79. Riflessjoni fuq Mark 9: 14-29

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mark 9: 14-29

Feb-20_possessed-boy

L-Evanġelju skont San Mark 9: 14-29

[Mk:9:14] Meta reġgħu ġew ħdejn id-dixxipli l-oħra, rawhom b’kotra kbira ta’ nies madwarhom, u xi kittieba jitlewwmu magħhom.

[Mk:9:15] In-nies, kif rawh, lkoll stagħġbu ħafna u ġrew lejh biex isellmulu.

[Mk:9:16] U hu staqsiehom: “Fuqiex qegħdin titlewwmu magħhom?”

[Mk:9:17] U wieħed mill-kotra qallu: “Mgħallem, ġibtlek lil ibni għax għandu spirtu mbikkem.

[Mk:9:18] U kull fejn jaħkmu jsabbtu ma’ l-art u hu joħroġ ir-ragħwa minn ħalqu, jgħażżeż snienu u jibbies. Għedt lid-dixxipli tiegħek biex ikeċċuh minnu, u ma kellhomx ħila.”

[Mk:9:19] “Ja nies bla fidi” qalilhom Ġesù, “kemm se ndum magħkom? Kemm se ndum nissaportikom? Ġibuhuli quddiemi.”

[Mk:9:20] U ressquhulu quddiemu. L-ispirtu, malli lemaħ lil Ġesù, beda jħabbtu ‘l hawn u ‘l hemm bir-ragħwa f’ħalqu.

[Mk:9:21] “Xi kemm ilu jagħtih hekk?” staqsa Ġesù lil missieru.”Minn ċkunitu,” qallu,

[Mk:9:22] “u sikwit ġie li tefgħu fin-nar u fl-ilma biex jeqirdu. Imma int, jekk tista’ tagħmel xi ħaġa, għinna u ħenn għalina!”

[Mk:9:23] “Jekk tista’!” qallu Ġesù. “Kollox jista’ jkun għal min jemmen!”

[Mk:9:24] Missier it-tifel minnufih beda jgħajjat u jgħidlu: “Jiena nemmen! Għinni fil-fidi nieqsa tiegħi!”

[Mk:9:25] Ġesù, meta ra l-kotra tiżdied, hedded bl-aħrax lill-ispirtu ħażin u qallu: “Ja spirtu mbikkem u trux, jiena nordnalek: oħroġ minnu, u la terġax tidħol fih, qatt iżjed!”

[Mk:9:26] U filwaqt li qabad jixher u jħabbtu ħafna, ħareġ minnu, u t-tifel inxteħet għal mejjet, hekk li l-kotra tan-nies bdiet tgħid: “Miet!”

[Mk:9:27] Imma Ġesù qabdu minn idu u qajjmu, u hu waqaf fuq saqajh.

[Mk:9:28] Meta mbagħad Ġesù raġa’ daħal id-dar, id-dixxipli tiegħu staqsewh rasu u rashom: “Għaliex ma rnexxilniex inkeċċuh?”

[Mk:9:29] “Spirtu bħal dak,” qalilhom, “ma jista’ jitkeċċa b’xejn ħlief bit-talb.”

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

X’tip ta’ fidi jistenna minna l-Mulej b’mod speċjali meta, affaċċati ma’ kuntrarju u provi?

Meta tara li kellek xi falliment f’ħajtek għax l-affarijiet ma jkunux marru kif xtaqt, ma tistax ma tħosskx diżappuntat. Fl-inċident li kellhom id-dixxipli ta’ Ġesu’ fir-rakkont tal-Evanġelju tallum naraw li ma rrnexxilhomx ifejqu tifel b’mard tal-qamar. Ir-rispons li jagħtihom Ġesu’ jidher iebes imma fir-realta’ huwa mimli bl-imħabba u l-mogħdrija.

Ħsieb għal Qalbek …

Nerġgħu naraw għal darb’oħra lil Ġesu’ jiġbed l-attenzjoni tad-dixxipli dwar in-nuqqas ta’ fidi tagħhom biex jgħinu lil dan it-tifel u lil missieru. Ġesu’ b’kelma waħda jkeċċi l-ispirtu ħażin mit-tifel u jikkmandah biex ma jerġax jaħkmu aktar.

Ġesu’ jgħid lid-dixxipli li huma setgħu jċaqalqu l-muntanji li kieku kellhom il-fidi f’Alla. L-espressjoni ċċaqlaq il-muntanji għal Lhud kienet tfisser tneħħi d-diffikultajiet. Jekk aħna nitolbu bil-fidi u b’ċertezza li se naqilgħu dak li nkunu qegħdin nitolbu, Alla jagħtina dak li nkunu neħtieġu biex nirbħu fuq id-diffikultajiet u l-ostakli.

Meta inti taffaċċa provi u diżappunti kif taġixxi? Twieġeb bil-fidi u l-fiduċja f’Ġesu’?

Itlob …

Mulej Ġesu’ għenni fin-nuqqas ta’ fidi tiegħi. Kabbar il-fidi u l-fiduċja tiegħi fil-qawwa tiegħek li ssalvani. Agħtini li nkun kunfidenti u perseveranti b’mod speċjali fit-talb tiegħi quddiemek u għenni nwassal l-imħabba u l-verita’ tiegħek li tfejjaq għand dawk li Inti tlaqqani magħhom. Ammen.