97. Riflessjoni fuq Mattew 7: 1-5

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mattew 7: 1-5

v.s-lunes-26.

L-Evanġelju skont San Mattew 7: 1-5

[Mt:7:1] “Tiġġudikawx, biex ma tkunux iġġudikati;

[Mt:7:2] għax bl-istess ġudizzju li tagħmlu intom, tkunu ġġudikati; u bl-istess kejl li tkejjlu intom, jitkejjel lilkom.

[Mt:7:3] Xi trid tħares lejn it-tibna li hemm f’għajn ħuk? Għax ma tarax it-travu li għandek f’għajnek int?

[Mt:7:4] Jew kif tmur tgħid lil ħuk, ‘Ħa nneħħilek it-tibna minn għajnek,’ meta inti stess f’għajnek għandek travu?

[Mt:7:5] Ja wiċċ b’ieħor, neħħi l-ewwel it-travu li għandek f’għajnek int, ħalli mbagħad tara sewwa tneħħi t-tibna minn għajn ħuk!

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Kif jista’ wieħed jgħin lill-oħrajn jirbħu fuq il-ħtijiet tagħhom filwaqt li huwa stess huwa għama bl-istess ħtijietu?

Id-dixxiplu hu dak li jisma’ l-vuċi tal-Imgħallem u li jirbaħ fuq dnubietu permezz tal-għajnuna indispensabbli tat-Tabib divin. Jekk għandna nkunu gwida u għalliema għall-oħrajn għandu jkollna viżjoni ċara ta’ fejn aħna stess sejrin u mappa li turina t-triq u d-direzzjoni. Jekk id-destinazzjoni tagħna hija l-ġenna, allura hemm biss triq waħda u din it-triq hija s-Salib ta’ Ġesu’. Permezz ta’ dak li patta għalina Ġesu’ bis-Salib tiegħu, aħna nistgħu nirċievu l-maħfra għal dnubietna minn għandu permezz tas-saċerdot fil-qrar. Bi qrara tajba l-midneb isir sħiħ. Id-dlam u l-korruzzjoni jagħtu wisgħa għad-dawl u l-verita’. Il-mewt hi mirbuħa u l-ħajja mġedda. Fil-qrar Ġesu’ permezz tas-saċerdot jeħlisna mill-kundanna u mill-ħtija u jurina t-triq il-perfetta tal-imħabba.

Ħsieb għal Qalbek …

Ġesu’ jgħidilna wkoll biex ma niġġudikawx. Alla biss għandu s-setgħa li jiġġudika u hu dejjem jagħtina ċans li nindmu qabel ma jkollu jiġġudikana fl-aħħar jum. Fir-realta’ l-ġudizzju tagħna tal-oħrajn huwa ħafna drabi żbaljat għaliex ma nistgħux naraw fil-ġewwieni tal-persuna jew m’għandix il-fatti kollha jew għaliex niġu mkaxkra mill-istint u r-reazzjonjiet  bla bażi raġjonevoli tan-nies. Huwa faċli ssib il-ħtija fl-oħrajn milli fik innfisek. Ġesu’ ipoġġilna prinċipju qaddis li għadna nfasslu ħajjitna fuqu li huwa dak li int tagħti lill-oħrajn u l-mod kif inti titrattahom jerġa’ jirritorna għandek. Bl-istess mod kif titratta tiġi trattat.

U inti tħares lejn it-tibna fl-oħrajn u tinsa t-travu tiegħek?

Itlob lil Alla biex jimla’ qalbek bl-istess imħabba u ħniena li biha jħobb hu biex fi mħabbtek għall-oħrajn int tagħti spazju għall-karita’ u l-mogħdrija lejn il-proxxmu tiegħek kollu.

Itlob …

Mulej agħtina l-umilta’ li nirrealizzaw l-injoranza tagħna. Nammettu ħtijietna u nagħrfu li aħna fil-bżonn. Inkunu miftuħa għall-parir u naċċettaw twissija.

Għażiża Marija, Omm tagħna tas-sema għallimna nagħrfu li jekk se niġġuddikaw lill-oħrajn mhux se jkollna ċans li nfaħħruhom aktar milli nikkritikawhom. Mhux se jkollna ċans li nifhmuhom aktar milli niskuraġġuhom. Mhux se jkollna ċans li nibnu aktar milli nħottu. Għenna Marija ħalli, aħna nħobbu lil kulħadd bl-istess mod kif int u Ibnek tħobbu u titrattaw lilna midinbin. Ammen.