It-tentazzjonijiet jistgħu jiswewlna ta’ ġid?

72

🌻 It-tentazzjoni mhix dnub. Li wieħed iħoss fih il-ġibda biex jagħmel dak li hu ħażin jew biex jiskarta dak li suppost jagħmel, hija ħaġa li jħossha kulħadd anki l-akbar qaddisin. Li jgħodd mhux dak li nħossu jew jiġi waħda f’moħħna jew fil-fantasija tagħna, imma dak li rridu. Sakemm it-tentazzjoni ma naċċettawhiex għax irridu, ma nistgħux ngħidu li nkunu għamilna xi dnub.

🌻 Nistgħu nqabblu t-tentazzjoni:

  • Ma’ test li wieħed ikollu joqgħod għalih.
  • Dan la jkun għalina ta’ deni u lanqas ta’ ġid.
  • Isir ta’ deni jekk neħlu fih; imma jekk ngħaddu minnu jkun jiswielna ta’ ġid.

🌻 Iva, it-tentazzjonijiet jistgħu wkoll iservuna ta’ ġid minħabba li aħna nitgħallmu mill-iżbalji tagħna stess:

  • Eżempju: sirna nafu li l-fjamma tan-nar taħraq wara li ħraqna jdejna l-ewwel darba.
  • Jekk wieħed ma jiltaqax mat-tfixkil ma jkunux jista’ jgħid kemm għandu karattru sod.
  • Il-qaddisin saru qaddisin mhux għax ma kellhomx tentazzjonijiet, iżda għax għarfu jegħlbuhom.

🌻 Min jegħleb it-tentazzjoni:

  • jissaħħaħ fil-fidi u fil-karattru
  • joqgħod attent u jfittex li jissaħħaħ fit-tagħlim u fl-imġieba
  • jikber fl-imħabba lejn Alla
  • ikattar it-teżori tiegħu fis-sema
  • jagħmel pass lejn il-Ġenna

🌻 Min jaqa’ fit-tentazzjoni:

  • jagħmel pass lejn it-telfien ta’ dejjem – l-Infern.

It-tentazzjonijiet minn fejn jiġu?

71

🌻 It-tentazzjonijiet jiġu:

  • mix-xitan – li jqanqal fina l-ġibdiet ħżiena jew jinqeda b’nies oħrajn li jħajjruna għall-ħażen;
  • minna nfusna – fejn aħna mhux darba u tnejn inħossu bħal ġlieda fina bejn dak li hu tajjeb u dak li hu ħażin;
  • min-nies l-oħrajn – fejn iwasslulna eżempji jew vizzji li ma jkunux tajbin.

🌻 Proposta ħażina, meta tiġi mill-għedewwa tiegħek, faċli twarrabha; meta tiġi minn sħabek faċli taċċettaha. Huwa għalhekk li rridu noqogħdu attenti ħafna fl-għażla tal-ħbieb tagħna … mhux kulħadd jista’ jkun ħabib tajjeb!

X’għandna nagħmlu aħna u minn fejn se nsibu l-qawwa li tgħinna nkunu tassew liberi u negħlbu t-tfixkil?

Presentation1

🌻 Jekk fil-ħajja tagħna jkollna bosta tentazzjonijiet, ma rridux naqtgħu qalbna. Jeħtieġ li nħarsu lejn Ġesù. Hu wkoll ġie ttentat, mhux darba u tnejn! Imma Ġesù kien kapaċi jegħleb dan it- tfixkil, u aħna rridu nagħmlu bħalu. Irridu nżommu lil Ġesu’ bħala l-mudell ta’ kif nirbħu t-tfixkil.

🌻 Fit-tentazzjonijiet li kellu, Ġesù jidher bħala l-bniedem ħieles li jegħleb kull tfixkil. Aktar ma nkunu nixbħu lil Ġesù fil-ħajja tagħna, aktar ikollna l-qawwa li nkunu nixbħuh ukoll waqt il-ħin tat-tentazzjoni. Bis-saħħa ta’ Ġesu’ u l-Ispirtu tiegħu, ma hemm l-ebda tentazzjoni, kbira kemm hi kbira, li ma nistgħux negħlbuha.

Nisrani kif għandu jieħu sehem fil-Quddiesa u għaliex il-Quddiesa hi meqjusa bħala l-aqwa talba?

70

🌻 In-nisrani:

  • Għandu jmur il-Quddiesa għax jixtieq jobdi u jħobb lil Ġesu’ u lill-Knisja tiegħu.
  • Għandu jindem minn dnubietu biex jagħmel tqarbina tajba.
  • Għandu jagħmel ħiltu biex jixrob il-Kelma.
  • Għandu tassew jitlob bil-qalb fil-waqtiet li jsir dan.
  • Għandu jitqarben bl-akbar fidi, tama u mħabba li hemm fih.
  • Għandu jrodd ħajr lil Alla.

🌻 Il-Quddiesa hi meqjusa bħala l-aqwa talba għaliex fi Ġwanni 4, insibu li Ġesu qal li l-Missier Alla jfittex lil dawk li jadurawh fl-Ispirtu u l-Verita’. Din hi l-adorazzjoni unika li jrid u jistenna l-Missier. Ġesu’ qalilna li hu din il-Verita u Hu biss jista’ jagħtina l-Ispirtu. Dan iseħħ bil-mod l-aktar qawwi fil-Quddiesa u bit-Tqarbin. Mela t-talba li l-aktar togħġob lil Alla l-Missier hi l-offerta ta’ Ġesu’ ssagrifikat għalina u mogħti lil Missier. Aħna nidħlu bis-sħiħ f’din l-offerta tal-Iben lill-Missier bit-talb u t-tqarbin u mbagħad billi ngħixu din l-offerta tul ħajjitna.

