71. Riflessjoni fuq Mark 2: 18-22

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mark 2: 18-22

v_opt-164

L-Evanġelju skont San Mark 2: 18-22

[Mk:2:18] Darba waħda d-dixxipli ta’ Ġwanni u l-Fariżej kienu sajmin, u ġew u qalu lil Ġesù: “Għaliex id-dixxipli ta’ Ġwanni u d-dixxipli tal-Fariżej isumu, u d-dixxipli tiegħek ma jsumux?”

[Mk:2:19] Qalilhom Ġesù: “Huwa l-ħbieb ta’ l-għarus se jsumu sakemm l-għarus ikun għadu magħhom? Sakemm ikollhom l-għarus magħhom m’humiex se jsumu.

[Mk:2:20] Imma jasal il-jum meta l-għarus jitteħdilhom, u mbagħad isumu dakinhar.

[Mk:2:21] Ħadd ma jraqqa’ mantar qadim b’biċċa drapp ġdida, għax inkella r-roqgħa l-ġdida ssellet il-qadim, u t-tiċrita tikber.

[Mk:2:22] U ħadd ma jqiegħed l-inbid il-ġdid f’damiġġani qodma tal-ġild, għax inkella l-inbid jifqa’ d-damiġġani, u jintilef kemm l-inbid u kemm id-damiġġani. Iżda nbid ġdid jitqiegħed f’damiġġani ġodda.”

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

X’jiġi l-ewwel is-sawm jew il-festaġġamenti?

Ġesu’ ta’ spejgazzjoni sempliċi lid-dixxipli ta’ Ġwanni l-Battista. Hemm żmien li ssum u żmien li tiffestaġġa u tiċċelebra. Li tkun dixxiplu u timxi ma’ Ġesu’ tfisser li tesperjenza l-ferħ ġdid tar-rabta tiegħek ma’ Kristu. Imqabbla mal-ferħ tat-tieġ fejn wieħed jieħu sehem u jaqsam fil-barka u l-ferħ tal-koppja li għadhom kemm ingħaqdu fi mħabbtihom.

Imma jiġi żmien ukoll meta d-dixxipli tal-Mulej ikollhom iġorru s-salib tat-tiġrib u l-purifikazzjoni. Għad-dixxiplu hemm iż-żmien fejn jifraħ fil-preżenza tal-Mulej u jiċċelebra t-tjieba tiegħu u hemm iż-żmien ukoll meta jfittex lill-Mulej b’umilta’, bis-sawm u b’sobgħa għal dnubietu.

Int tifraħ bil-preżenza tal-Mulej li hu dejjem miegħek? U tesprimi sobgħa u ndiema għal dnubietek?

Ħsieb għal Qalbek …

Ġesu’ jkompli jwissi lid-dixxipli dwar il-problema ta’ moħħ magħluq li jirrifjuta milli jitgħallem affarijiet ġodda. X’ried jimplika Ġesu’ bit-taqbila tal-ilbiesi u l-inbejjed ġodda li ma titrattahomx bħalma titratta dawk qodma? Hu jrid li l-moħħ u l-qalb tagħna ikunu bħal damiġġani ġodda tal-inbid miftuħa u lesti li jilqgħu l-inbid ġdid tal-Ispirtu s-Santu.

Int ħerqan biex tikber fl-għarfien u l-fehma tal-Kelma t’Alla u tal-pjan li huwa għandu għal ħajtek?

Itlob …

Mulej imlieni bl-Ispirtu Qaddis tiegħek ħalli nikber fl-għarfien tal-imħabba u l-verita’ tiegħek. Għenni nfittex bil-ħerqa lilek fit-talb u fis-sawm ħalli jien inżomm ‘il bogħod mid-dnub u nara li ħajti tkun taqbel aktar bis-sħiħ mar-rieda mqaddsa tiegħek. Agħmel li dejjem insib il-ferħ f’li nagħrfek, f’li nħobbok u f’li nservik. Ammen.