Daħla f’qoxritna!

It-Tnejn, 31 ta’ Ottubru 2016: Riflessjoni dwar Mt 3: 1-12. (It-2 Ħadd tal-Avvent tas-Sena A). Ara t-test tagħha taħt il-vidjo ….

MUR GĦAL-LISTA SĦIĦA TAT-TAĦDIDIET TA’ FR HAYDEN

Il-Paċi magħkom għeżież tiegħi. Hija dejjem ta’ ferħ għalija illi nista’ niltaqa’ magħkom u nitkellmu flimkien dwar il-Kelma t’Alla li hija dejjem ta’ dawl, hija dejjem ta’ gwida għalina, hija dejjem mument ta’ fejqan, mument li jagħtina t-tama, mument li forsi anke jkun daqsxejn ta’ sfida u challenge fil-ħajja tagħna. Imma Ġesu’ dan kollu jagħmlu għeżież tiegħi f’kuntest li jgħidilna sabiex niġu għandu, għaliex jaf illi aħna għand min irridu mmorru fit-taħwid li ħafna drabi nsibu ruħna fih fil-ħajja.

Ġesu’ qalilna li huwa biss it-Triq, huwa biss il-Verita’, huwa biss il-Ħajja u aħna għeżież tiegħi nippreżentaw il-Kelma tiegħu li anke għalina hija t-Triq, il-Verita’ u hija Ħajja. Kull darba li aħna niftħu l-Kelma t’Alla, kull darba li aħna nitolbu bil-Kelma t’Alla, kull darba li aħna nisimgħu l-Kelma t’Alla tiġi ppriedkata, imħabbra għalina hija t-Triq għalina ċioe’ mgħoddija li minnha aħna rridu ngħaddu u hija t-Triq li hija wkoll il-Verita’ jiġifieri m’hijiex triq li jiena nista’ ngħaddi minnha bħala opinjoni bħal meta nagħmlu xi diskussjonijiet kulħadd bl-opinjoni tiegħu, imma hija Verita’ u hija wkoll Ħajja, ċioe’ hija t-Triq illi hija Verita’ u li tagħtini l-Ħajja. Ċioe’ hija Verita’ li lili mhux tjassarni, mhijiex Verita’ li lili tkissirni, imma hija Verita’ li lili tilliberani jekk jien dejjem naċċetta bħala Verita’ fil-mixja tal-ħajja tiegħi.

Il-Kelma li sejrin nieħdu llum għeżież tiegħi titratta dwar personaġġ li lkoll nafuh, il-personaġġ ta’ Ġwanni l-Battista li kien qed iħejji t-Triq għall-Mulej. Ħa naqraw daqsxejn dis-silta mill-Vanġelu u mbagħad naraw xi tfisser għalina anke fil-ħajja tagħna llum. Inħeġġiġkom ħafna sabiex dawk minnkom li għandkom il-Kelma t’Alla b’mod speċjali t-Testment il-Ġdid qrib tagħkom issibuha, tiftħuha magħna f’San Mattew Kapitlu 3 minn vers 1 sa vers 12.  Matthew 3: 1-12.

F’dawk il-jiem deher Ġwanni l-Battista jippriedka fid-deżert tal-Lhudija u jgħid: “Indmu, għax is-Saltna tas-Smewwiet waslet.” Għax għalih kien ingħad permezz tal-profeta Isaija, meta qal,

‘Leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert:

Ħejju t-triq tal-Mulej,

iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu.’

Dan Ġwanni kellu fuqu libsa tax-xagħar tal-ġemel, bi ħżiem tal-ġild madwar qaddu, u l-ikel tiegħu kien ġradijiet u għasel selvaġġ. U kienet tmur għandu Ġerusalemm u l-Lhudija kollha u l-inħawi kollha ta’ madwar il-Ġordan, u kienu jitgħammdu minnu fix-xmara Ġordan huma u jistqarru dnubiethom.

