76. Riflessjoni fuq Mattew 5: 13-16

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mark 5: 13-16

maxresdefault

L-Evanġelju skont San Mattew 5: 13-16

[Mt:5:13] “Intom il-melħ ta’ l-art. Imma jekk il-melħ jaqta’, biex jerġa’ jieħu t-togħma? Ma jibqa’ tajjeb għal xejn iżjed ħlief biex jintrema barra u jintrifes min-nies.

[Mt:5:14] “Intom id-dawl tad-dinja. Belt li tkun qiegħda fuq muntanja ma tistax tinħeba.

[Mt:5:15] Anqas ma jixegħlu l-musbieħ u jqegħduh taħt il-modd, iżda fuq l-imnara, u hekk idawwal lil kull min ikun fid-dar.

[Mt:5:16] Hekk għandu jiddi d-dawl tagħkom quddiem il-bnedmin, biex jaraw l-għemejjel tajba tagħkom u jagħtu glorja lil Missierkom li hu fis-smewwiet.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Ġesu’ kien juża immaġini ordinarji bħal melħ u d-dawl biex iwassal veritajiet starordinarji. Bħalma l-melħ jippurifika, jippriserva u jippenetra hekk id-dixxiplu jrid ikun bħal melħ fid-dinja ta’ soċjeta’ umana biex jippurifika, jippriserva u jippenetra din is-soċjeta’ għas-Saltna t’Alla u għas-sewwa u l-paċi t’Alla.

Ġesu’ juża wkoll l-immaġini tad-dawl u tal-musbieħ biex ikompli jenfasizza dan. Juża l-immaġini tal-musbieħ biex jiddeskrivi kif id-dixxipli għandhom jgħixu fid-dawl tal-verita’ l-Imħabba. Infatti, il-missjoni tagħna i li nġorru d-dawl ta’ Kristu fina biex hekk l-oħrajn ikunu jistgħu jaraw il-verita’ tal-Vanġelu u jkunu jistgħu jiġu meħlusa mill-għama tad-dnub u tal-qerq.

Ħsieb għal Qalbek …

Ġesu’ jirrimarka li xejn ma jista’ jibqa’ moħbi jew fis-sigriet. Aħna nistgħu nippruvaw naħbu affarijiet minn xulxin, minna nnfusna u minn Alla, imma madanakollu kollox hu magħruf għal Alla li jara kollox. Hemm liberta’ u ferħ kbir għal dawk li jgħixu fid-dawl t’Alla u li jfittxu l-verita’ tiegħu.

Inti taf xi jfisser il-ferħ u l-verita’ li tgħix fid-dawl t’Alla?

Itlob …

Mulej Inti tmexxini bid-dawl tal-verita’ tiegħek li ssalvani. Imla’ lil qalbi u lil moħħi bid-dawl u l-verita’ tiegħek u eħlisni mill-għama tad-dnub u tal-qerq ħalli nkun nista’ nara t-triqat tiegħek u nifhem ir-rieda tiegħek għal ħajti. Agħmel li niddi d-dawl tal-verita’ tiegħek quddiem l-oħrajn bil-mod kif jiena nitkellem u bil-mod kif jiena naġixxi. Ammen.