82. Riflessjoni fuq Mattew 17: 1-9

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mattew 17: 1-9

269134-994xNone

L-Evanġelju skont San Mattew 17: 1-9

[Mt:17:1] Sitt ijiem wara, Ġesù ħa miegħu lil Pietru u ‘l Ġakbu u ‘l ħuh Ġwanni, tellagħhom fuq muntanja għolja weħidhom,

[Mt:17:2] u tbiddel quddiemhom. Wiċċu sar jiddi bħax-xemx, u lbiesu sar abjad bħad-dawl.

[Mt:17:3] U dehrulhom Mosè u Elija jitħaddtu miegħu.

[Mt:17:4] Qabeż Pietru u qal lil Ġesù: “Mulej, kemm hu sew li aħna hawn! Jekk trid intella’ hawn tliet tined, waħda għalik, waħda għal Mosè u waħda għal Elija.”

[Mt:17:5] Kif kien għadu jitkellem, sħaba kollha dawl għattiethom u minn ġos-sħaba nstema’ leħen jgħid: “Dan hu Ibni l-għażiż, li fih sibt l-għaxqa tiegħi; isimgħu lilu.”

[Mt:17:6] Id-dixxipli, kif semgħu dan, waqgħu wiċċhom fl-art, mimlijin biża’.

[Mt:17:7] Ġesù resaq lejhom, messhom u qalilhom: “Qumu. La tibżgħux.”

[Mt:17:8] Huma refgħu għajnejhom u ma raw lil ħadd ħlief lil Ġesù waħdu.

[Mt:17:9] Huma u neżlin minn fuq il-muntanja, Ġesù ordnalhom u qalilhom: “Tgħidu lil ħadd b’din id-dehra sa ma Bin il-bniedem ikun qam mill-imwiet.”

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Inti ppreparat biex tara l-glorja t’Alla?

Alla ħerqan biex jaqsam il-glorja tiegħu miegħek. Nilmħu mill-bogħod din il-glorja meta d-dixxipli raw lil Ġesu’ ttrasfigurat fuq it-Tabor.

Ir-rakkont li nsibu fl-Evanġelju ta’ San Mark jgħidilna li lbiesu sar abjad u jgħammex b’dija tal-għaġeb. Fil-ktieb tal-Eżodu kapitlu 34 vers 29 insibu li meta Mosè ltaqa’ m’Alla fuq il-muntanja tas-Sinaj il-ġilda ta’ wiċċu kienet tiddi billi kien qorob lejn Alla. U f’San Pawl fit-tieni ittra lill-Korintin kapitlu 3 vers 7 jgħidilna li l-Iżraelin ma setgħux iżommu għajnejhom f’wiċċ Mosè minħabba fid-dija ta’ wiċċu.

Fir-rakkont tallum Ġesu’ jidher fil-glorja mall-kbir mexxej Mosè dak li permezz tiegħu ngħatat il-liġi u m’Elija l-aqwa fost il-profeti li ħabbar ħafna dwar il-miġja tal-Messija fil-preżenza ta’ tlieta mill-appostli għeżież tiegħu.

X’inhu s-sinifikat ta’ din id-dehra misterjuża?

Ġesu’ mar fuq il-muntanja bl-għarfien minn qabel ta’ dak li kellu jgħaddi minnu f’Ġerusalemm. Iċ-ċaħda li kellu jsofri, il-mod kif kien se jiġi mwarrab u l-mewta tas-salib. Probabbilment li Ġesu’ tkellem dwar id-deċiżjoni tiegħu li jmur għall-mewt tas-salib ma’ Mosè u Elija. Alla l-Missier ukoll tkellem ma’ Ġesu’ u ta l-approvazzjoni tiegħu: ‘Dan hu Ibni l-għażiż, isimgħu lilu.’

Is-sħaba li mliet il-post ta’ din id-dehra ta’ Ġesu’ wettqet il-ħolma tal-Lhud li meta l-Messija jiġi s-sħaba tal-preżenza t’Alla kienet se terġa’ timla’ t-Tempju li jissemma’ fit-testment il-qadim.

Ħsieb għal Qalbek …

Pietru, Ġakbu u Ġwanni kienu xhieda privileġġati tal-glorja ta’ Kristu. Aħna wkoll bħala dixxipli ta’ Kristu msejħa biex inkunu xhieda tal-glorja tiegħu kif insibu fit- tieni ittra lill-Korintin kapitlu 3 vers 18. Il-Mulej jrid jirrivela l-glorja tiegħu għalina, id-dixxipli għeżież tiegħu.

Inti tfittex il-preżenza tiegħu fik, fl-oħrajn, madwarek u b’mod speċjali fl-Ewkaristija b’dik il-fidi, ir-rispett u l-qima li jixtieq jara fina l-Mulej?

Itlob …

Mulej ressaqni lejk u ħallini nara u nesperjenza l-glorja tiegħek. Agħmel li qatt ma niddubita l-imħabba u l-għajnuna tiegħek li jsalvawni. Ammen.