Tista’ tkun differenti!

It-Tnejn, 31 ta’ Ottubru 2016: Riflessjoni dwar Mt 11: 2-11. (It-3 Ħadd tal-Avvent tas-Sena A). Ara t-test tagħha taħt il-vidjo ….

MUR GĦAL-LISTA SĦIĦA TAT-TAĦDIDIET TA’ FR HAYDEN

Il-Paċi magħkom l-aħwa! Nilqagħkom għal dan il-programm ieħor ‘Ejjew Għandi’ stedina sabiħa li l-Mulej jgħidilna sabiex dejjem niġu għandu, aħna min aħna, m’hawn ħadd minnkom li huwa eskluż għeżież tiegħi. Il-Kelma t’Alla hija għal kulħadd tista’ tkun l-iktar qaddis u l-ikbar imxajtan ma tagħmilx differenza quddiem il-Mulej. Aħna lkoll kemm aħna wliedu u lkoll kemm aħna msejħin biex nisimgħu l-Kelma tiegħu, illi dejjem tagħtina t-Triq, hija dejjem Verita’ għalina u ttina dejjem Ħajja fil-ħajja tagħna.

Dal-programm għeżież tiegħi temmnu jew ma temmnux huwa l-mitt wieħed illi qiegħed nagħmel f’din is-serje ‘Ejjew Għandi’ ma nistax nemmen illi propju għamilna diġa’ mitt programm u forsi tgħiduli kemm inpaċpaċ u kemm ngħid u għandkom raġun nittama li ma ndejjaqkomx ħafna. Il-Kelma li sejrin nieħdu llum il-ġurnata għeżież tiegħi ħalli tkompli anke ftit ma’ dak li għedna l-aħħar darba ħa nkomplu bil-figura ta’ Ġwanni l-Battista li huwa personaġġ partikulari ħafna, illi jħejjina anke għall-miġja ta’ Ġesu’, għal dak li aħna niċċelebraw fil-Milied. U din id-darba l-Ġwanni l-Battista m’aħniex ħa nsibuh fid-deżert kif sibnieh l-aħħar darba, imma ħa nsibuh fil-ħabs. X’ġara?

Ġwanni, li kien fil-ħabs sema’ bl-għemejjel tal-Messija, u bagħat għandu tnejn mid-dixxipli tiegħu. Qegħdin naqraw minn San Mattew kapitlu 11 minn vers 2 sa 12. U qallu “Int huwa dak li għandu jiġi, jew nistennew lil ħaddieħor?” Ġesu’ wieġeb u qalilhom: “Morru agħtu lil Ġwanni l-aħbar ta’ dak li qegħdin tisimgħu u taraw: l-għomja jaraw, iz-zopop jimxu, il-lebbrużi jfiqu, it-torox jisimgħu, il-mejtin iqumu, l-Evanġelju jixxandar lill-foqra. Hieni hu min ma jitfixkilx minħabba fija! Meta dawk telqu, Ġesu’ qabad ikellem lin-nies fuq Ġwanni: “Xi ħriġtu taraw fid-deżert? Qasba tixxejjer mar-riħ? Xi ħriġtu taraw? Raġel liebes fin? Dawk li jilbsu fin fil-palazzi tas-slaten issibuhom. Mela xi ħriġtu taraw? Profeta? Iva, ngħidilkom, anzi xi ħaġa iżjed minn profeta. Dan hu li fuqu hemm miktub, ‘Ara, jiena nibgħat qablek il-ħabbar tiegħi biex iħejji triqtek quddiemek.’ Tassew, ngħidilkom li fost in-nisa ħadd ma qam akbar minn Ġwanni l-Battista. U b’danakollu l-iżgħar wieħed fis-Saltna tas-Smewwiet hu akbar minnu.”

Hawnhekk għeżież tiegħi għandna Vanġelu interessanti ħafna. Ġwanni l-Battista li jispiċċa arrestat ġewwa l-ħabs jisma’ minn għand id-dixxipli tiegħu, il-Kelma t’Alla tgħidilna: L-għemejjel li Ġesu’ li kien qed jagħmel, Ġesu’ x’kien qiegħed jagħmel. Ċioe’ mod speċjali l-mirakli li kien qiegħed jagħmel. U għalfejn ġibdu l-attenzjoni għeżież tiegħi l-mirakli ta’ Ġesu’? Ċertament jiġbdu l-attenzjoni għax huma l-mirakli fihom infushom illi, anke llum il-ġurnata anke min ma jemminx, ħaġa li tista’ tidher stra-ordinarja, xjentifikament mhux spjegabbli wkoll tiġbed l-attenzjoni għeżież tiegħi, imma iktar u iktar fi żmien Ġesu’ l-mirakli li beda jagħmel Ġesu’ kienu t’importanza kbira. Għaliex?

Għax il-poplu Lhudi kien qed jistenna ‘l Mose’ l-ġdid, kien qed jistenna l-Messija li kellu jkun bħal Mose’. Mhux ħa nidħol fid-dettal imma għandna profezija fit-Testment il-Qadim li tgħidilna illi, Mose’ stess jgħidilhom li għad jibgħatilkom profeta bħali. U Mose’ ħareġ il-poplu Lhudi mid-deżert kif nafu mill-ġrajja tal-Bibbja u l-aħjar li nkunu nafu l-Bibbja direttament imma forsi min ma qarahiex, semaha fil-Knisja, jew ra l-film The Ten Commandments nafu kif Alla ħareġ il-poplu Lhudi permezz ta’ Mose’ bil-mirakli li għamel. U allura meta Ġesu’ għeżież tiegħi deher jagħmel dawn il-mirakli kbar kif għamel Mose’, allura dawn il-mirakli ġidbu l-attenzjoni u qajmu l-mistoqsija fi ħdan il-poplu. ‘Dan hu l-Messija li għandu jiġi?’ Għax nafu l-Messija meta jiġi għandu jagħmel dawn il-mirakli għeżież tiegħi.