Għaliex il-Quddiesa hija importanti fil-ħajja tan-nisrani?

69

🌻 Ġesu’ kkmanda: “Agħmlu dan b’tifkira tiegħi” (Luqa 22:19). X’tip ta’ tifkira hi din? Mhix biss memorja ta’ xi ħaġa tal-passat (bħal ritratt jew party tal-birthday) imma hija memorjal, jiġifieri dak li ġara fil-passat jiġri issa waqt li niftakru. Mela l-quddiesa mhux tirrappreżenta lil Kristu iżda tippreżenta, tagħmel preżenti lil Kristu fostna.

🌻 Il-Quddiesa hija importanti fil-ħajja tan-nisrani għax:

  • Nobdu l-kmand t’Alla li nħarsu l-Jum tiegħu.
  • Naqtgħu x-xewqa u l-kmand ta’ Ġesu’ li mmorru għandu u li nibqgħu nagħmlu dan b’tifkira tiegħu.
  • Mingħajr din il-manna mis-sema mmutu f’dan id-deżert ta’ din id-dinja.
  • Mingħajr dan l-Ilma ħaj ninxfu spiritwalment u ninqatgħu minn Alla.
  • Mingħajr Kristu ma nistgħu nagħmlu xejn. Min jaħseb li jista’ jżomm ħajja r-relazzjoni ma’ Ġesu’ waħdu u bla għajnuna tas-sagramenti huwa żbaljat bil-kbir.
  • Id-dixxiplu individwali jesperjenza u jsaħħaħ l-għaqda tiegħu mal-komunita’ li temmen u tħobb lil Sidu.
  • It-Tqarbin hu t-Triq, il-Verita’ u l-Ħajja. Ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux b’Ġesu’. Mela t-tqarbin magħmul sewwa fil-kuntest tat-talb u l-qima tal-Quddiesa huwa l-mezz ewlieni biex naslu għall-ħajja ta’ dejjem.

X’għandi nagħmel fil-prattika biex ngħix dejjem fil-Ferħ Spiritwali?

68

🌻 Fil-Prattika għandi:

  • Nidħol fil-preżenza t’Alla bil-fidi.
  • Il-fidi hi ftuħ – ftuħ tal-qalb tagħna quddiem Alla.
  • Dan il-ftuħ iwassalna biex nagħmlu ‘esperjenza ħajja’ ta’ Ġesu’ ‘ħaj’ f’ħajjitna.

🌻 Biex nagħraf il-veritajiet tal-fidi, irrid l-ewwel nagħmel att ta’ fiduċja f’Alla u nemmen f’MIN bagħat – IBNU L-GĦAŻIŻ. Jekk nemmen li Ġesu’ jħobbni u ġie biex isalvani, allura:

  1. ser nafdaH,
  2. ser nieħu pjaċir niltaqa’ miegħU fit-talb,
  3. se nfittxU sa ma nsibU,
  4. sa ma nisma’ lehnU,
  5. sa ma nħalliH imexxili ħajti
  6. sa ma jwassalni għall-Glorja tal-Ġenna.

X’importanza rridu nagħtu lill-Kelma tal-Missier: ‘Dan hu Ibni… isimgħu lilU’ u kif nirċievu l-Ferħ Spiritwali?

67

🌻 Il-Kelma tal-Missier: ‘Dan hu Ibni… isimgħu lilU’. Għaliex minn fost tant ilħna u messaġġi li għandna madwarna, għandna nisimgħu lil Ġesu’? Għax hu d-DAWL (manifestat fil-ġrajja tat-Trasfigurazzjoni) …

  • dawl fid-dlam ta’ ħajjitna,
  • dawl fil-mumenti iebsa li ngħaddu minnhom,
  • dawl fil-mumenti ta’ qtiegħ ta’ qalb u dwejjaq,
  • dawl li jdawwal il-ħsibijiet tagħna biex nagħrfu nagħmlu l-aħjar għażliet f’ħajjitna.

🌻 Jekk inħallu dan id-Dawl jidħol f’ħajjitna billi bħal Pietru, Ġakbu u Ġwanni ninqatgħu mill-istorbju tal-ħajja ta’ madwarna u f’post ta’ skiet (bħas-skiet tal-muntanja Sinaj) nisimgħu lil Kristu fit-talb, dan id-Dawl iwassalna għall-FERĦ SPIRITWALI (li esperjenza Pietru)

  • ferħ veru li ma jgħaddix bħal kull ħaġa li hawn fid-dinja,
  • ferħ li jwasslek tintebaħ li Alla ħalqek għax ħabbek u għandu pjan ta’ mħabba għalik,
  • ferħ li l-Iben t’Alla nnifsu miet għalik fuq is-Salib biex lilek jaħfirlek dnubietek u jwasslek il-Ġenna,
  • ferħ li anki jekk fil-ħajja preżenti tgħaddi mill-iebes, taf li hemm Alla li qed jieħu ħsiebek bħal Ragħaj (ara Salm 23) li għax ma jitilqek qatt, lanqas wied mudlam ma jbeżżek.
  • ferh li dan ir-Ragħaj qed imexxik (anki jekk fid-dlam u n-nuqqas ta’ ċertezza) lejn il-Ġenna (id-destinazzjoni tan-nisrani)

🌻 Fil-Ġenna dan il-ferħ ma jkun qatt imtebba’ bid-dwejjaq li għadhom inisslu fina ċ-ċirkustanzi iebsin tal-ħajja f’din l-art.