93. Riflessjoni fuq Mattew 5: 1-12

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mattew 5: 1-12

sermon_orig

L-Evanġelju skont San Mattew 5: 1-12

[Mt:5:1] Fdak iż-żmien, kif ra l-folol, Ġesù tala’ fuq il- muntanja, qagħad bilqiegħda, u resqu lejh id-dixxipli tiegħu.

[Mt:5:2] Fetaħ fommu u qabad jgħallimhom u jgħid:

[Mt:5:3] “Henjin il-foqra fl-ispirtu, għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet.

[Mt:5:4] Henjin l-imnikkta, għax huma jkunu mfarrġa.

[Mt:5:5] Henjin ta’ qalbhom ħelwa, għax huma jkollhom b’wirthom l-art.

[Mt:5:6] Henjin dawk li huma bil-ġuħ u l-għatx tal-ġustizzja, għax huma jkunu mxebbgħin.

[Mt:5:7] Henjin dawk li jħennu, għax huma jsibu ħniena.

[Mt:5:8] Henjin dawk li huma safja f’qalbhom, għax huma jaraw ‘l Alla.

[Mt:5:9] Henjin dawk li jġibu l-paċi, għax huma jissejjħu wlied Alla.

[Mt:5:10] Henjin dawk li huma ppersegwitati minħabba s-sewwa, għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet.

[Mt:5:11] Henjin intom, meta jgħajjrukom u jippersegwitawkom u jaqilgħu kull xorta ta’ ħażen u gideb kontra tagħkom minħabba fija.

[Mt:5:12] Ifirħu u thennew, għax ħlaskom kbir fis-smewwiet.”

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Kif tgħix ħajja tajba u x’inhu l-għan aħħari u l-iskop ta’ din ħajjitna? Mhux li tgħix ferħan?

Li mhix ħaġa oħra ħlief il-milja tat-tajjeb miġbur flimkien li ma jħallilek ebda xewqa oħra. Ġesu’ jindirizza din il-mistoqsija fil-prietka tiegħu fuq il-muntanja. Il-Kelma hieni letteralment tfisser tkun mimli ferħ jew imbierek.

X’inhu s-sinifikat tal-Beatitudinijiet ta’ Ġesu’ u għaliex huma tant ċentrali għat-tgħallim tiegħu?

Il-Beatitudnijiet iwieġbu għax-xewqa naturali għall-ferħ li Alla poġġa f’kull bniedem. Huma jgħallmuna l-għan aħħari li għalih Alla sejħilna li hu s-Saltna tiegħu li ġejja. Il-viżjoni tiegħu li nidħlu fil-ferħ u l-mistrieħ tiegħu.

Il-Beatitudnijiet ta’ Ġesu’ jikkonfrontawna wkoll b’għażliet deċisivi rigward il-mod kif ngħixu ħajjitna hawn fl-art u l-mod kif nagħmlu użu mill-ġid li jagħtina għad-dispożizzjoni tagħna.

Ħsieb għal Qalbek …

Alla biss jissodisfana. Inti tfittex l-għola ġid?

Il-ġid totali li hu fuq kollox?

Il-Beatitudnijiet li Ġesu’ joffrilna huma sinjal ta’ kontradizzjoni għall-għarfien  tad-dinja dwar il-kuntentizza u l-ferħ. Kif inhu possibli li wieħed isib il-ferħ fil-faqar, fil-ġuħ, fid-dieqa u fil-persekuzzjoni?

Il-fqir fl-ispirtu ssib spazju u ferħ kbir filli jkollu lil Alla bħala l-akbar u l-uniku teżor. Min hu bil-ġuħ u l-għatx fl-ispirtu jfittex in-nutriment u l-qawwa tiegħu fil-Kelma u fl-ispirtu t’Alla. L-indiema u s-sobgħa fuq il-ħajja moħlija u fuq id-dnub twassal għall-ferħ tal-ħelsien mit-toqol tal-ħtija u l-oppressjoni spiritwali. Alla jirrivela lil dawk li huma umli f’qalbhom l-għajn vera tal-ħajja bl-abbundanza.

Ġesu’ jwiegħed lid-dixxipli tiegħu li l-ferħ miksub fil-ġenna jikkumpensa bil-bosta għat-tiġrib u l-iebes li għandhom jistennew f’din id-dinja. San Tumas qal: “Ħadd ma jista’ jgħix mingħajr ferħ.” Hu għalhekk li persuna li m’għandhiex il-ferħ spiritwali ddur lejn il-pjaċiri tal-ġisem.

U inti sibtu l-ferħ li tixxennaq biss għal Alla?

Għaraft li hu huwa l-uniku li jissodisfa x-xewqat kollha tiegħek?

Itlob …

Mulej kabbar il-ġuħ tiegħi għalik u wrieni t-triq li twassal għall-paċi u l-ferħ etern. Maħbuba Marija Sultana tal-paċi wassalni biex nixxennaq biss għal Alla fuq kull ħaġa oħra u li nsib il-ferħ perfett fit-twettiq tar-rieda tiegħu bl-istess mod kif int għamilt sal-aħħar ta’ ħajtek b’fedelta’ tal-għaġeb. Ammen.