U għal-lum nixtieq nieqaf ftit fuq dawn propju s-Sinjali tal-Messija. Għaliex meta Ġwanni jibgħat jistaqsi lil Ġesu’ jgħidulu: ‘Isma’ inti hu dak li qed nistennew jew xi ħaddieħor?’ Ġesu’ jgħidilhom: “Morru għidu lil Ġwanni dak li rajtu u smajtu” u Ġesu’ dak il-ħin jibda jfejjaq skont San Luqa jibda jagħmel il-mirakli dak il-mument. Ċioe’ s-sinjali li Ġesu’ għamel jitkellmu dwar min huwa Hu. Is-sinjali, il-mirakli li għamel Ġesu’ jitkellmu mill-identita’ tiegħu, bħala li hu l-Messija. Issa għeżież tiegħi Ġesu’ lil Ġwanni qalilhom lin-nies morru għidu dwar li rajtu, morru tkellmu dwar dak li qegħdin taraw, u morru għidu dak li smajtu. Mela, kemm il-mirakli u kemm it-tagħlim, kemm il-Kelma u kemm is-sinjali.

Aħna għeżież tiegħi xi drabi fl-Istorja tal-Knisja, enfassizzajna t-tieni waħda. Ġesu’ jgħidilhom biex immorru jgħidulu hemm dak li tisimgħu u taraw. Ħafna drabi aħna ngħidu biss dak li smajna. Bħala Knisja xi drabi nenfassizzaw biss il-Kelma t’Alla, t-tagħlim, li ngħallmu n-nies, li ngħallmu l-Kelma t’Alla pero’ ma nenfassizzawx ukoll daqstant ieħor dak li rajna, ċioe’ l-esperjenza ħajja ta’ Ġesu’. U dawn huma żewġt affarijiet li aħna bħala Nsara b’mod speċjali aħna s-saċerdoti, il-mexxejja tal-Knisja, min qiegħed f’għaqdiet, movimenti, min qed jevanġelizza, min qed iwassal ‘il Ġesu’ fi żminijietna rridu noqgħodu attenti li ma ninfirdux dawn it-tnejn minn xulxin. Għaliex jista’ jkun ikollna persuni li importanti li ngħallmu, importanti li nippriedkaw, importanti li nxandru l-Kelma t’Alla, importanti li ngħallmu n-nies il-Katekiżmu tal-Knisja, imma dik hija 50 %. Ma’ dan Ġesu’ għamel ukoll is-sinjali.

X’qegħdin naraw imma? X’inhuma s-sinjali li l-Mulej qed jagħtina llum? X’qed jagħmel il-Mulej illum? Ma nistgħux nitkellmu biss minn Ġesu’ li jgħallem biex inpoġġiha hekk, irridu nitkellmu wkoll minn Ġesu’ illi jagħti s-sinjali. Ġesu’ li jfejjaq, Ġesu’ li jeħles. Issa wħud jgħidulek aħna m’għandniex bżonn is-sinjali biex nemmnu għeżież tiegħi. Is-sinjali mhumiex biex nemmnu. Is-sinjali huma wkoll il-konferma tat-twemmin tagħna, is-sinjali huma l-konferma u l-espressjoni ta’ Kristu li huwa Ħaj fi żminijietna llum għeżież tiegħi. San Pawl jgħidilna li Ġesu’ għadu l-istess, il-bieraħ, illum, għal dejjem. Ġesu’ ma tbiddilx! Ġesu’ għeżież tiegħi li ta l-Kelma jibqa’ jagħti l-Kelma llum, jibqa’ jgħallimna permezz tal-Knisja, pero’ wkoll Ġesu’ ta s-sinjali, jibqa’ jagħti s-sinjali tiegħu llum anke fil-Knisja tagħna llum għeżież tiegħi. U nixtieq naqbad dawn is-sinjali li l-Mulej għeżież tiegħi għamel hawn, dawn is-sinjali Messjaniċi u naraw anke x’jistgħu jfissru fil-mixja tagħna, x’jistgħu jfissru anke fil-ħajja tagħna llum.

Ġesu’ jgħid: ‘L-għomja jaraw, iz-zopop jimxu, il-lebbrużi jfiqu, it-torox jisimgħu, il-mejtin iqumu, l-Evanġelju jixxandar lill-foqra. Sitt affarijiet għeżież tiegħi jgħidilna. L-ewwel ħaġa huma fuq livell fiżiku dawn iġifieri l-għomja kienu qed jaraw, il-mejtin iqumu, l-imxjatnin jinħelsu, it-torox jisimgħu, il-mard tal-lebbra jitlaq, ċioe’ Ġesu’ li jfejjaq fiżikament. Fuq l-ewwel livell huma mirakli fiżiċi, fejqan fiżiku. Ġesu’ llum ukoll għadu jfejjaq fiżikament għeżież tiegħi. Forsi wħud ma jemmnux, forsi wħud jiddubittaw, forsi wħud jgħidulek imma jiena tlabt imma ma fiqtx għeżież tiegħi – ma jibdel xejn minn dak li huwa Alla.

