61. Riflessjoni fuq Luqa 4: 14-22

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Luqa 4: 14-22

Luke 4 14-22

L-Evanġelju skont San Luqa 4: 14-22

[Lq:4:14] Fdak iż-żmien, Ġesù, bil-qawwa ta’ l-Ispirtu, reġa’ mar il-Galilija; u l-fama tiegħu xterdet ma’ dawk l-inħawi kollha,

[Lq:4:15] għax hu kien jgħallem fis-sinagogi tagħhom fost it-tifħir ta’ kulħadd.

[Lq:4:16] Ġesu ġie Nazaret fejn kien trabba. Daħal fis-sinagoga tagħhom, kif kien imdorri jagħmel nhar ta’ Sibt, u qam biex jaqra.

[Lq:4:17] Tawh f’idejh il-ktieb ta’ Isaija l-profeta, fetħu u sab fejn kien hemm miktub dan li ġej:

[Lq:4:18] ‘L-Ispirtu tal-Mulej fuqi, għax hu kkonsagrani. Bagħatni nħabbar il-ħelsien lill-imjassrin, nwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin, u d-dawl mill-ġdid lill-għomja, nrodd il-ħelsien lill-maħqurin

[Lq:4:19] u nxandar sena tal-grazzja tal-Mulej.’

[Lq:4:20] Mbagħad raġa’ għalaq il-ktieb, tah lura lill-qaddej u qagħad bilqiegħda. Għajnejn kulħadd fis-sinagoga kienu msammra fuqu.

[Lq:4:21] U beda jgħidilhom: “Din il-kitba seħħet illum, intom u tisimgħu.”

[Lq:4:22] U lkoll laqgħu kliemu u stagħġbu għall-kliem mimli ħlewwa li kien ħiereġ minn fommu.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Kienet użanza għal Ġesu’ li jmur is-sinagoga kull nhar ta’ Sibt il-jum qaddis tal-Lhud u meta kien imissu kien jaqra mill-Iskrittura. In-nies ta’ beltu semgħuh b’attenzjoni kbira f’din l-okkażjoni għaliex kienu semgħu dwar il-mirakli li kien għamel fi bliet oħra. X’sinjal kien se jagħmel f’beltu stess?

Ħsieb għal Qalbek …

Kemm drabi l-familjarita’ twassal għal nuqqas ta’ rispett żbaljat fl-oħrajn. Ġesu’ ma setgħa jagħmel l-ebda manifestazzjoni tal-qawwa tiegħu fosthom għax qalbhom kienet iebsa u magħluqa bin-nuqqas ta’ twemmin fih. Jekk in-nies flimkien jaslu jobgħodu u jirrifjutaw li jifhmu, allura ma jaraw xejn ħlief il-punt tagħhom u ma jaslux li jħobbu u li jaċċettaw lill-oħrajn.

Inti malajr tieħu għalik u toffendi ruħek ħabba l-oħrajn?

Itlob …

Mulej Ġesu’, Inti l-milja tat-tamiet u x-xewqat kollha tagħna. L-ispirtu tiegħek jagħtina l-grazzji, il-verita’, il-ħajja u l-liberta’. Imlieni bil-vera ferħ tal-Evanġelju li ġejt twasslilna u ħeġġeġ lil qalbi bl-imħabba u ż-żelu għar-rieda Mqaddsa tiegħek. Ammen.