72. Riflessjoni fuq Mark 2: 23-28

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mark 2: 23-28

081514_0728_14lerafraic11

L-Evanġelju skont San Mark 2: 23-28

[Mk:2:23] Fdak iż-żmien, ġara li darba s-Sibt Ġesu kien għaddej minn għalqa miżrugħa, u d-dixxipli tiegħu, huma u mexjin, bdew jaqtgħu ż-żbul.

[Mk:2:24] U l-Fariżej staqsewh: “Ara, għaliex qegħdin jagħmlu dak li ma jiswiex nhar ta’ Sibt?”

[Mk:2:25] U hu qalilhom: “Qatt ma qrajtu x’għamel David meta kien fil-ħtieġa u ħadu l-ġuħ, hu u dawk li kienu miegħu,

[Mk:2:26] kif daħal fid-dar ta’ Alla, fi żmien il-qassis il-kbir Abjatar, u kiel il-ħobż tal-preżenza ta’ quddiem il-Mulej, li ħadd ma kien jista’ jieklu ħlief il-qassisin, u ta minnu wkoll lil min kien miegħu?”

[Mk:2:27] U qalilhom: “Is-Sibt kien magħmul għall-bniedem, u mhux il-bniedem għas-Sibt.

[Mk:2:28] Għalhekk Bin il-bniedem tas-Sibt ukoll huwa sid.”

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

X’ jitlob minna l-Kmandament qaddsu jum il-Mulej? Jew aħjar x’inhi l-intenzjoni primarja wara dan il-Kmand?

Il-kapijiet reliġjużi kkonfrontaw lil Ġesu’ fuq dan ir-rigward. Il-mistrieħ ta’ jum is-Sibt kellu jkun żmien li fih il-poplu jiftakar u jiċċelebra t-tjieba t’Alla u din f’dak kollu li hu għamel kemm fil-ħolqien kif ukoll fis-Salvazzjoni tiegħu.

Kien jum iddedikat għat-tifħir lil Alla għall-opra tiegħu ta-ħolqien u l-għemejjel tiegħu ta’ Salvazzjoni lejna. Kellu jirriżulta fil-waqfien fix-xogħol ta’ kuljum u biex jipprovdi l-mistrieħ neċċessarju għall-bniedem. Id-dixxipli ta’ Ġesu’ ġew imċanfra mill-Kittieba u l-Fariżej mhux għax dawn bdew jaqtgħu ż-żbul mill-għelieqi u jiekluh imma għax kienu qegħdin jagħmlu dan f’jum is-Sibt, il-jum Mqaddes tal-Lhud.

Filwaqt li ddefenda lid-dixxipli Ġesu’ jargumenta b’referenza għall-passaġġi mill-Iskrittura li l-bżonn uman għandu preċedenza fuq kull drawwa ritwali. Fil-ġuħ tagħhom David u l-irġiel li kienu miegħu kielu mill-ħobż qaddis offrut fit-Tempju.

Ħsieb għal Qalbek …

Filwaqt li s-sagrifiċċji ritwali huma importanti għal Alla, il-ħniena u t-tjieba bi tweġiba għall-bżonnijiet umani huma iżjed importanti. Inti tonorah lil Alla bil-mod kif titratta lill-proxxmu tiegħek u bil-mod kif tiċċelebra jum il-Mulej?

Itlob …

Mulej agħtina li nimxu fi triqatek. Fejn hemm l-imħabba u l-għerf m’hemmx biża’ u injoranza. Fejn hemm il-paċenzja u l-umilta’ m’hemmx la rabja u lanqas dwejjaq. Fejn hemm il-faqar u l-ferħ m’hemmx la kilba u lanqas attakkamenti mall-affarijiet ta’ din id-dinja. Fejn hemm il-paċi u l-kontemplazzjoni m’hemmx la l-bżonn u lanqas in-nuqqas ta’ mistrieħ. Fejn hemm il-biża’ t’Alla li tħares il-post fejn ngħixu l-ebda għadu ma jista’ jidħol. Fejn hemm il-ħniena u l-providenza m’hemmx la eċċess u lanqas ħruxija. Dan nafuh permezz t’Ibnek Ġesu’ Kristu Sidna. Ammen.