 Jekk ix-xemx ma narahiex ma jfissirx li x-xemx ma teżistix u lix-xemx ma ssaħħanx għax sempliċiment għax jiena qed inħoss il-bard. Għeżież tiegħi l-Verita’ m’hijiex dak li jien nesperjenza. Ħafna drabi aħna l-Verita’ nagħmluha dak li nesperjenzaw. Jekk jien ħaġa nesperjenzaha hija vera jekk jiena ma nesperjenzahiex mhix vera. Imma nafu li mhuwiex hekk għeżież tiegħi. Jekk jien ix-xemx ma narahiex, ix-xemx teżisti u jekk jiena x-xemx naraha ma tagħmilhiex teżisti iktar lanqas. Ix-xemx teżisti għax teżisti, irrelevanti għaliex jiena naraha jew jien ma narahiex. Nista’ ma narahiex għax ix-xemx qed tiddi x’imkien ieħor għax il-pożizzjoni tad-dinja m’hijiex f’dik il-pożizzjoni tajba li se tgawdi ix-xemx, tista’ x-xemx ma narahiex għaliex jiena nbati bin-nuqqas ta’ dawl, nista’ ma narahiex għax jiena qiegħed ġol-bini allura x-xemx miniex qed naraha. Jista’ jkun hemm diversi raġunijiet għaliex ma narahiex pero’ ma jfissirx li ma teżistix. Bħalma jista’ jkun hemm dievrsi raġunijiet mhux ħa nidħlu fihom għax mhux is-suġġett tagħna llum illi jiena forsi ma fiqtx pero’ b’daqshekk ma jibdel xejn li Alla huwa dak li jfejjaq għeżież tiegħi. Importanti għax aħna ma nistgħux nirraġunaw b’żewġ livelli jiġifieri l-Verita’ dejjem b’raġunament wieħed aħna narawha. Hija fiha nnfisha u mhux kif inħossuha jew kif nesperjenzawha.

Imma l-punt huwa dan illi l-Mulej anke fi żminjietna għadu jfejjaq. Jiena rajt ċirkustanzi għeżież tiegħi. Eħe rajt nies illi talbu u ma fiequx u l-Mulej ħadhom miegħu fil-ħajja ta’ dejjem. Pero’ rajt nies illi fiequ u fiequ qed ngħid iġifieri b’mod mirakoluż, b’mod t’intervent li Alla għadu jfejjaq anke fi żminijietna għeżież tiegħi u ma nibżax ngħidha għax konvint minnha għax hija Verita’. Il-Mulej daqskemm ifejjaqna billi anke jeħlisna mill-mard tagħna. Xi drabi jfejjaqna wkoll billi jagħti xi sens ġdid u jagħtina l-qawwa tiegħu fil-mard tagħna maqgħudin mat-tbatija tiegħu, jagħti orizzonti ġodda lill-istess sofferenza tagħna maħbubin tiegħi. U nixtieq illi hekk ma naqtgħux qalbna npoġġu lilna nfusna. Il-Mulej li jfejjaqna, il-Mulej li anke jfarraġna fit-tbatija tagħna.

Ejjew inkunu umli u nilqgħu dak li Alla jagħtina fl-istorja tal-ħajja tagħna anke jekk aħna mhux dejjem nifhmuh u naf li mhux dejjem ikun faċli. Għeżież tiegħi jiġifieri anke jekk f’qalbna forsi hemm, tisma’ dil-Kelma u hemm ċerta rabja għax imma jien żewġi ma fieqx, miet, binti ma fiqitx mietet u forsi f’eta’ żgħira. Ikollna din ir-rabja u mhux dejjem nistgħu nidħlu eżattament fil-pjan t’Alla għalina, b’ħafna mistoqsijiet. Ma naqtgħux qalbna, il-ħajja tagħna,

  • il-fidi tagħna hija mixja,
  • il-fidi tagħna għandha l-ispazju li tistaqsi,
  • il-fidi tagħna għandha l-ispazju li tagħmel domandi,
  • il-fidi tagħna tiddjaloga,
  • il-fidi tagħna tirraġuna,
  • il-fidi tagħna tidħol fil-proċess għeżież tiegħu u hija normali dil-ħaġa.

M’hemm xejn nuqqas ta’ fidi b’daqshekk, m’hemm xejn li huwa kontra l-fidi anzi hija l-fidi tagħna li tikber u timmatura bil mod ‘il mod. Pero’ mbagħad hemm għeżież tiegħi dawn is-sinjali, dawn is-sitt sinjali li Ġesu’ jagħti nistgħu naraw anke tifsir profond fuq livell uman u spiritwali fil-ħajja tagħna.

L-għomja jaraw

L-ewwel waħda li jgħid Ġesu’ li l-għomja jaraw. Ġesu’ ġie jagħti d-dawl lill-għomja. Mhux biss l-għama li ma jarax fiżikament, pero’ kemm hemm affarijiet li aħna m’aħniex naraw u hemm bżonn li nħallu lil Ġesu’ jiftħilna għajnejna biex narawhom, fuq ħafna livelli għeżież tiegħi. L-ewwel livell huwa li naraw lil Ġesu’ nnifsu, li aħna min m’għandux il-fidi fil-Kelma t’Alla huwa għama. Il-fidi hija d-dawl, il-fidi tagħtik dawl ġdid, il-fidi ġġegħelek tara li toħroġ mid-dlam li int tgħix fih għax min m’għandux lil Alla f’ħajtu qed jgħix f’ċerta dlam għeżież tiegħi. Mentri Ġesu’ ġie biex jagħtina d-dawl, biex naraw il-Verita’ tiegħu għeżież tiegħi. Pero’ hemm ħafna affarijiet oħrajn li forsi għandna bżonn anke nħallu lil Alla l-Imbierek jiftħilna għajnejna u narawhom għeżież tiegħi. Forsi int mintix tara ż-żwieġ tiegħek li qed jitkisser għax int aljenat fix-xogħol. Inti importanti li ġġib il-paga, tħallas l-ispejjeż, tlaħħaq mal-kontijiet u għandek raġun, għax min ħa jħallashomlok? Il-flus minn fejn ħa jiġu? Trid taħdem għalihom, imma forsi m’intix tinduna illi ‘l ħafna xogħol tiegħek qed ibegħdek dejjem iktar minn martek, minn uliedek.

