80. Riflessjoni fuq Mark 9: 30-37

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mark 9: 30-37

Untitled1-800x500

L-Evanġelju skont San Mark 9: 30-37

[Mk:9:30] Telqu minn hemm u għaddew minn nofs il-Galilija, u ma ried li ħadd ikun jaf,

[Mk:9:31] għax beda jgħallem lid-dixxipli tiegħu u jgħidilhom: “Bin il-bniedem se jingħata f’idejn il-bnedmin u joqtluh; u meta jkun maqtul, wara tlitt ijiem iqum mill-mewt.”

[Mk:9:32] Iżda huma ma fehmuhx dan il-kliem, u beżgħu jistaqsuh.

[Mk:9:33] Waslu Kafarnahum; u meta kienu d-dar staqsiehom: “X’kontu qegħdin titħaddtu bejnietkom fit-triq?”

[Mk:9:34] Iżda huma baqgħu siekta, għax fit-triq kienu qagħdu jitħaddtu bejniethom fuq min kien l-akbar.

[Mk:9:35] Mbagħad qagħad bilqiegħda, sejjaħ it-Tnax, u qalilhom: “Jekk xi ħadd irid ikun l-ewwel wieħed, għandu joqgħod wara kulħadd u jkun qaddej ta’ kulħadd.”

[Mk:9:36] U ressaq lejh tfajjel ċkejken, qiegħdu f’nofshom, ħaddnu bejn dirgħajh u qalilhom:

[Mk:9:37] “Kull min jilqa’ wieħed minn dawn iċ-ċkejknin minħabba f’ismi, ikun jilqa’ lili; u min jilqa’ lili, ikun jilqa’ mhux lili, imma lil dak li bagħatni.”

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Sorpriż li d-dixxipli ta’ Ġesu’ kienu qed jiddiskutu fuq min hu l-akbar fosthom? U aħna mhux hekk nagħmlu wkoll?

Il-kilba għall-glorja u l-kobor donnhom għandhom l-għeruq fina. Ġesu’ jagħmel ġest drammatiku billi jpoġġi tfajjel ċkejken qribu biex juri lid-dixxipli min tassew hu kbir fis-Saltna tas-Smewwiet.

X’jista’ jgħallimna dan it-tfajjel ċkejken fuq il-kobor?

It-tfal fl-imgħoddi ma kellhomx drittijiet, pożizzjoni jew privileġġi tagħhom kienu soċjalment fil-pożizzjoni tal-aħħar u fis-servizz tal-ġenituri tagħhom, bl-istess mod kif kienu l-qaddejja fid-djar.

Ħsieb għal Qalbek …

X’inhu s-sinifikat tal-ġest li għamel Ġesu’?

Ġesu’ jgħolli lit-tfajjel ċkejken fil-preżenza tad-dixxipli tiegħu billi jpoġġieh f’pożizzjoni privileġġata t’unur fuq il-lemin tiegħu. Hija użanza, anke llum li tpoġġi l-mistieden speċjali tiegħek fuq in-naħa tal-lemin tal-persuna importanti.

Min hu l-akbar fis-Saltna t’Alla?

Dawk li huma umli u ta’ qalb ħelwa li minflok jesiġu b’konvinzjoni d-drittijiet tagħhom bil-liberta’ jiżvojtaw lilhom infushom mis-suppervja u mill-glorja li jfittxu għalihom infushom billi jieħdu l-aħħar post dak ta’ qaddej jew dak tat-tfal.

Xi jfisser għalik li jkollok stima lejn it-tfal? Inti tagħti eżempju tajjeb lit-tfal? Jistgħu jżommu lilek bħala mudell fil-ħajja tagħhom?

Itlob …

Mulej għallimni t-triq tal-umilta’ u s-sempliċita’ tal-qalb ħalli jiena nsib il-ferħ veru fik. Agħmel lid-dawl tiegħek jiddi permezz tiegħi ħalli l-oħrajn jaraw il-verita’ u l-imħabba tiegħek u jsibu t-tama u l-paċi fik biss. Ammen.