95. Riflessjoni fuq Mattew 5: 38-42

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mattew 5: 38-4

gustave-dore-jesus-preaching-the-sermon-on-the-mount-620x320

L-Evanġelju skont San Mattew 5:38-42

[Mt:5:38] “Smajtu x’intqal, ‘Għajn b’għajn u sinna b’sinna.’

[Mt:5:39] Imma jiena ngħidilkom biex bniedem ħażin ma tiqfulux; anzi jekk xi ħadd jagħtik daqqa ta’ ħarta fuq ħaddek tal-lemin, dawwarlu l-ieħor ukoll;

[Mt:5:40] u lil min ikun irid itellgħek il-qorti u jeħodlok il-libsa, ħallilu wkoll il-mantar.

[Mt:5:41] U jekk xi ħadd iġagħlek timxi miegħu mil wieħed, mur miegħu tnejn.

[Mt:5:42] Agħti lil min jitolbok u ddawwarx spallejk lil min ikun irid jissellef mingħandek.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

X’jagħmel l-insara differenti u x’jagħmel in-nisrani distanti minn kull Reliġjon oħra?

Hija l-Grazzja. Tiratta lill-oħrajn mhux kif jistħoqqilhom imma kif Alla jixtieq li jitrattahom bi Mħabba u bi Ħniena. Alla huwa tajjeb mall-inġusti kif ukoll mall-ġusti. L-Imħabba tiegħu tgħannaq il-qaddis u l-midneb. Alla jfittex l-għola ġid tagħna u jgħallimna nfittxu l-aqwa ġid għall-oħrajn, anki ma’ dawk li jobgħoduna u jabbużawna. Iridna nħobbu lil kulħadd bl-istess mod kif ħabbna Hu.

Huwa faċli u fin-natura umana tagħna li nuru mħabba u ħniena meta nafu li biha se niggwadanjaw xi ħaġa għalina nfusna, imma kemm hu aktar diffiċli meta dak li nagħmlu nagħmluh bla ma nistennew xejn lura. It-talba tagħna għal dawk li jagħmlulna d-deni tkisser kemm il-qawwa tas-sens ta’ tpattija li dlonk jitfaċċa fina meta nweġġgħu, kif ukoll toħroġ minna l-imħabba qawwija li tagħmel it-tajjeb meta affaċċjat mal-ħażin.

Ħsieb għal Qalbek …

Kif nistgħu nħobbu lil dawk li jikkawżawlna ħsara u wġigħ?

Meta msieħba m’Alla xejn m’hu impossibli għalina li nagħmlu. Hu jagħtina l-qawwa u l-grazzja, aħna li nemmnu u naċċettaw id-don tal-Ispirtu s-Santu. L-Imħabba tiegħu tirbaħ fuq kollox. Tirbaħ fuq l-biża’, fuq il-preġudizzji u anki fuq il-weġgħat tal-qalb tagħna.

Biss is-Salib ta’ Ġesu’, jista’ jeħlisna mit-tirannija tal-ħażen, tal-mibgħeda, tat-tpattija u jagħtina l-kuraġġ biex inpattu d-deni bil-ġid. Din l-imħabba u l-grazzja għandha l-qawwa biex tfejjaq u ssalva mid-distruttzjoni.

Inti tħalli din il-qawwa tal-Imħabba t’Alla tirrenja f’qalbek u fl-aġir tiegħek? Jew f’qalbek hemm it-toqol u l-jasar li żżommok fih il-mibgħeda lejn min għamillek jew qed jagħmillek il-ħsara?

Itlob …

Mulej, l-Imħabba tiegħek iġġib il-ħelsien u l-maħfra. Imlieni bl-Ispirtu Qaddis tiegħek u żomm lil qalbi fil-paċi tiegħek ħalli nevita milli nitlef sabri, milli taqbiżli u nitlef it-tempra.

Għażiża Marija, Inti li bħal Ibnek mhux biss ħfirt lil min ittortura u qatel lil Ibnek, imma lqajt li tieħu fuqek irwol t’Omm. Int għadek sal-lum u tibqa’ tħobb, tieħu ħsieb u titlob għal uliedek kollha, anki dawk li ma jagħrfukx u lanqas jagħrfu lil Ibnek. Għenni u għallimni biex nimxi fuq l-eżempji tiegħek u nkun nixbaħ aktar lil Alla. Ammen.