Forsi mintix tinduna li int iktar qed tqatta’ ħin ma’ kollegi tiegħek tax-xogħol, titkellem magħhom u forsi tinġibed lejn xi ħadd fuq ix-xogħol għax għandek iktar ħin hemm, iktar tista’ titkellem hemm milli fil-verita’ għandek ħin mal-mara u mar-raġel biex titkellem magħhom. Allura aktar faċli li tista’ terġa’ tinammra tista’ ssib imħabba ġdida. Għaliex id-dar imbagħad tmur għajjien, tmur stressjat u kollox bil-għaġla u kollox bil-ħatfa, m’għandniex ħin biżżejjed. Ċioe’ m’intix tara! M’intix tara u mingħalik li kollox ok u m’intix tinduna li martek qed taqlibilek li żewġek qed jaqlibilek. M’intix tinduna li isma’ m’għadniex infittxu lil xulxin, m’hemmx iktar intimita’ bejnietna. M’intix tinduna li m’aħniex aktar nitkellmu dwarna nfusna imma dejjem nitkellmu dwar it-tfal, dwar ix-xogħol, dwar il-problemi tas-soċjeta’, dwar… imma m’aħniex nitkellmu iktar dwar ir-relazzjoni tgaħna, l-emozzjoni tagħna għal xulxin, il-feelings tagħna, aħna fejn aħna sejrin. M’intix tinduna? Qed tgħama għal din ir-realta’? Għax xi drabi hekk jiġrilna għeżież tiegħi. Taħt saqaf wieħed u għomja għar-realtajiet tagħna. Ma narawx u Ġesu’ anke hawnhekk irid jiftħilna għajnejna għax Alla ma jinteressahx biss mir-relazzjoni tagħna miegħu, imma jinteressah ukoll mir-relazzjoni tagħna ta’ bejnietna għax Alla huwa Mħabba u l-imħabba hi waħda fil-ħajja.

Forsi hawn min qed jgħama għeżież tiegħi, m’aħniex naraw is-soċjeta’ tagħna fejn hija sejra. Għomja! Anzi naħsbu li naraw. Ftakru Ġesu’ x’jgħid ee, li l-ikbar agħma min jaħseb li jara, min jaħseb li jifhem, min jaħseb li jaf, min jagħmilha tal-propotenti. Is-supperv li jaf kollox hu l-ikbar agħma għeżież tiegħi.

  • Fejn sejra s-soċjeta’ tagħna?
  • Aħna fejn sejrin?
  • In-nies tagħna huma kuntenti?
  • Mhux jekk għandniex xi Growth Ekonomiku jew le ta.
  • Is-suċċess ma jitkejjilx biss mill-G.D.P tas-soċjeta’,
  • Is-suċċess tas-soċjeta’ ma jitkejjilx biss mill-Ekonomija tagħha,
  • is-suċċess tas-soċjeta’ ma jitkejjilx biss mit-Turiżmu,
  • is-suċċess tas-soċjeta’ mhuwiex biss fuq il-livell Ekonomiku.

Għeżież tiegħi għax ħafna drabi aħna dak sar l-uniku kejl tas-soċjeta’ tagħna jekk hux tajba jew le, jekk hiex tavvanza jew le. Jekk l-Ekonomija hiex tavvanza jew le għeżież tiegħi, dak. Flus! alla flus dak hu l-kejl, mentri naraw is-soċjeta’ tagħna jekk hux qed tikber huwa daqskemm l-iktar nies li qegħdin ibatu kemm qed issibu fosthom. L-iktar nies li huma dgħajfa kemm huma fiċ-ċentru tal-ħsieb f’tal-moħħ, f’tal-qalb soċjali tagħna għeżież tiegħi.

Is-soċjeta’ tagħna naraw hiex fejn hi sejra u inkun naf fejn hi sejra wkoll meta naraw il-valuri tagħna fejn huma. Is-soċjeta’ tagħna naraw jekk hijiex b’saħħita u hijiex mixja ‘l quddiem daqskemm għandna familji u żwiġijiet b’saħħithom għeżież tiegħi. Is-soċjeta’ tagħna naraw hux qed tikber u qed timmatura u hiex sejra f’direzzjoni tajba daqskemm ir-rispett lejn il-ħajja mit-tnissil naturali sal-mewt naturali huwa rispettat. Rispettat fil-liġijiet, rispettat fil-prattika medika, rispettat fl-għażliet li kull wieħed minna nagħmlu. Dan hu għeżież tiegħi, imma xi drabi forsi ngħamew m’aħniex naraw jew forsi għażilna illi nilbsu nuċċali differenti biex nibdew ngħidu l-affarijiet b’mod differenti.

Xi drabi aħna anke fi żminijietna biex ma narawx tajjeb jew mingħalina naraw tajjeb sirna nibdlu l-kliem. Per eżempju: Il-Kelma Abort illum nibdluha nagħmluha Termination of Pregnancy tidher sabiħa għeżież tiegħi, għandna dal-lingwaġġ hekk jidher sabiħ, Icing Sugar Termination.. twaqqaf it-tqala biex ma tgħidx li toqtol. Nibdlu l-kliem biex il-kuxjenza tagħna nippruvaw inserrħuha. Imma mhux qed taraw dan l-għama għeżież tiegħi u kemm ħafna minna… L-adulterju tgħidlu Partner iġifieri ma tarawx għeżież tiegħi kemm aħna qegħdin nagħmlu ħafna Icing Sugar? Kemm m’aħniex qegħdin naraw xi drabi? U min jipprova jiftħilna għajnejna x’ngħidulu? Agħlaq ħalqek int antikwat, int ma tifhimx, jien naf l-affarijiet tiegħi.

