatt il-baħar u qagħad bilqiegħda hemm.

[Mt:13:2] U nġabru madwaru folol hekk kbar ta’ nies li kellu jitla’ fuq dgħajsa u jinżel bilqiegħda fiha; in-nies qagħdu lkoll wieqfa fuq ix-xatt,

[Mt:13:3] u hu beda jkellimhom fuq bosta ħwejjeġ bil-parabboli.

U qalilhom : “Darba wieħed bidwi ħareġ jiżra’. [Mt:13:4] Huwa u jiżra’, xi żerrigħat waqgħu mal-mogħdija; ġew l-għasafar u naqqruhom.

[Mt:13:5] Oħrajn waqgħu f’art kollha blat, fejn ma kienx hemm wisq ħamrija, u malajr nibtu, għax il-ħamrija ma kinitx fonda;

[Mt:13:6] iżda mbagħad telgħet ix-xemx, u nħarqu u nixfu, għax ma kellhomx għeruq.

[Mt:13:7] Oħrajn waqgħu qalb ix-xewk, u x-xewk kiber magħhom u ħonoqhom.

[Mt:13:8] Imma oħrajn waqgħu f’art tajba, u għamlu l-frott, min mija, min sittin, u min tletin.

[Mt:13:9] Min għandu widnejn, ħa jisma’! “

[Mt:13:10] Resqu lejh id-dixxipli u staqsewh: “Għaliex tkellimhom bil-parabboli?”

[Mt:13:11] Hu weġibhom: “Għax lilkom ingħata li tagħrfu l-misteri tas-Saltna tas-Smewwiet; iżda lilhom dan ma kienx mogħti.

[Mt:13:12] Għax kull min għandu, jingħatalu, u jkollu żżejjed ukoll; iżda min ma għandux, jitteħidlu saħansitra dak li għandu.

[Mt:13:13] Jien għalhekk inkellimhom bil-parabboli; għax iħarsu kemm iħarsu ma jarawx, u jisimgħu kemm jisimgħu ma jifhmux.

[Mt:13:14] U hekk isseħħ fihom il-profezija ta’ Isaija li tgħid,

‘Tisimgħu kemm tisimgħu ma tifhmux,
u tħarsu kemm tħarsu ma tarawx.

[Mt:13:15] Għax il-qalb ta’ dan il-poplu twebbset:
kienu tqal biex jisimgħu b’widnejhom,
u għalqu għajnejhom li ma
jmorrux jaraw b’għajnejhom,
u jisimgħu b’widnejhom,
u jifhmu b’moħħhom,
u hekk ibidlu ħajjithom
u jiena nfejjaqhom.’

[Mt:13:16] “Intom, iżda, henjin għajnejkom, għax qegħdin jaraw; henjin widnejkom, għax qegħdin jisimgħu.

[Mt:13:17] Tassew, ngħidilkom, li bosta profeti u nies ġusti xtaqu jaraw dak li qegħdin taraw intom u ma rawhx, u jisimgħu dak li qegħdin tisimgħu intom u ma semgħuhx!

[Mt:13:18] “Mela isimgħuha intom il-parabbola ta’ dak li ħareġ jiżra’.

[Mt:13:19] Kull min jisma’ l-kelma tas-Saltna u ma jifhimhiex, jersaq il-ħażin u jisraqlu dak li jkun inżera’ f’qalbu: dan huwa dak li nżera’ mal-mogħdija.

[Mt:13:20] Dak li nżera’ f’art kollha blat huwa dak li jisma’ l-kelma u jilqagħha minnufih bil-ferħ;

[Mt:13:21] imma għeruq ma jkollux fih innifsu, u għalhekk ftit idum; mbagħad jiġi fuqu l-għawġ, jew isib min iħabbtu minħabba l-kelma, u malajr jitfixkel.

[Mt:13:22] Dak li nżera’ qalb ix-xewk huwa dak li jisma’ l-kelma iżda l-inkwiet żejjed għall-ħwejjeġ tad-dinja u l-ġibda għall-ġid ta’ l-art joħonqulu l-kelma, li għalhekk ma tagħmilx frott.

[Mt:13:23] Dak imbagħad li nżera’ f’art tajba huwa dak li jisma’ l-kelma u jifhimha; u tassew hu jagħmel il-frott; dan jagħmel mija, dak sittin, u l-ieħor tletin.”

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Kemm tisma’ b’attenzjoni l-Kelma t’Alla?

Alla hu dejjem lest biex ikellem lil kull wieħed u waħda minna u biex ifhemna din l-istess Kelma tiegħu. Il-parabbola ta’ Ġesu’ hi twissija għal dawk li jisimgħu u jxandru l-Kelma tiegħu.

X’jagħmilna indifferenti u traskurati għall-Kelma t’Alla?

L-inkwiet żejjed għal bosta affarijiet. Dan jista’ jiddistrattana minn dak li hu tassew importanti u li jiswa. Li nħallu l-moħħ u l-qalb tagħna jiġu kkunsmati b’affarijiet materjali, hawn faċilment nittaqlu u anke nehdew b’affarijiet li m’humiex teżor etern li hu Alla nnifsu.

Ħsieb għal Qalbek …

Il-Kelma t’Alla tqabbad l-għeruq fil-qalb tagħna meta aħna jkollna qalb li lesta tirċevieha. Qalb doċli li lesta tisma’ dak li Alla għandu xi jgħid. Il-ħsad huwa żgur filwaqt li xi żerriegħa se taqa’ fil-mgħoddija jew fejn hemm ftit ħamrija u qatt ma tikber, anke fejn hemm ix-xewk li mbagħad jifgaha madanakollu l-ħsad jasal ukoll. Iż-żerriegħa li taqa’ f’art tajba fil-qalb li hi lesta tagħti widen se taħsad ħafna frott.

Inti lest titgħallem dwar il-verita’ t’Alla u ħerqan li tagħmel minna ħafna frott ta’ għemejjel tajba? U tħalli xi ħaġa żżommok milli tinfetaħ kompletament għal din il-Kelma bil-ferħ u bl-ubbidjenza li tiġi mill-fidi?

Itlob …

Mulej għenni ngħasses u nħares l-Kelma tiegħek li int ħawwilt fil-qalb tiegħi ħalli l-ebda dubju jew tentazzjoni ma jżommuni milli nemmen fik u nobdik. Agħtini li nagħmel il-frott b’abbundanza fis-servizz tiegħek u tħalli qatt li jiena nibża’ milli nitkellem fuqek mall-oħrajn u naqsam magħhom l-Aħbar tajba tal-Vanġelu tiegħek. Ammen.