59. Riflessjoni fuq Mark 6: 33-44

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mark 6, 33-44

672_Jesusfeedsthemultitudes5loves2fish

L-Evanġelju skont San Mattew 6, 33-44

[Mk:6:33] F’dak iż-żmien, in-nies raw lil Ġesu u d-dixxipli tiegħu sejrin; kienu ħafna dawk li għarfuhom, u telqu jiġru ‘l hemm bil-mixi, nies mill-ibliet kollha, u waslu qabilhom.

[Mk:6:34] Xħin niżel l-art mid-dgħajsa ra kotra kbira ta’ nies u tħassarhom, għax kienu qishom nagħaġ bla ma għandhom ragħaj, u qabad jgħallimhom ħafna ħwejjeġ.

[Mk:6:35] Meta kien sar il-ħin ġmielu, resqu d-dixxipli tiegħu u qalulu: “Dan post imwarrab, u ġa sar ħafna ħin.

[Mk:6:36] Ibgħathom, ħa jmorru fl-irziezet u fl-irħula tal-qrib jixtru xi ħaġa x’jieklu.”

[Mk:6:37] Iżda hu weġibhom: “Agħtuhom intom x’jieklu.” Qalulu: “U aħna se mmorru nixtru b’mitejn dinar ħobż biex nagħtuhom x’jieklu?”

[Mk:6:38] Mbagħad staqsiehom: “Xi kemm għandkom ħobż? Morru araw.” Meta saru jafu, qalulu: “Ħamsa, u żewġ ħutiet.”

[Mk:6:39] Mbagħad ordnalhom iqiegħdu lil kulħadd bilqiegħda, ġemgħa ġemgħa, fuq il-ħaxix aħdar.

[Mk:6:40] U n-nies inxteħtet fl-art mija mija, u ħamsin ħamsin.

[Mk:6:41] Hu ħa l-ħames ħobżiet u ż-żewġ ħutiet, rafa’ għajnejh lejn is-sema, bierek, qasam il-ħobżiet, u ta l-kisriet lid-dixxipli tiegħu biex inewwluhom lin-nies quddiemhom, u qasam ukoll iż-żewġ ħutiet bejniethom ilkoll.

[Mk:6:42] U kulħadd kiel u xaba’.

[Mk:6:43] U ġabru l-bċejjeċ li fadal mill-ħobż u l-ħut u mlew tnax-il qoffa;

[Mk:6:44] u kienu ħamest elef raġel dawk li kielu mill-ħobż!

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Hemm xi ħaġa f’din id-dinja li verament tista’ taqtgħalna l-ġuħ u l-għatx profond li aħna nesperjenzaw?

Folla kbira ta’ nies inġabru biex jisimgħu lil Ġesu’ bla dubju għax kellhom il-ġuħ għall-Kelma tal-Ħajja. Meta sar filgħaxija d-dixxipli ta’ Ġesu’ riedu jibgħatuhom lura lejn djarhom għax huma ma kellhomx ir-risorsi biex jitimgħuhom. Huma kkumentaw ukoll li li kieku kellhom jonfqu l-flus biex jixtru x’jieklu lil dik il-folla kbira kienu jridu jonfqu ta lanqas paga ta’ sitt xhur.

Ġesu’ l-Ħobż tal-Ħajja ħa ‘l ftit li kellhom ħames ħobżiet u żewġ ħutiet u wara li radd ħajr lil Missieru tas-sema qassmu lil kulħadd sakemm kielu u xebgħu. Il-Mulej dejjem hekk jimxi magħna jkun iridna nagħtuh ‘il ftit tagħna bil-fidi u l-fiduċja fih li hu kapaċi jimmultiplikah għall-ġid tal-oħrajn.

Ħsieb għal Qalbek …

Il-Miraklu ta’ Ġesu’ li jitma’ l-ħames t’elef raġel huwa l-uniku wieħed irrakkuntat fl-erba’ Vanġeli.

X’inhu s-sinifikat ta’ dan il-Miraklu?

Dan il-Miraklu fakkar lill-poplu fil-Providenza t’Alla meta temagħhom fid-deżert meta kienu taħt it-tmexxija ta’ Mosè. Dawn meta qabadhom il-ġuħ Alla bagħatilhom l-manna  x’jieklu. Dan l-ikel kien bi tħejjija għall-veru Ħobż li jinżel  mis-sema kuljum fuq l-altari tagħna li hu Ġesu’ nnifsu. Hu l-uniku li jissodisfa l-ġuħ spiritwali tagħna u min jiekol minn dan ma jmut qatt, imma jgħix b’Ġesu’ għall-Eternita’.

Inti tersaq lejn Ġesu’ biex tagħtih ‘il ftit tiegħek b’fiduċja li hu bih se jibdel l-ħajja tiegħek u tal-oħrajn?

Ġesu’ l-Ħobż Ħaj li jinżel kuljum f’kull quddiesa li titqaddes. Jiġi biex ikun il-Ħobż li jgħajjex lilna lkoll. Qiegħed tersaq b’qalb safja biex tirċevieh jew tħallih jistenna waħdu fit-Tabernaklu tal-Knejjes tagħna?

Itlob …

Mulej, Int tissodisfa x-xewqat l-aktar profondi tal-qlub tagħna billi titmgħana bik innifsek fl-Ewkaristija Mqaddsa. Imlieni bil-gratitudni u agħtini qalb ġeneruża biex nagħmel ħin għalik, biex nipprepara bil-Qrar u niġi niltaqa’ miegħek fil-quddiesa u t-Tqarbina anke dik ta’ kuljum. Agħmel li nkun ukoll ta xhieda għal ta’ madwari biex huma wkoll jiġu u jduqu mill-benna li Inti biss taf tagħti. Il-benna tiegħek innifsek. Ammen