Ħbieb tiegħi ħafna drabi forsi nagħżlu li nkunu ma rridux naraw, forsi għax aħna mweġġgħin. Iva, dik hija verita’ xi drabi hemm ħafna wġigħ, imma jekk ikollok għajnejk miġugħa u għax miġugħa ma tarax tajjeb x’tagħmel tibdel il-vista? Tibda tibdel l-affarijiet t’hemm barra? Jew tipprova tfejjaq il-weġgħa li għandek? Jiena naħseb li jekk għandi l-Glaucoma f’għajnejja u nibda nara ċ-ċpar u ma nafx xiex u nibda nara affarijiet imżelġin ma nibdilx l-affarijiet t’hemm barra, immur infejjaq għajnejja. Ma nibdilx l-affarijiet t’hemm barra, imma nibdel lili nnifsi. Insib il-fejqan fil-weġgħat li għandi.

Jien jekk nibda nara t-T.V. imċajpar naqbad u mmur nibdel it-T.V., ma nikkonsidrax li forsi l-problema qiegħda f’għajnejja li jien m’inix nara sew? Allura nista’ nibdel kemm irrid T.V.s qatt m’hu ħa nibqa’ nara tajjeb għax il-problema  hawn qiegħda mhux fit-T.V, imma ħafna drabi għeżież tiegħi, aħna biex l-uġigħ tagħna ntaffuh nibdlu, nibdlu. Tibdel it-T.V. u taħseb li ħa tiġi tara aħjar u ma tiġix tara aħjar għax il-problema m’hijiex fit-T.V., il-problema hija f’għajnejk.

Ġesu’ irid għeżież tiegħi jfejjaq il-weġgħat profondi tagħna għax il-verita’ hija li aħna bnedmin li meta nkunu mweġġgħin ma nibqgħux naraw tajjeb. Ilkoll kemm aħna, mhux qed ngħidlek li ħażin, mhux qed ngħidlek li qed nagħtik tort. Inti per eżempju meta tkun imweġgħa u tibda tirrabja, ma tibqax tara, tidgħi, issabbat, titkellem ħażin, tibgħat lil kulħadd isaqqi l-ħass tal-Marsa, titkellem bl-addoċċ, qisek ma tibqax tara tgħama! Terfa’ jdejk, issawwat lil dak li jkun, tagħmel kapriċċi, iġifieri tieħu deċiżjonijiet bla sens, li wara jiddispjaċik isallab lil familtek bihom u għax int supperv ma tibdilhomx jew għax supperva ma tibdilhomx biex iżomm il-punt u taf li inti żbaljat. Tgħama!

Illum għeżież tiegħi rridu nħallu lill-Mulej ittina d-dawl mill-ġdid. Ejjew ma naqtgħux qalbna, taqtax qalbek! Anke jekk għamejt u għaxxaqtha. Ġesu’ ma ġiex iħalli lil min hu agħma biex jibqa’ agħma. Għeżież tiegħi Alla jimpurtah minnek anke jekk ħawwadt u żbaljat. Alla ma jikkundannaniex fl-iżbalji tagħna, Alla jurina l-Verita’ biex ifejjaqna. Għax hawn min jgħidlek il-Verita’ biex isallbek biha u dik noqgħodu attenti ee għax xi drabi tista’ tkun anke tentazzjoni fil-Knisja li ngħidu l-Verita’ biex insallbu n-nies. Ġesu’ qatt ma qal il-Verita’ biex isallab, Ġesu’ qal il-Verita’ biex jeħles. Hemm differenza kbira. Verita’ li ma twassalx għall-ħelsien, noqgħodu attenti għax Alla l-Verita’ li jgħidilna biex jeħlisna mhux biex idamdamna u jkissirna, biex ittina xi ħasla, jtina xi xebgħa u jħallina hemm hekk u joqgħod jilgħab bir-rimors tal-Guilt tagħna. Le! Il-Mulej jgħidilna l-Verita’ biex jilliberana, biex jurina esperjenza isbaħ, esperjenza iktar qawwija, jagħtina t-tama ġdida fil-ħajja tagħna, imma l-Verita’ jrid jgħidilna. Ma jagħtiniex tama mqarqa, falza, ma jagħmiliniex icing sugar għeżież tiegħi, ma jagħmlilniex rigali koroh ġo wrapping paper sabiħ,ee! Imma jurina l-Verita’ kif inhi li tweġgħana ftit pero’ biex jilliberana. Ejjew inħallu lill-Mulej joħroġna mill-għama li aħna qegħdin fih.   

Iz-zopop jimxu

It-tieni ħaġa li naraw għeżież tiegħi, iz-zopop jimxu. Ċioe’ z-zopop jimxu nies li ma setgħux jimxu li kienu mwaħħlin u Ġesu’ jagħtihom il-qawwa li jibdew mixjin għeżież tiegħi. U forsi anke aħna għeżież tiegħi għaddejna minn ċirkustanza fejn inti għajjejt timxi. Għajjejt, mela m’għandekx raġun tgħejja?

  • Kemm ħa ddum taħfer u dejjem taqlaha?
  • Kemm ħa ddum iċċedi u japprofittaw ruħhom minnek?
  • Kemm ħa ddum tgħid iva, u kulħadd jilgħab bik kif irid?
  • Kemm ħa ddum tagħlaq ħalqek fuq il-post tax-xogħol?
  • Għeżież tiegħi, kemm ħa ddum tagħmel il-ġid u taqlaha minn fuq u jdurlek bil-maqlub?

