Għaliex il-Quddiesa hija importanti fil-ħajja tan-nisrani?

69

🌻 Ġesu’ kkmanda: “Agħmlu dan b’tifkira tiegħi” (Luqa 22:19). X’tip ta’ tifkira hi din? Mhix biss memorja ta’ xi ħaġa tal-passat (bħal ritratt jew party tal-birthday) imma hija memorjal, jiġifieri dak li ġara fil-passat jiġri issa waqt li niftakru. Mela l-quddiesa mhux tirrappreżenta lil Kristu iżda tippreżenta, tagħmel preżenti lil Kristu fostna.

🌻 Il-Quddiesa hija importanti fil-ħajja tan-nisrani għax:

  • Nobdu l-kmand t’Alla li nħarsu l-Jum tiegħu.
  • Naqtgħu x-xewqa u l-kmand ta’ Ġesu’ li mmorru għandu u li nibqgħu nagħmlu dan b’tifkira tiegħu.
  • Mingħajr din il-manna mis-sema mmutu f’dan id-deżert ta’ din id-dinja.
  • Mingħajr dan l-Ilma ħaj ninxfu spiritwalment u ninqatgħu minn Alla.
  • Mingħajr Kristu ma nistgħu nagħmlu xejn. Min jaħseb li jista’ jżomm ħajja r-relazzjoni ma’ Ġesu’ waħdu u bla għajnuna tas-sagramenti huwa żbaljat bil-kbir.
  • Id-dixxiplu individwali jesperjenza u jsaħħaħ l-għaqda tiegħu mal-komunita’ li temmen u tħobb lil Sidu.
  • It-Tqarbin hu t-Triq, il-Verita’ u l-Ħajja. Ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux b’Ġesu’. Mela t-tqarbin magħmul sewwa fil-kuntest tat-talb u l-qima tal-Quddiesa huwa l-mezz ewlieni biex naslu għall-ħajja ta’ dejjem.

X’għandi nagħmel fil-prattika biex ngħix dejjem fil-Ferħ Spiritwali?

68

🌻 Fil-Prattika għandi:

  • Nidħol fil-preżenza t’Alla bil-fidi.
  • Il-fidi hi ftuħ – ftuħ tal-qalb tagħna quddiem Alla.
  • Dan il-ftuħ iwassalna biex nagħmlu ‘esperjenza ħajja’ ta’ Ġesu’ ‘ħaj’ f’ħajjitna.

🌻 Biex nagħraf il-veritajiet tal-fidi, irrid l-ewwel nagħmel att ta’ fiduċja f’Alla u nemmen f’MIN bagħat – IBNU L-GĦAŻIŻ. Jekk nemmen li Ġesu’ jħobbni u ġie biex isalvani, allura:

  1. ser nafdaH,
  2. ser nieħu pjaċir niltaqa’ miegħU fit-talb,
  3. se nfittxU sa ma nsibU,
  4. sa ma nisma’ lehnU,
  5. sa ma nħalliH imexxili ħajti
  6. sa ma jwassalni għall-Glorja tal-Ġenna.

X’importanza rridu nagħtu lill-Kelma tal-Missier: ‘Dan hu Ibni… isimgħu lilU’ u kif nirċievu l-Ferħ Spiritwali?

67

🌻 Il-Kelma tal-Missier: ‘Dan hu Ibni… isimgħu lilU’. Għaliex minn fost tant ilħna u messaġġi li għandna madwarna, għandna nisimgħu lil Ġesu’? Għax hu d-DAWL (manifestat fil-ġrajja tat-Trasfigurazzjoni) …

  • dawl fid-dlam ta’ ħajjitna,
  • dawl fil-mumenti iebsa li ngħaddu minnhom,
  • dawl fil-mumenti ta’ qtiegħ ta’ qalb u dwejjaq,
  • dawl li jdawwal il-ħsibijiet tagħna biex nagħrfu nagħmlu l-aħjar għażliet f’ħajjitna.

