85. Riflessjoni fuq Mark 16: 9-15

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mark 16: 9-15

James_Tissot_Jesus_Appears_In_The_Midst_Of_The_Apostles_700.14927940853

L-Evanġelju skont San Mark 16: 9-15

[Mk:16:9] Wara li qam mill-mewt fil-għodu kmieni fl-ewwel jum tal-ġimgħa Ġesù deher l-ewwel lil Marija ta’ Magdala, li minnha kien keċċa seba’ xjaten.

[Mk:16:10] Din marret tħabbar kollox lil sħabu, li kienu qalbhom sewda u jibku.

[Mk:16:11] Imma dawn, meta semgħuha tgħid li hu kien ħaj u li ratu, ma emmnuhiex.

[Mk:16:12] Wara dan, wera ruħu taħt sura oħra lil tnejn minnhom huma u sejrin bil-mixi lejn ir-raba’.

[Mk:16:13] U huma reġgħu lura u taw l-aħbar lill-oħrajn, imma anqas lil dawn ma emmnuhom.

[Mk:16:14] Fl-aħħar wera ruħu lill-Ħdax stess waqt li kienu fuq il-mejda, u ċanfarhom talli kienu nieqsa mill-fidi u hekk rashom iebsa li ma emmnux lil dawk li kienu rawh wara li qam mill-mewt.

[Mk:16:15] U qalilhom: “Morru fid-dinja kollha, xandru l-Evanġelju lill-ħolqien kollu.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Inti tiddubita għaliex ma tarax?

Il-Mulej jagħmel lilu nnifsu preżenti għalina bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu. Hu jagħtina d-don tal-fidi biex aħna nagħrfuh personalment u biex nifhmu l-misteru tal-mewt u l-qawmien tiegħu.

Inti temmen f’Kelmtu u tfittex li tisimgħu jkellmek? Temmen fil-preżenza tiegħu fl-Ewkaristija? Temmen li hu jkun jistenniek fit-Tabernakli siket?

Ħsieb għal Qalbek …

It-tluq u l-assenzjoni ta’ Ġesu’ lejn is-sema kienet kemm tmiem kif ukoll il-bidu għad-dixxipli tiegħu. Filwaqt li kienet tmiem tal-preżenza fiżika ta’ Ġesu’ mall-għeżież dixxipli tiegħu mmarkat il-bidu tal-preżenza ta’ Ġesu’ magħhom b’mod ġdid. Ġesu’ wegħedhom li kien se jibqa’ magħhom dejjem sal-aħħar taż-żmien. Issa bħala l-Mulej u s-Salvatur imqajjem mill-mewt u igglorifikat tela’ u qiegħed in-naħa tal-lemin tal-Missier fis-sema. Ġesu’ wiegħed li jibgħatilhom l-Ispirtu s-Santu li kien se jikkonsagrahom bil-qawwa tiegħu fil-festa ta’ Pentekoste, l-istess bħalma Ġesu’ kien ikkonsagrat għall-ministeru tiegħu fix-xmara Ġordan.

Meta l-Mulej Ġesu’ telaq b’mod fiżiku minn mall-appostli ma ħallihomx imnikktin jew iddisprati, anzi huma kienu mimlija bil-ferħ u b’anteċipazzjoni kbira għall-miġja tal-Ispirtu s-Santu.

L-aħħar kliem ta’ Ġesu’ lill-appostli jipponta lejn il-missjoni tas-Salvazzjoni tiegħu u lejn il-missjoni tagħhom li jkunu xhieda tal-mewt u l-qawmien tiegħu li bihom salvana u jxandru l-aħbar it-tajba tas-Salvazzjoni lid-dinja kollha. Il-ħidma tagħhom hi li jxandru l-aħbar it-tajba tas-Salvazzjoni mhux biss lill-poplu t’Iżrael imma lin-nazzjonijiet kollha. L-imħabba t’Alla u d-don tas-Salvazzjoni mhijix biss għal ftit min nies jew għan-nazzjon wieħed biss imma hi għan-nies tad-dinja kollha u ta’ kull żmien. Hi għal dawk kollha li jaċċettawha.

L-Evanġelju hu l-qawwa t’Alla, il-qawwa li taħfer id-dnubiet, li tfejjaq, li teħles mill-ħażen u l-oppressjoni u li ġġedded il-ħajja.

Inti temmen fil-qawwa tal-Evanġelju?

Ġesu’ m’afdax ix-xandir tal-Evanġelju u s-Sagramenti tal-fejqan u l-liberazzjoni  f’idejn il-knisja permezz tas-saċerdoti biss imma fdah ukoll lil kull min kien se jemmen. Ġesu’ mqajjem mill-mewt jagħti din il-kariga kbira lil kull membru fil-knisja. Kull min jemmen għandu sehem min din il-ħidma glorjuża li jkun messaġġier tal-bxara t-tajba u ambaxxatur għal Kristu, l-uniku Salvatur tad-dinja.

Aħna ma tħallejniex waħedna f’din il-biċċa xogħol għax il-Mulej innifsu jaħdem fina u permezz tagħna bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu. Illum aħna nesperjenzaw Pentekoste ġdid filwaqt li l-Mulej iferra’ l-Ispirtu fuq il-poplu tiegħu l-knisja biex iġġeddidha, isaħħaħha bħala l-ġisem tiegħu u biex jibniha ħalli taqdi ministeru effettiv u missjoni madwar id-dinja kollha.

U inti tagħti xhieda quddiem l-oħrajn tal-ferħ tal-Evanġelju u tat-tama tal-qawmien għall-ħajja?

Itlob …

Mulej Ġesu’ permezz tad-don tal-Ispirtu s-Santu, int timliena bi spirtu ta’ tifħir u ta’ ferħ li ebda prova ta’ din id-dinja ma jeħdulu postu. Imliena bil-ferħ tal-qawmien u għenna ngħixu ħajja ta’ tifħir u ta’ radd il-ħajr lejk u għall-glorja tiegħek.

Għażiża Marija, Omm il-knisja, itlob magħna għall-miġja tal-Ispirtu s-Santu li jġedded il-knisja, tfejjaqha, issaħħaħha u tibqa’ tibgħatha biex kull wieħed u waħda minna nkunu tassew xhieda quddiem kulħadd bla distinzjoni tal-Evanġelju afdat lilna minn Ġesu’ Ibnek. Ammen.