Xi kultant tgħejja f’din il-mixja anke bħala Nisrani. Mela ma tgħejjiex għeżież tiegħi. Dażgur li tgħejja! U Ġesu’ tant jaf li ngħejjew qalilna: ‘Ejjew għandi, u jiena nserraħkom.’ Għaliex? Għax jaf li ngħejjew. U għandna raġun ngħajjew għeżież tiegħi għaliex xi drabi biex timxi trid titqabad. Xi drabi hija taqbida għeżież tiegħi kontra l-ħażen. U xi drabi jtik li tgħejja tiġġieled mal-ħażen, imma Ġesu’ jrid iqajjimna ma jrid iħalli lil ħadd minna jaqa’ f’nofs triq. It-tiġrija sal-barkun ngħidu bil-Malti għeżież tiegħi. Aħna rridu nibqgħu mexjin u jien nixtieq nagħmlilkom kuraġġ. Jekk forsi int xi darba

  • kont timxi,
  • kont titlob,
  • kont tattendi laqgħa ta’ talb,
  • kont temmen f’Alla,
  • kont temmen fi Kristu,
  • tqerr,
  • titqarben,
  • taqra l-Bibbja,
  • titlob ir-Rużarju,
  • temmen fiż-żwieġ tiegħek

u issa waqaft u m’għadekx timxi minn dan kollu għax ġara xi ħaġa u għajjejt. Come on! Il-Mulej qed jagħtik tama ġdida, qalbi. Il-Mulej qed jgħidlek: ‘Isma’ qum! Jiena rrid nimxi miegħek. Jiena ntik il-qawwa, jiena ntik il-forza, jiena nfejjaq din il-ferita’ li għandek li qed iżommok milli timxi.’

Kemm uħud minna għeżież tiegħi forsi huma waqfu milli jimxu għaliex? Għax weħlu mal-passat, weħlu mal-passat.

  • Kelma li qaltlek ma nafx min tletin sena ilu għadha tweġgħek,
  • azzjoni li saritlek qabel iż-żwieġ u għadha hemmhekk,
  • promotion li ma ħadtx tant snin ilu u għadek bla tomgħa ta’ gost ta’ xejn fuq il-post tax-xogħol,
  • ħatfa li ħatfek saċerdot u daqshekk qerrejt.

Kemm minna għeżież tiegħi, aħna mwaħħlin fil-passat tagħna u m’aħniex nimxu. Il-Mulej irid ifejjaqna ta, il-Mulej irid jeħlisna. Ma jrid ħadd minna jeħel fil-mixja tal-ħajja tagħna. Ġesu’ llum qed jimbuttana, qed jagħtina kuraġġ, qed jagħtina l-qawwa tiegħu li jfejjaqna ħalli nqumu u nimxu għeżież tiegħi.

Il-lebbrużi jfiqu

Imbagħad għandna l-lebbrużi jfiqu. Il-lebbrużi fi żmien Ġesu’ kienet marda vera kerha jiġifieri kienet b’ħafna kundizzjonijiet tal-ġilda li kienu fuq tlett livelli. Il-lebbruż kien bniedem marid fiżikament għax kellu l-lebbra, kien marid emozzjonalment u soċjalment. Għaliex? Għax il-lebbruż kien maqtugħ mis-soċjeta’ you know? Kien ferut fir-relazzjonijiet tiegħu, kienet twarrbek is-soċjeta’, emmarġinat. U l-lebbruż huwa wkoll persuna kienet illi marida spirtwalment għax il-lebbra kienet simbolu taż-żmien. Kien ikkunsidrat bħala l-persuna ġġudikat minn Alla għad-dnub tiegħu għeżież tiegħi, kien simbolu tad-dnub.

U allura għandna, anke llum għandna l-lebbra. Din m’hijiex biss il-lebbra fiżika imma kemm għandna nies għeżież tiegħi li għandna l-mard spiritwali tagħna maħbubin tiegħi. Illi aħna għandna bżonn infiqu, inħallu lil Ġesu’ mid-dnub tagħna u ma nibżgħux ngħidu d-dnub, dnub għax anke l-kelma dnub sirna allerġiċi għaliha, ma rridux ngħidu. Dnub tafu xi tfisser? Dnub huwa meta inti tilgħab id-darts, toqgħod tgara d-darts u d-darts meta tilgħabha inti tipprova teħodha bull’s eye jiġifieri tolqot eżattament iċ-ċentru. Meta int ma tolqotx iċ-ċentru toqgħod iddur u tgħaqad. Id-dnub dak li huwa toqgħod iddur u tgħaqad u qatt ma tieħu ċ-ċentru tal-ħajja. Il-kelma Dnub fil-Grieg hija Hamartia u dan li tfisser għeżież tiegħi, missing the point, missing the mark.

Aħna meta nidħlu f’ħajja tad-dnub we miss the point għeżież tiegħi, jiġifieri nitilfu l-iskop. Bit-taljan jgħidu x’inhu d-dunkwe’? Allura, tista’ tgħidli x’inhu l-punt? Meta jkollok xi ħadd joqgħod iddur jgħid, jgħid, jgħid imbagħad ixebbgħek jgħid know? Tgħidlu isma’ tista’ tgħidli x’inhu l-punt eżatt? Xi trid tgħidli? Dak ‘il ħafna tiġbid u tidwir mal-lewża dak huwa d-dnub għeżież tiegħi u qatt ma mmorru għall-punt. Il-punt x’inhuwa hemm tagħna, il-punt hu Alla. Il-punt hu Alla. Alla li hu Mħabba li jridna nħobbuh u nħobbu lil xulxin u nħobbu lilna nnfusna. Dak hu l-punt tal-ħajja l-bqija dak kollu tiġbid noqgħodu nduru u ngħaqdu, dak huwa dnub fil-ħajja tagħna. U inti jekk toqgħod tilgħab id-darts tinfiska, tinħaraq minn ġewwa li qatt ma teħodha bull’s eye. Id-dnub dan hu d-dwejjaq li jġibilna tħossok imdejjaq minn ġewwa għaliex għandek kemm għandek, ma għandek xejn. Għandek li trid u m’intix kuntent, isiefer u ġewwa tibqa’ vojt, tixxala, tieħu l-buzz, tinfaqa’ bid-droga, tisker, tħawwad sesswalment illum ma’ dik għada mal-ieħor, imbagħad mal-oħra u ma nafx xiex imma minn ġewwa vojt. Dan huwa d-dnub għeżież tiegħi. Iddur u tgħaqad mingħalik qed tieħu l-pjaċir tiegħek u minn ġewwa tibqa’ vojt għax you’re missing the point.