Kif ra bosta mill-Fariżej u mis-Sadduċej ġejjin għall-magħmudija tiegħu, qalilhom: “Ja nisel il-lifgħat, min uriekom kif għandkom taħarbu mill-korla li ġejja? Agħmlu mela frott xieraq tal-indiema. U taħsbux li tistgħu tgħidu fikom infuskom, ‘Għandna b’missier lil Abraham,’ għax ngħidilkom li Alla, minn dan l-istess ġebel, jista’ jqajjem ulied lil Abraham. Il-mannara ġa tressqet ma’ għerq is-siġra; u għalhekk, kull siġra li ma tagħmilx frott tajjeb titqaċċat u tinxteħet fin-nar. Jien, ngħid għalija, ngħammidkom bl-ilma għall-indiema; imma min ġej warajja hu aqwa minni, u jien ma jistħoqqlix inġorr il-qorq tiegħu. Hu jgħammidkom bl-Ispirtu s-Santu u n-nar. Il-midra qiegħda f’idu, biex iderri l-qiegħa tiegħu u jiġbor il-qamħ fil-maħżen, imma t-tiben jaħarqu b’nar li ma jintefiex.”

Din il-Kelma għeżież tiegħi illi hija ftit twila u hemm ħafna affarijiet x’nistgħu ngħidu dwarha nixtieq nieħu biss ftit elementi. Hija Kelma li anke l-Knisja fil-kuntest anke tal-Quddies tal-Ħadd iġifieri f’kuntest tal-Liturġija tagħha, fil-kuntest tas-Sena Liturġika tal-Knisja, il-Knisja tpoġġilna anke dan il-Vanġelu bħala perparazzjoni għall-Milied, bħala waħda mill-preparazzjonijiet għall-Milied li jkollna l-figura ta’ Ġwanni l-Battista, illi kif ħejja l-miġja ta’ Ġesu’ jkun anke mument għalina biex jgħinna nħejju lilna nnfusna għall-miġja ta’ Ġesu’ fil-Milied. Imma x’nistgħu nieħdu għeżież tiegħi minn dil-figura ta’ Ġwanni l-Battista u minn dan il-Vanġelu kollu?

L-ewwel ħaġa għeżież tiegħi għandna l-fatt illi Ġwanni l-Battista jitfaċċa fid-deżert. Dan id-deżert tal-Lhudija li huwa mdawwar b’Ġerusalemm u b’postijiet bħall-baħar il-mejjet u b’postijiet li tant huma importanti fil-mixja kollha ta’ Ġesu’ u tal-poplu Lhudi. Il-punt hu li Ġwanni l-Battista għeżież tiegħi bil-maqlub ta’ Ġesu’. Ġesu’ jmur fil-qalba tal-ibliet, fil-qalba tal-irħula, Ġesu’ jmur fil-pjazez. Il-Battista ma jmurx fil-qalba ta’ dawn l-affarijiet imma jmur fid-deżert u bil-maqlub ta’ Ġesu’ wkoll waqt li Ġesu’ jmur huwa għand in-nies, il-Battista huwa n-nies illi jmorru għandu.

U dina kienet il-mument ta’ preparazzjoni għeżież teigħi anke dan il-moviment tal-poplu illi lil Ġesu’ kellu jsibuh f’nofshom imma l-Battista kellhom joħorġu ftit mill-ambjent tagħhom, imorru fid-deżert biex hemm hekk jisimgħu l-Kelma li l-Battista kellu jagħtihom u fl-istess ħin jgħaddu mir-rit tal-purifikazzjoni li kienet il-Magħmudija u naraw dan xi jfisser ukoll. U li nistgħu nieħdu minn dawn għeżież tiegħi huma dawn il-ġiex movimenti li huma bil-maqlub ta’ xulxin pero’ li għandna bżonnhom it-tnejn li huma fil-ħajja tagħna.

