58. Riflessjoni fuq Mattew 4: 12-17, 23-25

Verżjoni Vidjo: Riflessjoni fuq Mattew 4: 12-17, 23-25

Brooklyn_Museum_-_The_Woman_with_an_Issue_of_Blood_(L'hémoroïsse)_-_James_Tissot

L-Evanġelju skont San Mattew 4: 12-17, 23-25

[Mt:4:12] Fdak iż-żmien, meta Ġesù sama’ li kienu arrestaw lil Ġwanni, warrab lejn il-Galilija.

[Mt:4:13] Telaq minn Nazaret u mar joqgħod Kafarnahum, qrib il-baħar, fl-inħawi ta’ Żebulun u Naftali,

[Mt:4:14] biex hekk iseħħ dak li kien ingħad permezz tal-profeta Isaija, meta qal,

[Mt:4:15] ‘Art ta’ Żebulun, u art ta’ Naftali, it-triq tal-baħar, art il hemm mill-Ġordan, Galilija tal-ġnus!

[Mt:4:16] Il-poplu li kien qiegħed fid-dlam ra dawl kbir; dawk li kienu fart u dell il-mewt idda dawl għalihom.

[Mt:4:17] Minn dak iż-żmien Ġesù beda jxandar u jgħid: “Indmu għax is-Saltna tas-Smewwiet waslet.”

[Mt:4:23] U dar il-Galilija kollha jgħallem fis-sinagogi tagħhom, ixandar l-Evanġelju tas-Saltna u jfejjaq kull xorta ta’ mard u dgħufija fost il-poplu.

[Mt:4:24] Il-fama tiegħu xterdet mas-Sirja kollha, u bdew iġibulu lil kull min kellu xi hemm fuqu, dawk li kienu jbatu b’xi mard jew uġigħ, il-maħkumin mix-xitan, il-morda b’tal-qamar, il-mifluġin, u kien ifejjaqhom.

[Mt:4:25] U bdew imorru warajh folol kbar mill-Galilija, mid-Dekapoli, minn Ġerusalemm u mil-Lhudija, u mill-inħawi ‘l hemm mill-Ġordan.

Kummentarju u Meditazzjoni Qasira

Inti tgħix il-ferħ u l-liberta’ tal-Evanġelju?

L-għedewwa ta’ Ġwanni l-Battista fittxew illi jsikktuh imma l-Evanġelju ma jistax jiġi msikket. Hekk kif Ġwanni lesta t-testimonjanza tiegħu dwar Ġesu’ bdiet il-missjoni ta’ Ġesu’ fil-Galilija. Mir-reġjun żgħir tal-Galilija kienu jgħaddu ħafna nies. Ġesu’ beda x-xandir tal-Evanġelju minn hawn hekk biex iwettaq il-Kelma t’Alla.

Fit-testment il-qadim il-profeti tkellmu dwar il-wegħda t’Alla li jibgħat Salvatur u li jistabbilixxi s-Saltna t’Alla. Dan iż-żmien issa twettaq permezz ta’ Ġesu’.

Ħsieb għal Qalbek …

Ġesu’ jieħu l-messaġġ ta’ Ġwanni l-Battista dwar l-indiema u l-konverżjoni u jsejjaħ id-dixxipli tiegħu biex jemmnu fil-Bxara t-tajba ħalli jkunu jistgħu jiġu meħlusa. X’inhi din l-Aħbar t-tajba li Ġesu’ ried iwasslilna?

Hija l-Aħbar t-tajba tal-Paċi li jerġa’ jgħaqqad ir-relazzjoni miksura li kellna m’Alla. Tat-tama, it-tama fil-qawmien u fil-ġenna, tal-verita’ fil-Kelma t’Alla u fil-Kelma t’Alla li ma tqarraqx bina. Fil-wegħda li aħna lkoll niġġeddu fit-tfittxija tagħna tiegħu, fl-immortalita’ li Alla jagħtina l-ħajja ta’ bla tmiem u fil-Bxara t-tajba tas-Salvazzjoni. Salvazzjoni mid-dnub u liberta’ biex inkunu nistgħu ngħixu bħala wlied t’Alla tassew.

Fix-xandir tiegħu tal-Bxara t-tajba Ġesu’ jitlob minna dawn iż-żewġ affarijiet:

Li nindmu u li nemmnu.

Li wieħed jindem jirriekjedi bidla fil-ħajja u trasformazzjoni tal-moħħ u tal-qalb. Huwa l-Ispirtu s-Santu li jagħtina qalb niedma, indiema sinċiera u mibgħeda lejn id-dnub u l-konsegwenzi tiegħu u rieda soda li nevitaw id-dnub fil-futur. Dan jagħmlu permezz tas-Sagrament tal-Qrar. Meta aħna ninxteħtu f’riġlejn is-saċerdot permezz tas-Sagrament tal-Qrar Alla jagħtina l-grazzja biex aħna mhux biss insiru safja għaliex hu jaħfrilna, imma wkoll il-qawwa biex aħna nevitaw kull okkażjoni tad-dnub għal li ġej.

Alla tant iħobbna li permezz ta’ dan is-Sagrament huwa jerġa’ jagħtina l-possibilta’ li nibdew mill-ġdid u li ma nħallu xejn xi jtellifna u jibblukana milli nirċievu l-imħabba li hu stess irid jagħtina.

U inti għaraftha din l-imħabba t’Alla li tissupera kull imħabba li qatt jista’ jkollok? U twieġeb għaliha billi tuża s-Sagrament tal-Qrar spiss u anke biex jagħtik il-qawwa biex ma tidnibx lanqas b’mod venjali?

Itlob …

Mulej Ġesu’ t-triqat tiegħek jagħtu l-ħajja u d-dawl. Agħmel li l-Kelma tiegħek titnissel fil-qalb tiegħi u titrasforma lil moħħi ħalli jiena inkun nista’ ngħix u nara l-qawwa u l-glorja tiegħek.

Għażiża Marija, Omm tal-parir it-tajjeb nitolbok biex tkun int li tiggwidani ħalli jiena nagħraf nagħżel dejjem it-triqat tajba tal-Mulej, ħalli nkun nogħġbu f’kollox kif int ukoll għoġobtu f’kollox. Ammen.