🌻 Jekk inħallu dan id-Dawl jidħol f’ħajjitna billi bħal Pietru, Ġakbu u Ġwanni ninqatgħu mill-istorbju tal-ħajja ta’ madwarna u f’post ta’ skiet (bħas-skiet tal-muntanja Sinaj) nisimgħu lil Kristu fit-talb, dan id-Dawl iwassalna għall-FERĦ SPIRITWALI (li esperjenza Pietru)

  • ferħ veru li ma jgħaddix bħal kull ħaġa li hawn fid-dinja,
  • ferħ li jwasslek tintebaħ li Alla ħalqek għax ħabbek u għandu pjan ta’ mħabba għalik,
  • ferħ li l-Iben t’Alla nnifsu miet għalik fuq is-Salib biex lilek jaħfirlek dnubietek u jwasslek il-Ġenna,
  • ferħ li anki jekk fil-ħajja preżenti tgħaddi mill-iebes, taf li hemm Alla li qed jieħu ħsiebek bħal Ragħaj (ara Salm 23) li għax ma jitilqek qatt, lanqas wied mudlam ma jbeżżek.
  • ferh li dan ir-Ragħaj qed imexxik (anki jekk fid-dlam u n-nuqqas ta’ ċertezza) lejn il-Ġenna (id-destinazzjoni tan-nisrani)

🌻 Fil-Ġenna dan il-ferħ ma jkun qatt imtebba’ bid-dwejjaq li għadhom inisslu fina ċ-ċirkustanzi iebsin tal-ħajja f’din l-art.

X’mhix il-kuxjenza u allura x’nikkonkludu minn dan?

66

🌻 Il-kuxjenza mhix:

  • x’inħoss u naħseb jien,
  • lanqas fuq hiex taqbel il-maġġoranza jew dak li hu popolari,
  • lanqas x’nemmnu li jaqbel għalija jew għall-ħbieb tagħna.

🌻 Kulħadd għandu kuxjenza għax kulħadd b’mod jew ieħor jagħraf x’qed jagħmel tajjeb jew ħażin.

🌻 Kull bniedem hu wkoll obbligat jifforma l-kuxjenza tiegħu u jibbaża l-azzjonijiet tiegħu fuq il-Kelma t’Alla (il-Bibbja) u t-tagħlim tal-Knisja mwaqfa minnu.

🌻 Għalhekk, naslu għall-konkluzzjoni li l-ebda nisrani ma jista’ jfisser l-Iskrittura lil hinn jew il-barra mill-Knisja meta kienet il-Knisja stess li urietna.

🌻 Aħna wkoll, b’mod personali ma nistgħux inħallu barra t-tagħlim ta’ Kristu u l-mod kif dan it-tagħlim jiġi mfisser lilna mill-Knisja.

X’għandu jagħmel kull nisrani u l-Knisja kif tidħol fir-rigward tal-kuxjenza?

65

🌻 Min hu nisrani ma jistax jgħid ili qed jibni l-kuxjenza tiegħu u fl-istess waqt iwarrab dak li qal u għallem Ġesu’.

🌻 Il-bniedem jista’ jagħti ‘opinjoni’ imma, l-kuxjenza mhix opinjoni ta’ individwu/i!

🌻 La l-kuxjenza hi t-tweġiba tagħna għal dak li qalilna Alla permezz ta’ Ġesu’, għandha tkun ibbażata biss fuq l-istess tagħlim ta’ Ġesu’.

🌻 Fir-rigward tal-kuxjenza, il-Knisja tidħol għaliex kienet hi li fil-bidu qaltilna li l-Kelma t’Alla hi dik li hi.

🌻 Kienet il-Knisja (jiġifieri l-komunita’ nisranija), li wara proċess twil, li għandu kriterji fissi, waslet biex b’dixxerniment u bl-għajnuna t’Alla tagħżel liema huma l-kotba ispirati u l-kotba li m’humiex fil-Bibbja.

🌻 Il-proċess biex għarfet li għandha żżomm is-72 Ktieb tal-Bibbja li nafu bihom illum, ħa ħafna żmien.

🌻 Għalhekk, ma nistgħux nifhmu l-Iskrittura b’mod ieħor ħlief bil-mod kif tgħallimna dwarha l-Knisja għax kienet l-istess Knisja li għarfet dak li hu ġej minn Alla u dak li mhux ġej minn Alla.

Għaliex ‘il-kuxjenza’ hija tema importanti għalina l-insara? Il-Knisja, fit-tagħlim tagħha, għaliex dejjem tkellimna fuqu?

64

🌻 La aħna l-insara nemmnu fl-eżistenza t’Alla u li Hu ħalaq lilna l-bnedmin, il-bniedem ma jgħix ħajtu maqtugħ mir-relazzjoni tiegħu m’Alla.