Issa Ġesu’ għeżież tiegħi meta qed jgħidilna l-lebbrużi jfiqu qed jgħidilna wkoll li isma’ get back to the point. Irid ifejjaqna minn dan ‘il ħafna dwejjaq tad-dnub li hemm madwarna maħbubin tiegħi. Id-dnub huwa dwejjaq ta. Ħafna drabi d-dnub huwa mpenġi cool, relax, modern, trendy fil-verita’ dwejjaq iġib f’qalb il-bniedem, għidu lili x’nara u x’nisma’ għeżież tiegħi hija verita’. Aħna lkoll kemm aħna nagħmlu d-dnub għax mingħalina ħa nagħmlu t-tajjeb, għax mingħalina ħa nġibu l-ferħ. Qatt ħsibtuha din? Ħafna drabi aħna nagħmlu d-dnub għax mingħalina ħa nkunu kuntenti, jiġifieri inti mort mal-prostituta mingħalik ħa jkollok għaxar minuti buzz u ħa ssib il-kuntentizza tiegħek u ħriġt ‘il barra vojt. Iva, ħbieb tiegħi vojt, din hi l-verita’ pero’ aħna ma ngħiduhiex ee, għax aħna rridu nidhru cool, għax aħna ipokriti. Dik il-problema tagħna, ma nammettux il-Verita’ għeżież tiegħi u Ġesu’ jrid jeħlisna, irid ifejjaqna mid-dnub tagħna għeżież tiegħi, irid jagħmilna persuni liberi. Temmen li dan jista’ jagħmlu?

U jagħmlu b’mod sempliċi jekk aħna lkoll kemm aħna f’dan iż-żmien inqumu qawma fuq tagħna u nersqu għas-Sagrament tal-Qrar. Immorru nitolbu maħfra lill-Mulej fi ħdan il-Komunita’ Nisranija u nirċievu l-maħfra tiegħu għeżież tiegħi. Kemm nies wara li jqerru joħorġu fil-paċi, joħorġu bit-tbissima, qalbhom mistrieħa u dan b’xejn! L-Imħabba t’Alla hija b’xejn toqgħodux lura għeżież tiegħi. Ersqu lura, agħmlu kuraġġ, sibu saċerdot li jista’ jifihimkom. Jekk issib saċerdot illi jaħftek, li ma jifhmekx, sempliċiment tmurx iktar għandu full stop. Int jekk tmur għand tabib u ma jolqtokx terġa’ tmur għandu? Issib ieħor. Jekk tmur għand hairdresser u ħawwidtlek xagħrek terġa’ tmur għandha? Tmur għand oħra. Għeżież tiegħi, aħna f’kollox nagħmlu hekk anke fl-affarijiet spiritwali, ejjew nagħmlu hekk. Nibqgħu nfittxu sakemm insibu dik il-persuna li tolqotna u meta ssibha titlaqhiex ħalliha tkun strument fil-ħajja tiegħek, ħalli l-Mulej jista’ jfejqek anke fil-Qrar minn dan id-dnub tagħna.

It-torox jisimgħu

Jgħidilna wkoll li t-torox jisimgħu Ġesu’ għeżież tiegħi u kemm għandna nies torox illum il-ġurnata. Hawn min ma jridx jisma’ għeżież tiegħi għax rasu iebsa. Kemm nies tipprova tgħidilhom il-ġid, tgħidilhom is-sewwa, parir tajjeb u ma jridux jisimgħu għax ma jisimgħux x’jagħmlu? Ifattruha. Jien nixtieq ngħidilkom għeżież tiegħi min ma jismax u jfattarha ma nagħlqulux ‘il bieb f’wiċċu. Għax ħafna drabi aħna t-tendenza hija b’mod speċjali l-ġenituri mat-tfal x’ngħidulom? ‘M’għedtlekx jien, ħaqqek, tort tiegħek. Għedtlek jien, dak li ħadt għax ma smajtx minni.’ Ejjew ma ngħiduhx dal-kliem għeżież tiegħi. Hekk ta tkun qiegħed biex tgħidha u jkollok raġun imma jekk aħna nħobbu kif Alla jħobbna, jekk aħna rridu nimxu fuq il-passi ta’ Ġesu’ anke min ma semgħax u żbalja ma nistgħux intemmgħulu dak id-diskors lura ma’ wiċċu.

Din mhijiex l-attitudni t’Alla jiġifieri fil-Bibbja mkien ma nsibu li Ġesu’ għax xi ħadd dineb imur lura ħaqqek, it-tort tiegħek ta mhux int ma smajtx. Le! imma l-Mulej jilqagħana lura b’ħafna mħabba, b’ħafna ħniena. Ejjew nimxu hekk aħna ma’ xulxin ukoll għeżież tiegħi, illi min ma semgħax mill-Verita’, anke aħna bħala Knisja għeżież tiegħi, ma nistgħux noqgħodu ngħidu lil kulħadd ‘Ħaqqek, it-tort tiegħek u għax ma smajtx, għax Alla qalilna.’ Vera, Alla qalilna, imma issa jekk int ma smajtx u għaxxaqtha, issa rrid ngħinek fil-weġgħat tiegħek.

