68. Riflessjoni fuq Mark 1: 40-45

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mark 1: 40-45

8c599462cec8622fab470c6f6b5b3bd6_home-our-lady-of-victories_1000-778

L-Evanġelju skont San Mark 1: 40-45

[Mk:1:40] Fdak iż-żmien, resaq fuq Ġesu wieħed lebbruż jitolbu bil-ħerqa, nxteħet għarkubbtejh quddiemu u qallu: “Jekk trid, tista’ tfejjaqni.”

 [Mk:1:41] Mqanqal mill-ħniena, Ġesù medd idu fuqu, messu u qallu: “Irrid, kun imnaddaf.”

[Mk:1:42] U minnufih il-lebbra marritlu u ġismu ndaf.

[Mk:1:43] U widdbu bis-sħiħ, bagħtu malajr

[Mk:1:44] u qallu: “Qis li ma tgħid xejn lil ħadd; iżda mur uri ruħek lill-qassis, u agħmel offerta għall-fejqan tiegħek kif ordna Mosè, biex tkunilhom ta’ xhieda.”

[Mk:1:45] Iżda dak, meta telaq, beda jxandar ma’ kullimkien u jxerred l-aħbar, hekk li Ġesù f’ebda belt ma sata’ iżjed jidħol bid-dieher, imma kien jibqa’ barra fil-kampanja u kienu jmorru ħdejh nies minn kullimkien.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Ġesu’ għamel xi ħaġa li fi żmienu ma kienet tgħaddi minn moħħ ħadd li jagħmel; mess lebbruż. Il-lebbrużi kienu l-emerġinati tas-soċjeta’. Il-kundizzjoni fiżika tagħhom kienet dejjem tiggrava hekk kif kienu jibdew jitilfu partijiet minn ġisimhom. Ma kienux biss l-imwarrba, imma kkunsidrati bħala diġa’ mejta anki mill-familjari tagħhom stess. Il-liġi Lhudija kienet tipprojbixxi li wieħed imiss jew jersaq lejn lebbruż biex ma jisfax ritwalment imniġġes.

Il-lebbruż tal-Vanġelu tallum għamel xi ħaġa ta’ min jinnota. Hu resaq lejn Ġesu’ b’kunfidenza u umilta’ u emmen li Ġesu’ setgħa u kien se jfejjqu. Normalment lebbruż kien jiġi mħaġġar jew almenu mkeċċi jekk jipprova jersaq qrib Rabbi jiġifieri Mgħallem bħalma kien Ġesu’. Ġesu’ mhux biss jaqtagħlu xewqtu, imma jurih l-imħabba personali, il-ħniena u l-ġentilezza t’Alla bil-mod kif imissu. Skont l-għarfien mediku ta’ dak iż-żmien li tmiss lebbruż kien ifisser li kont se tkun f’riskju gravi li tieħu l-istess marda tiegħu.

Mela Ġesu’ mhux biss fejjaq lil lebbruż fiżikament imma wkoll emozzjonalment u spiritwalment għax fl-imħabba li wrieh meta ma ddejjaqx imissu wassallu il-messaġġ qawwi tal-imħabba t’Alla għalih b’mod aktar qawwi milli setgħa jwassallu bil-kliem.

Ħsieb għal Qalbek …

L-Ispirtu s-Santu jħeġġeġ lil qalbna bl-imħabba ta’ Kristu biex aħna wkoll inkunu nistgħu nilħqu u nservu lill-oħrajn mimlijin ħniena u nieħdu ħsiebhom b’kompassjoni b’mod speċjali dawk li ġew imwarrba u mmaltrattati.

Int tħallih lill-Ispirtu s-Santu jimlielek qalbek bl-imħabba u l-kumpassjoni ta’ Kristu għall-oħrajn?

Itlob …

Ħa tkun il-qawwa ta’ mħabbtek Mulej Ġesu’ tħeġġeġ bl-imħabba u l-ħlewwa li tant tippenetra fil-qlub tagħna li tbegħedhom minn dak kollu li hu taħt is-sema tgħaqqadhom dejjem iżjed miegħek u tiftaħhom għall-bżonnijiet tal-oħrajn. Ammen.