109. Riflessjoni fuq Mattew 10: 1-7

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mattew 10: 1-7

12 apostles

L-Evanġelju skont San Mattew 10: 1-7

[Mt:10:1] Sejjaħ lejh it-tnax-il dixxiplu tiegħu, u tahom is-setgħa fuq l-ispirti ħżiena biex ikeċċuhom, u jfejjqu kull xorta ta’ mard u ‘l kull min kien nieqes minn saħħtu.

[Mt:10:2] L-ismijiet tat-tnax-l appostlu huma dawn: l-ewwel Xmun, jgħidulu Pietru, u ħuh Indrì, u Ġakbu ta’ Żebedew, u ħuh Ġwanni,

[Mt:10:3] Filippu u Bartilmew, Tumas u Mattew il-pubblikan, Ġakbu ta’ Alfew, u Taddew,

[Mt:10:4] Xmun il-Kanani, u Ġuda l-Iskarjota, li mbagħad ittradieh.

[Mt:10:5] Lil dawn it-tnax Ġesù bagħathom b’dawn l-ordnijiet: “Taqbdux triq il-pagani, u tidħlux f’belt tas-Samaritani;

[Mt:10:6] imma qabel xejn morru fittxu n-nagħaġ il-mitlufa tad-dar ta’ Iżrael.

[Mt:10:7] Intom u sejrin, xandru u għidu li s-Saltna tas-Smewwiet waslet.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Inti taf u tesperjenza l-qawwa tal-Vanġelu f’ħajtek?

Ġesu’ bgħatt lid-dixxipli tiegħu biex ikomplu l-ħidma li hu ried iwettaq biex ixandru l-Kelma t’Alla u jwasslu l-qawwa tiegħu li tfejjaq lil kull min hu mdejjaq, lil kull min hu bla tama u jonqsu l-kuraġġ minħabba kull xorta ta’ tbatija li l-bniedem jgħaddi minna.

Fl-għażla tat-tnax -il appostlu nilmħu karatteristika tipika tal-ħidma t’Alla. Ġesu’ għażel nies ordinarji ma kienux professjonalisti lanqas kellhom xi rikezzi jew xi pożizzjoni importanti. Għażilhom minn qalb in-nies komuni li kienu jgħixu ħajja ordinarja ma kellhomx xi edukazzjoni speċjali u ma kellhom l-ebda vantaġġi soċjali. Ġesu’ ried nies ordinarji li setgħu jilqgħu s-sejħa tiegħu u jwettquha straordinarjament tajjeb. Huwa għażel lil dawn l-irġiel mhux għal dak li kienu, imma għal dak li kienu jistgħu jsiru taħt id-direzzjoni u l-qawwa tiegħu.

Ħsieb għal Qalbek …

Meta l-Mulej isejħilna biex inservuh m’għandniex naħsbu li ma għandna xejn x’noffru. Il-Mulej jilqa’ dak li nies ordinarji bħalna nistgħu noffrulu u jużah għat-tkabbir tas-Saltna tiegħu.

Inti temmen li l-Mulej irid jaħdem permezz tiegħek u fik għall-glorja tiegħu?

Itlob …

Mulej inti għażiltni biex inkun dixxiplu tiegħek. Ħu u ilqa’ dak kollu li għandi x’ noffrilek żgħir kemm hu żgħir għall-glorja t’Ismek. Ammen.