🌻 Alla ma ħalaqx id-dinja u umbagħad telaqha!

🌻 Alla nnifsu kkomunika mal-bniedem, b’mod speċjali permezz ta’ Ibnu Ġesu’.

🌻 Alla uriena x’inhi r-Rieda tiegħu għall-bniedem, li Hu għandu pjan għall-istess bniedem u l-ambjent li fih jgħix.

🌻 Alla għabba lill-bniedem bir-responsabbilta’ li jieħu ħsieb ta’ dak li fdalu bil-mod kif urieh Hu, permezz ta’ Kristu.

🌻 Il-kuxjenza hi r-risposta tal-bniedem lejn Alla, wara li ingħata t-taghlim li kellu bżonn mingħand Kristu u mingħand il-Knisja li waqqaf Kristu.

Għaliex importanti li niffurmaw il-kuxjenza u li nobdu l-kuxjenza?

63

🌻 Id-dinjità u s-saħħa tagħna bħala individwi huma bbażati fuq il-kuxjenza. Meta tkun iffurmata sewwa u nobduha, il-kuxjenza hija:

  • l-aħjar gwida għal ħajjitna,
  • tiffurmana fi bnedmin sħaħ u
  • tippreparana għall-ġudizzju quddiem Alla.

🌻 Meta nittraskuraw il-kuxjenza:

  • imexxuna l-passjonijiet tagħna,
  • nitilfu l-libertà ġewwinija li mmexxu sewwa ħajjitna,
  • naqbdu l-vizzji,
  • inġibu vojt kbir f’ħajjitna u fil-ħajja ta’ dawk ta’ madwarna.

Il-persuna min fejn iġġib l-informazzjoni ta’ x’inhu tajjeb jew ħażin u x’inhi ‘kuxjenza retta’?

62

🌻 L-informazzjoni ta’ x’inhu t-tajjeb u x’jikkonsisti f’ħażin il-persuna titgħallimha bil-mod matul il-ħajja:

  • mill-ambjent familjari,
  • mill-ambjent soċjali,
  • mill-ambjent edukattiv u
  • mill-ambjent reliġjuz tagħha.

🌻 Il-kuxjenza tanalizza sitwazzjoni u taħseb fuq kif għandha taġixxi.

🌻 Il-kuxjenza retta hija dik li trid is-sewwa dejjem u li tanalizza s-sitwazzjoni, biex skont dak li tgħallmet, issib l-aħjar mod kif taġixxi f’dawk iċ-ċirkostanzi.

X’nifhmu bil-kelma ‘kuxjenza’ u x’tgħallem il-Knisja dwarha?

61

🌻 Kull bniedem jagħraf li hemm liġi ġewwa fih.

🌻 Din tagħmlu konxju li hemm it-tajjeb u l-ħażin.

🌻 Il-kuxjenza tigbed lill-bniedem biex jagħmel it-tajjeb u tippremjah meta jagħmlu.

🌻 Minn naħa l-oħra, din l-istess kuxjenza tagħtih ir-rimors meta jagħżel il-ħażin.

🌻 Din il-ligi tissejjah ‘kuxjenza’.

🌻 Il-Knisja tgħallem li l-kuxjenza hi propju attività ta’ Alla fil-qalb ta’ kull bniedem.

🌻 B’dan il-mod, Alla jikkmanda lil kull bniedem.

🌻 Il-bniedem, bil-libertà tiegħu, jagħżel it-tajjeb u jaħrab il-ħażin.

Hemm min jgħid: “Kristu, iva! Knisja, le!”. Xi ngħidu dwar dan?

11

🌻 Hemm min jaħseb biex jitlaq mill-Knisja, iżda jkun jrid jibqa’ jemmen fi Kristu. Dan ma jagħmilx sens għax kif tista’ trid lil Kristu u ma tridx dak li jgħid Hu?

🌻 Mela mhux vera tridu, għax kieku vera tridu trid dak li jrid Hu, u Ġesu jrid il-Knisja għax waqqafha Hu stess. Mela min jitlaq il-Knisja u jipprova jżomm lil Kristu, ikun qed jemmen f’xi Kristu kif jimmaġinah u jivvintah hu, u mhux il-vera Kristu.