111. Riflessjoni fuq Mattew 10: 16-23

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mattew 10: 16-23

enviou-os_a_pregar

L-Evanġelju skont San Mattew 10: 16-23

[Mt:10:16] “Ara, jiena qiegħed nibgħatkom bħal nagħaġ qalb l-ilpup. Kunu mela għaqlin bħas-sriep u safjin bħall-ħamiem.

[Mt:10:17] Oqogħdu attenti mill-bnedmin! Għax għad jerħukom f’idejn il-qrati, jagħtukom is-swat fis-sinagogi tagħhom,

[Mt:10:18] itellgħukom quddiem gvernaturi u slaten minħabba fija, biex tagħtu xhieda quddiemhom u quddiem il-pagani.

[Mt:10:19] Iżda meta jerħukom f’idejhom, tinkwetawx ruħkom kif se titkellmu jew x’se tgħidu, għax dak il-ħin stess jingħatalkom xi jkollkom tgħidu.

[Mt:10:20] Għax mhux intom tkunu li titkellmu, imma l-Ispirtu ta’ Missierkom ikun qiegħed jitkellem permezz tagħkom.

[Mt:10:21] L-aħwa jwasslu lil xulxin għall-mewt u l-missier lil ibnu, u l-ulied iqumu kontra l-ġenituri tagħhom biex tinqatgħalhom għall-mewt.

[Mt:10:22] U lilkom kulħadd isir jobgħodkom minħabba f’ismi. Imma min jibqa’ jżomm sħiħ sa l-aħħar, dan isalva.

[Mt:10:23] Jekk jippersegwitawkom f’belt, aħarbu f’oħra. Tassew ngħidilkom, ma tkunux dortu l-bliet kollha ta’ Iżrael sa ma jiġi Bin il-bniedem.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

X’ried ifisser Ġesu’ meta qal li d-dixxipli riedu jkunu nagħaġ qalb l-ilpup?

Il-profeta Iżaija ħabbar li kien għad irid jiġi żmien meta l-ilpup u l-ħrief kienu se jgħixu fil-paċi flimkien. Dan insibuh f’Iżaija kapitlu 11 vers 6 u kapitlu 65 vers 25. Din bla dubju tirreferi għat-Tieni miġja ta’ Kristu. Meta kollox għad jingħaqad  taħt is-Sovrenita’ tal-Mulej Ġesu’ wara li hu jkun qered l-għedewwa tiegħu waqqaf is-Saltna t’Alla fuq is-sema u l-art. Sadanittant id-dixxipli għandhom jistennew oppożizzjoni u persekuzzjoni minn għand dawk li jmorru kontra l-Vanġelu. Ġesu’ qatt ma żamm lura milli jgħid lid-dixxipli tiegħu dak li kellhom jistennew jekk jimxu warajh.

Ħsieb għal Qalbek …

Fi kliem ieħor Ġesu’ jgħid lid-dixxipli tiegħu: ‘Din hi l-ħidma li qed ngħaddilkom b’dak li jidher sabiħ u bl-eqqel tbatija li ġġib magħha. Taċċettawha?’

Dan mhux il-mod kif id-dinja toffrilek impieg. Madanakollu l-privilleġġ tagħna hu li nimxu fuq l-istess passi tal-Imgħallem tagħna li ta ħajtu għalina.

Inti lest li taċċetta l-iebes u s-sofferenzi fil-mixja tiegħek wara Kristu?

Itlob …

Mulej għenni biex bil-paċenzja u bil-ferħ nilqa’ l-iebes, il-kuntrarju u l-persekuzzjoni li jkolli f’ħajti jiena u nservik. Qawwi l-fidi tiegħi u agħtini l-kuraġġ biex jiena qatt ma naqta’ qalbi milli nagħmel ir-Rieda mqaddsa tiegħek. Ammen.