104. Riflessjoni fuq Mattew 8: 28-34

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mattew 8: 28-34

jesus_drives_out_demons-B_1000

L-Evanġelju skont San Mattew 8: 28-34

[Mt:8:28] Wasal ix-xatt l-ieħor, fil-pajjiż tal-Gadarin, u tnejn min-nies, maħkumin mix-xitan, ħarġu mill-oqbra u resqu fuqu. Kienu qliel wisq; ħadd ma kien jista’ jgħaddi bihom minn dik it-triq.

[Mt:8:29] U nfexxew jgħajjtu u jgħidu: “Aħna x’għandna x’naqsmu, Bin Alla? Ġejt hawn biex taħqarna qabel iż-żmien?”

[Mt:8:30] Mela ftit ‘il bogħod minnhom kien hemm merħla kbira ta’ ħnieżer tirgħa.

[Mt:8:31] U x-xjaten talbu ħafna lil Ġesù u qalulu: “Jekk toħroġna, ibgħatna fil-merħla tal-ħnieżer.”

[Mt:8:32] “Morru !” qalilhom. Mbagħad ħarġu, u daħlu fil-ħnieżer, u l-merħla kollha nxteħtet mill-għoli tax-xaqliba għal ġol-baħar u nqerdet fl-ilma.

[Mt:8:33] Ir-rgħajja ħarbu u marru l-belt ixerrdu l-aħbar ta’ kollox u ta’ kull ma kien għadda minn għala l-imxajtna.

[Mt:8:34] U l-belt ħarġet bi ħġarha għal ħdejn Ġesù u kif rawh, bdew jitolbuh ħafna biex jibqa’ sejjer ‘il barra minn pajjiżhom.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Ġieli ħassejtek tiġi mkaxkar u ttentat minn forzi aqwa minnek?

Żewġt irġiel imkaxkra b’forzi ta’ ħafna spirti ħżiena sabu r-refuġju tagħhom fl-uniku persuna li setgħet tilliberahom. Ġesu’ tħassarhom lil dawn iż-żewġt irġiel u ħelishom mill-ħakma tal-ispirti ħżiena li kellhom fuqhom. Ġesu’ dejjem lest biex jeħlisna minn dak kollu li jorbotna u jżommna bogħod mill-imħabba t’Alla.

Ħsieb għal Qalbek …

Inti lest tinħall minn kull ma jista’ jżommok ‘il bogħod milli tirċievi l-imħabba u l-grazzja t’Alla għalik li ssalvak?

Itlob …

Mulej ħollni minn dak kollu li jista’ jfixkilni milli nħobbok kompletament u bil-liberta’ għax triqatek huma kollha mħabba u qdusija. Tħalli xejn li jżommni lura milli nesperjenza l-ferħ li tgħix fil-preżenza tiegħek. Ammen.