Iġifieri jiena dejjem ngħid illi ħafna drabi jekk inti tisker u ssuq u jkollok accident u tmur l-emerġenza l-ewwel ħaġa li jgħidulek tkun ‘it-tort tiegħek, ħaqqek! Int ma tafx il-liġi xi tgħid? Ma tafx kemm għandna reklami li m’għandekx issuq jekk xrobt?’ ħadd ma jgħidlek hekk l-ewwel jaqbdu jaraw kif iwaqqfu d-demm li ħiereġ u jagħtuk l-għajnuna li għandek bżonn. Imbagħad forsi jgħidulek dan il-kliem wara. Aħna hekk irridu nkunu għeżież tiegħi, ħafna nies iva ma semgħux mill-Mulej, ma semgħux mill-parir it-tajjeb u għaxxquha u ħawwdu ma jridux jisimgħu, imma issa x’se jagħmlu għax fattruha? Noqgħodu ngħidulhom, isma’, isma’, isma’? Mhux aħjar nfejquhom, inkunu strument ta’ fejqan kif il-Mulej jagħmel għeżież tiegħi. Minn naħa l-oħra pero’ rridu nitgħallmu nisimgħu wkoll ta. Ejjew ma nkunux suppervi, ejjew ma rridux nidħlu fil-manija illi rrid nesperjenza kollox jien biex nitgħallem, irrid kollox skont, aħjar nasal li hi ħażina għax għamiltha u batejt il-konsegwenzi.

Ħbieb tiegħi, Ok trid tgħix hekk? Imma ftakar li xi drabi se jkollok prezz kbir. Jekk trid titgħallem lin-nar jaħraq biex tinħaraq insomma jekk trid tgħix hekk għix imma ftakar li ħa tbati ħafna konsegwenzi ee! U ftakar li xi darba tista’ tinħaraq waħda sew u ma jkollokx tieħu t-tagħlima għax tibqa’ taħtha. Smajt x’għedtlek? Xi drabi jista’ ma jkollokx ċans tieħu t-tagħlima għax tibqa’ taħtha għeżież tiegħi. Huwa ħafna għerf u għaqal li nitgħallmu nisimgħu,

  • nisimgħu minn anzjani,
  • nisimgħu minn min jifhem,
  • nisimgħu minn ġenerazzjoni oħra,
  • nisimgħu minn min jgħidilna l-Verita’,
  • nisimgħu mill-Kelma t’Alla,
  • nisimgħu mill-Knisja, iva li wħud huma allerġiċi għaliha.

Imma nisimgħu għeżież tiegħi, hija att t’umilta’ li int kapaċi tisma’, nerġa’ ngħid problema tagħna hija s-suppervja. Aħna anke bejnietna hawn min dejjem jgħid u qatt ma jrid jisma’ lil ħaddieħor. Supperv u jaħseb li hu jaf kollox. L-umli jisma’ ħafna għeżież tiegħi u b’mod speċjali x’għandna bżonn l-iktar li nisimgħu? Il-Kelma t’Alla. Il-Kelma t’Alla anke jekk ma taqblux miegħi imma ngħidilkom l-iktar ħaġa li għandna bżonn nisimgħu hija l-Kelma t’Alla. It-torox hemm bżonn jisimgħu – Ġesu’ ġie jkellimna.

Il-mejtin iqumu

Il-mejtin iqumu jgħidilna l-Mulej. Kemm hi sabiħa din! Taf x’tama tagħtina? Illi lil min forsi l-iktar forsi ħawwadt qiegħed jgħix fl-iktar qiegħ, sar żibel, qed jgħix verament fl-infern ta’ din l-art, imma qed jgħidilna: ‘Jiena nista’ nqajjmek mill-mewt tiegħek. Jiena nista’ nagħtik ħajja ġdida.’ Forsi int qed tgħix fil-mewt tal-imħabba, iddisprat, indannat u Alla qed jgħidlek: ‘Jiena lest li nagħtik ħajja ġdida’ Forsi int tgħix fil-mewt tal-Alkoħol, fil-mewt tad-Droga, fil-mewt tal-Logħob tal-Azzard, fil-mewt tal-Prostituzzjoni, fil-mewt tal-Gentlemen’s club, fil-mewt tal-Message għax saret moda, immorru għall-Message taparsi għall-Message u nispiċċaw fit-taħwid sesswali kollu. Għeżież tiegħi kapaċi int inqbadt f’dawn l-affarijiet ee, il-mewt ta’ dawn l-affarijiet għeżież tiegħi u forsi spiċċajt vittma tagħhom, pornografija, ma tistax toħroġ minnhom u l-Mulej qed jgħidlek: ‘Jien irrid nagħtik ħajja ġdida, jien għandi tama ġdida għalik anke jekk kulħadd qata’ qalbu minnek, Ġesu’ qed jgħidlek jien ma naqtax qalbi minnek. ‘Jiena lest li nqajjmek mill-mewt tiegħek.’ Kif qajjem lil Lzzru mill-mewt, kif qajjem lit-tifel tal-armla ta’ Najm. Dan hu Alla għeżież tiegħi u l-Vanġelu jgħidilna jixxandar lill-foqra ċioe’

  • l-iktar nies imwarbin, Kristu ġie għalihom,
  • l-iktar nies imwarbin Ġesu’ jagħtihom s-sinjali,
  • l-iktar nies imwarbin jagħtihom aħbar tajba,
  • jagħtihom Lilu nnifsu f’kelma waħda.

Ġesu’ ġie għal min hu fqir, għal min hu batut, għal min hu mwarrab għeżież tiegħi. Dawn huma s-sinjali tal-Messija, dan hu Ġesu’ dak li qed jagħmel illum u mhux li għamel elfejn sena ilu, li qed jagħmel illum.

MUR GĦAL-LISTA SĦIĦA TAT-TAĦDIDIET TA’ FR HAYDEN

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s