94. Riflessjoni fuq Mattew 10: 7-13

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mattew 10: 7-13

gesu-manda-i-discepoli

L-Evanġelju skont San Mattew 10: 7-13

[Mt:10:7] Intom u sejrin, xandru u għidu li s-Saltna tas-Smewwiet waslet.

[Mt:10:8] Fejjqu l-morda, qajjmu l-mejtin, fejjqu l-lebbrużi, keċċu x-xjaten. B’xejn ħadtu, b’xejn agħtu.

[Mt:10:9] Tfittxux li jkollkom flus fuqkom, la tad-deheb, la tal-fidda u lanqas tar-ram;

[Mt:10:10] u la ħorġa għat-triq, la żewġ ilbiesi, la qrieq u lanqas ħatar, għax il-ħaddiem ħaqqu ħobżu.

[Mt:10:11] Fil-bejt jew raħal fejn tidħlu, araw ikunx hemm min jixraqlu tmorru għandu, u ibqgħu f’daru sa ma titilqu minn hemm.

[Mt:10:12] Meta tidħlu f’dar, sellmu lin-nies tagħha,

[Mt:10:13] u jekk tkun dar li jixirqilha, ħa jiġi fuqha s-sliem tagħkom.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

L-ewwel nett Ġesu’ qal lid-dixxipli tiegħu b’xejn ħadtu, b’xejn agħtu. Dak li kienu rċevew minn għand Ġesu’ jridu jgħadduh lill-oħrajn mingħajr ma jistennew xi ħlas għalih. Riedu juru bl-attitudni tagħhom li l-ewwel interess tagħhom huwa Alla u mhux il-qliegħ materjali. Riedu jservu mingħajr skopijiet ħżiena mimlija bil-karita’ u l-paċi u s-sempliċita’. Riedu jitfgħu l-attenzjoni tagħhom fuq ix-xandir tas-Saltna t’Alla u mhux jiġu mfixxkla b’affarijiet t’inqas importanza. Riedu jivvjaġġaw ħfief jieħdu dak li kien l-essenjzal u jħallu warajhom dak li setgħa jiddistrattahom biex ikunu jistgħu jikkonċentraw fuq il-ħidma tax-xandir tal-Kelma t’Alla.

Kellhom jagħmlu dan ix-xogħol mhux għal dak li setgħu jiksbu minnu, imma għal dak li setgħu jagħtu b’xejn lill-oħrajn mingħajr ma jistennew xi privileġġi speċjali jew xi forma ta’ ħlas. Il-faqar tal-ispirtu jeħlisna mill-kilba u l-preokkupazzjoni fuq dak li għandu jkollna u joħloq fina spazju għall-Providenza t’Alla.

Il-Mulej irid li d-dixxipli tiegħu jkunu dipendenti fuqu u mhux fuqhom innfushom. It-tieni Ġesu’ qal: “Il-ħaddiem ħaqqu  ħobżu.” Hawn naraw verita’ doppja, il-ħaddiem t’Alla m’għandux ikun ippreokkupat fuq l-affarijiet materjali, imma l-poplu t’Alla m’għandu qatt jonqos milli fid-dover tiegħu jagħti lill-ħaddiem t’Alla dak li għandu bżonn biex jgħix.

Inti titlob għall-ħidma tax-xandir tal-Evanġelju u tissapportja bir-riżorsi tiegħek?

Ħsieb għal Qalbek …

Ġesu’ jtemm l-istruzzjonijiet tiegħu bi twissija. Jekk in-nies tirrifjuta l-istedina t’Alla jkunu jġibu l-kundanna fuqhom innfushom. Meta Alla jagħtina l-Kelma tiegħu din hemm magħha responsabbiltajiet kbar li nwieġbu għaliha. L-indifferenza m’għandhiex postha hawn. Bil-mod kif inwieġbu għall-Kelma jew aħna favur jew kontra Alla.

Alla jagħtina l-Kelma tiegħu ħalli, aħna jkollna l-ħajja fih. Hu jrid jaħdem fina u permezz tagħna għall-glorja tiegħu. Alla jaqsam il-Kelma tiegħu magħna u jibgħatuna biex inxandruha b’konvinzzjoni u b’sempliċita’ lill-oħrajn.

Int tagħti xhieda tal-verita’ u l-ferħ tal-Vanġelu bil-kliem u bl-eżempju tiegħek quddiem dawk ta’ madwarek?

Itlob …

Mulej, agħmel li l-ferħ u l-verita’ tal-Vanġelu jittrasforma lil ħajti ħalli jien nagħti xhieda tiegħek ma’ dawk ta’ madwari. Agħtini li nxandar il-verita’ u d-dawl tiegħek kull fejn immur. Ammen.