Il-mument meta Ġesu’ ġie jżurna fil-ħajja tagħna ta’ kuljum. Il-ħajja tagħna ta’ kuljum ix-xogħol, il-familja, iż-żwieġ huma l-mumenti fejn aħna wkoll nistgħu niltaqgħu m’Alla fil-ħajja tagħna. Pero’ daqstant hija oħra għandna bżonn il-mumenti meta aħna rridu noħorġu ftit fid-deżert għeżież tiegħi. Għandna bżonn noħorġu fid-deżert għaliex? Għaliex xi drabi l-istress tal-ħajja ta’ kuljum u ejjew inkunu sinċieri llum għeżież tiegħi l-ħajja tagħna għandha ritmu mgħaġġel ftit mhux ħażin iġifieri jien aktar ma niltaqa’ man-nies iktar ninduna kemm dan ir-ritmu mgħaġġel mhuwiex xi kapriċċ ta’ xi individwi imma purament il-ħajja soċjali, l-istruttura tal-ħajja tagħna kif bnejnieha dawn l-aħħar snin hija propju hekk. Iġifieri inti għandek litteralment għaddej minn ħaġa għall-oħra u ħafna drabi nispiċċaw li bilkemm għandna ħin għaż-żwieġ, għall-familja, għat-tfal, għalina nfusna u wisq iktar jekk għandniex ħin għal Alla, għax ħafna drabi jiġrilna li meta għandna ħafna x’nagħmlu l-ewwel ħaġa li ntajru ‘l barra hija l-mumenti tat-talb, huwa l-mumenti t’Alla fil-ħajja tagħna. Immorru mill-ewwel għall-affarijiet iktar immedjati rrid niekol, irrid nixtri, irrid nagħmel ix-xogħol, irrid dil-ħaġa eċċ…

Illum il-Vanġelu jisfidana ftit li minkejja l-ħajja mgħaġġla tagħna għeżież tiegħi u nerġa’ ngħid dn mhijiex kapriċċ hekk hija l-istruttura soċjali tagħna li għandha toħloq pressures fuq iż-żwiġijiet, toħloq pressures fuq l-individwi jiġifieri għandha konsegwenzi negattivi ee, mhux qed ngħidu li għandha konsegwenzi pożittivi kemm għall-affarijiet umani, imma anke għall-affarijiet spiritwali. Imma l-Vanġelu tallum qed iħeġġiġna għeżież tiegħi li aħna għandna bżonn noħorġu ftit mill-belt, mir-raħal, mir-ritmu ta’ kuljum u nsibu daqsxejn il-mument tad-deżert f’ħajjitna. Ċioe’ l-mument illi mhuwiex maħkum minn din ir-rutina. Għaliex aħna għandna bżonnu, għandna bżonnu fuq il-livell uman għeżież tiegħi. Għandna bżonnu fuq il-livell uman tagħna, għandna bżonnu li ma nkunux il-ħin kollu qalb il-bini imma jkollna ambjent, anke l-ambjent naturali. Is-sabiħ anke li pajjiżna ma jiġi kollu kemm hu mibni għeżież tiegħi imma jibqa’ jkollna dawk l-ispazji fejn il-familja tista’ tgawdi, fejn il-bniedem jista’ jmur u jirrilassa. Għandna bżonn dawn l-ispazji li huma qaddisa għeżież tiegħi mhumiex biss spazji naturali, imma għalina huma spazji qaddisa huma mumenti fejn aħna nistgħu niltaqgħu m’Alla fil-ħolqien għeżież tiegħi.

Imma għandna bżonn dawn l-ispazji anke fuq l-livell spiritwali għeżież tiegħi. Issa aħna propjament Alla l-Imbierek tana ġurnata għeżież tiegħi li hija speċi ta’ tad-deżert għalina li toħroġna mir-rittmu tal-ġimgħa, li huwa jum il-Ħadd huwa Jum il-Mulej, jum il-mistrieħ li sfortunatament anke dan qed isir jum ta’ xogħol jekk mhux jum ta’ xogħol iktar ħalli titħallas b’mod doppju, għax huwa l-Ħadd għeżież tiegħi. Iġifieri diversi stabbilimenti li jiftħu l-Ħadd eċċ.. huwa qed isir kważi ġurnata ta’ xogħol bħal oħrajn. Imma dan ifisser li jekk il-bniedem se jibqa’ għaddej hekk se jitkisser maħbubin tiegħi. Jekk Alla fl-għerf tiegħu ried anke lill-bniedem jagħtih il-mistrieħ tiegħu, ejjew aħna dan nagħrfuh. Pero’ nixtieq nenfasizza li Jum il-Ħadd għandu jkun għalina u anke l-ispazji l-oħrajn li qed ngħid li għandna bżonn bħala deżert f’ħajjitna huma spazji biex aħna ninqatgħu u nisimgħu ftit iktar il-qalb tagħna u Alla fil-qalb tagħna x’qiegħed jgħidilna għeżież tiegħi li jien nixtieq inħeġġiħkom.

