105. Riflessjoni fuq Mattew 9: 1-8

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mattew 9: 1-8

jesus-forgives-sins-and-heals

L-Evanġelju skont San Mattew 9: 1-8

[Mt:9:1] U tala’ f’dgħajsa, qasam il-baħar u baqa’ sejjer fil-belt tiegħu.

[Mt:9:2] U ħadulu quddiemu wieħed mifluġ, mixħut fuq friex. Kif ra l-fidi tagħhom, Ġesù qal lill-mifluġ: “Agħmel il-qalb, ibni; dnubietek maħfura.”

[Mt:9:3] Xi wħud mill-kittieba bdew jgħidu fihom infushom: “Dan qiegħed jidgħi!”

[Mt:9:4] Ġesù għaraf x’kienu qegħdin jaħsbu, u qalilhom: “Imma għaliex qegħdin taħsbu ħażin f’qalbkom?

[Mt:9:5] Għax x’inhu l-eħfef, tgħid ‘Dnubietek maħfura,’ jew tgħid ‘Qum u imxi’!

[Mt:9:6] Mela biex tkunu tafu li Bin il-bniedem għandu s-setgħa jaħfer id-dnubiet fuq l-art” – qal lill-mifluġ -“Qum, aqbad il-friex u mur lejn darek.”

[Mt:9:7] Dak qam u telaq lejn daru.

[Mt:9:8] In-nies, meta raw dan, beżgħu u qabdu jfaħħru lil Alla li ta setgħa bħal din lill-bnedmin.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

X’jipparalizza l-moħħ u l-qalb u jibblokka l-qawwa t’Alla li tfejjaqna? Id-dnub u n-nuqqas ta’ maħfra bla dubju. Id-dnub jipparalizzana aktar milli tista’ tagħmel dan kull marda fiżika li nistgħu nimirdu biha. Id-dnub hu l-ħidma tas-saltna tad-dlam u jżommna marbuta u lsiera tiegħu għall-Eternita’.

Hemm biss soluzzjoni waħda u din hi l-fejqan u l-qawwa ta’ Ġesu’ li jnaddafna permezz tal-maħfra tiegħu. Il-mod kif Ġesu’ kien jitratta lill-midinbin kien jiskomda lll-għalliema reliġjużi ta’ żmien Ġesu’. Meta mifluġ inġieb għand Ġesu’ minħabba l-fidi li kellhom f’Ġesu’ l-ħbieb tiegħu, Ġesu’ għamel xi ħaġa li ħadd ma kien qed jobsorha.

Hu l-ewwel ħafer id-dnubiet ta’ dan ir-raġel. Il-kittieba qiesu din bħala dawgħa għax huma fehmu li Alla biss kellu l-awtorita’ li jaħfer id-dnubiet u jħoll raġel jew mara mit-toqol tal-ħtija. Ġesu’ ħaddem għalih awtorita’ li Alla biss setgħa jeżerċita.  Ġesu’ mhux biss ta’ prova li l-awtorita’ tiegħu kienet ġejja minn Alla, huwa wera wkoll il-qawwa kbira tal-ħniena u l-imħabba t’Alla li ssalva billi fejjaq lill-mifluġ f’ġismu. Ir-raġel kien ipparalizzat mhux biss fiżikament imma wkoll spiritwalment. Ġesu’ ħelsu mit-toqol tal-ħtija u saħħu f’ġismu wkoll.

Ħsieb għal Qalbek …

Il-Mulej dejjem lest biex ifejjaqna f’moħħna, f’ġisimna u f’ruħna. Il-grazzja tiegħu teħlisna mill-qawwa tad-dnub u mill-jasar tax-xewqat, tal-passjonijiet u l-vizzjijiet ħżiena.

X’qed tħalli li jżommok milli tilqa’ l-qawwa ta’ Ġesu’ li jrid ifejjqek?

Itlob …

Agħmel Mulej li l-qawwa tal-fejqan tiegħek tmiss kull rokna fil-ħajja tiegħi. Ħsibijieti l-aktar moħbija, ix-xewqat, l-attitudnijiet u l-memorji kollha tiegħi. Aħfirli nuqqasijieti u bbdilni bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu permezz tas-saċerdoti fis-Sagrament tal-Qrar ħalli nimxi b’kunfidenza fit-triq tal-verita’ u s-sewwa tiegħek. Ammen.