Ejjew nippruvaw, nippruvaw għeżież tiegħi ħalli ma jirnexxilniex imma nippruvaw insibu nofs ta’ nhar anke bi tħejjija għall-Milied. Insibu nofs ta’ nhar fejn ninqatgħu minn kollox bħala individwu, bħala familja li tagħmel nofs ta’ nhar irtir. Nofs ta’ nhar fejn tista’ toqgħod ftit bi kwietek, nofs ta’ nhar fejn inti tista’ tieqaf tirrifletti, nofs ta’ nhar fejn inti tista’ tieqaf u titlob, nofs ta’ nhar fejn inti tista’ tingħaqad ma’ xi grupp ħalli tkun tista’ tisma’ l-Kelma t’Alla titħabbar lilek b’mod ġdid. Għandna bżonn għeżież tiegħi, aħna ma nistgħux il-ħin kollu bl-istorbju.

Inħeġġiġkom ftit, ara xi storbju tista’ tnaqqas f’ħajtek. Għandna storbju li huwa minn barra, mużika kontinwament, kliem, għajjat you know? Għandna l-istorbju ta’ ġewwa l-weġgħat, l-emozzjonijiet tagħna, il-ħsibijiet tagħna, it-toqol, il-pressure tal-ħajja, il-kriżi finanzjara, falliment li għaddej minnu, minn ġewwa qatt m’għandek il-paċi, għandna bżonn nikkalmaw ftit għeżież tiegħi. Jekk nibqgħu għaddejjin hekk għeżież tiegħi nibqgħu nitkaxkru u nitkaħħlu ġo xi ħajt fil-ħajja tagħna.

Araw kull wieħed u waħda minna kif jista’ b’mod prattiku joħloq daqsxejn ftit dan l-ispazju. Il-Battista jgħix fid-deżert biex joħroġ lin-nies barra għeżież tiegħi, barra mill-belt ħalli jkunu jistgħu jieqfu jirriflettu ftit fuq din il-Kelma. U x’kien il-messaġġ ta’ Ġwanni għeżież tiegħi lin-nies li kienu jmorru għandu? Il-Kelma tiegħu li kien jgħidilhom l-ewwel ħaġa kienet indmu. Indmu! Il-Kelma ndiema mhijiex sempliċiment għeżież tiegħi, illi inti jiddispjaċik għax għamilt xi ħaġa ħażina. L-indiema fil-Bibbja li inti jiddispjaċik għax għamilt xi ħaġa ħażina hija parti minnha, imma mhuwiex biss id-dispjaċir l-indiema. L-indiema fil-Bibbja tfisser

  • li inti tibdel ‘il mod kif tirraġuna,
  • li inti tibdel ‘il mod kif taħsibha,
  • li inti tibdel il-mentalita’ tiegħek,
  • li int ma tibqax tirraġuna l-istess.

Issa għeżież tiegħi nirrealizzaw illi din l-indiema li Ġwanni u li Ġesu’ mbagħad, għax Ġesu’ jaqbad l-istess messaġġ ta’ Ġwanni jgħidilna wkoll Indmu! Għax is-Saltna t’Alla qiegħda fostkom. Ġwanni jgħid is-Saltna qed toqrob u Ġesu’ jgħid is-Saltna qiegħda fostna għax huwa Ġesu’ nnifsu. Imma l-punt huwa lit-tnejn jistiednuna għal din il-bidla tal-mentalita’, għal din il-konverżjoni. U jiena nixtieq għeżież tiegħi li nirrealizzaw ftit illi, anke aħna min miexi wara Ġesu’ u min imur il-Knisja. Xi drabi ngħejjew ma rridux u nagħmlu reżistenza magħna nfusna biex jiena nibdel ‘il mod kif nirraġuna, biex jiena nibdel il-mentalita’ tiegħi, biex jiena nibda naħsibha b’mod differenti. Ħafna minna għeżież tiegħi rridu nimxu wara Ġesu’, nibqgħu naħsbuha kif naħsbuha aħna, nibqgħu nirraġunaw kif nirraġunaw aħna u meta l-kuxjenza tmissna f’xi ħaġa jiddispjaċina, morna qerrejna, tlabna maħfra lil Alla, imma moħħna ma bdilnihiex ċioe’ nibqgħu nirraġunaw bħal qabel u din mhijiex l-indiema fil-veru sens tal-Kelma dak li Alla jrid minna.

Alla lilna l-bnedmin, Ġesu’ lilna l-bnedmin, Ġwanni li huwa l-eku ta’ Kristu li huwa l-leħen tal-Mulej qiegħed jagħmlilna stedina ‘Ibdlu l-mentalita’ tagħkom, ibdlu ‘l mod kif tirraġunaw.’ U din għeżież tiegħi hija waħda mill-kompromessi, mill-gwaj kbir ta’ ħafna Nsara llum il-ġurnata. Qed ngħid Insara mhux qed ngħid min ma jemminx, mhux min għamel għażla li ma jemminx. Dan huwa l-gwaj li qed nitkellem minnu ta’ min jgħid li jemmen, ta’ min jgħid illi jemmen f’Ġesu’ Kristu, ta’ min jgħid li hu Nisrani, ta’ min imur il-Knisja, illi fil-Knisja nirraġunaw mod per eżempju u mbagħad fis-soċjeta’ nirraġunaw mod ieħor. Ngħid li nemmen f’Ġesu’ mbagħad nirraġuna bil-maqlub ta’ kif jirraġuna Ġesu’. Hemmhekk m’hemmx l-indiema vera jiġifieri ma jistax ikun li jiena ngħid li nemmen fi Kristu imma mbagħad irrid stil ta’ żwieġ illi ma jaqbilx ma’ dak li Ġesu’ qalilna għeżież tiegħi, ma’ dak li Alla jrid mill-bniedem u l-problema tagħna llum li qed nħossuna Ok li aħna hekk. Anzi ngħidu li għandna dritt inkunu hekk.

Għeżież tiegħi min qed jimxi wara Ġesu’ allura jew għadu ma fehemx jew ix-xitan qiegħed jgħamieh jew il-mentalita’ tad-dinja ħakmitu jew qed jemmen gidba għeżież tiegħi. Mhux vera li aħna nistgħu, mela li nemmen jien nemmen illi safejn jien Nisrani, fil-Knisja, f’qalbi, waħdi quddiem Alla, imma ma għandi l-ebda dritt illi dan jiena nista’ nimponieh fuq ħaddieħor. Għeżież tiegħi huwa raġunament falz għaliex? Għax jekk li nemmen huwa verita’, il-verita’ hija għal kulħadd. Il-Verita’ mhux xi ħaġa għalija u mhijiex għalik għeżież tiegħi. Issa dina li nemmnu f’Ġesu’ u x’qalilna l-Mulej mhux verita’ li bejnietna aħna, mhux verita’ li vvintajnieha aħna. Jekk nemmnu li Ġesu’ hu Alla u jekk ma nemmnux li Ġesu’ huwa Alla hija kwistjoni oħra għeżież tiegħi, imma għal min jemmen qed ngħid. Ħafna drabi min jemmen spiċċa jilgħab il-lobgħa ta’ min ma jemminx, illi qisha l-Verita’ ma teżistix, kulħadd kif jaħsibha hu. Allura jiena Nisrani naħsibha mod u min mhux Nisrani jaħsibha mod ieħor. Aħna l-Insara għeżież tiegħi min hu Nisrani konvint u jemmen fil-verita’ jaf li l-Kelma t’Alla mhijiex opinjoni imma hi verita’ u jekk hi verita’ mhijiex verita’ għalija u gidba għalik. Hija verita’ għalija u verita’ għalik. Naf li dan id-diskors ma jinżilx tajjeb, dan id-diskors ma jagħmlekx popolari, dan id-diskors ma jagħmlekx modern, dan id-diskors jagħmlek forsi out dated, antik tal-passat għal uħud imma l-verita’ għeżież tiegħi ma għandhiex staġuni u ma għandhiex żmien. Dak li kien veru elfejn sena ilu, issa u jibqa’ għal efejn sena oħra, il-verita’ ma titbidhielx, hu aħna li nitbiedlu u mhux il-verita’. Pero’ aħna ngħixu fi żmien fejn ma nemmnux li l-verita’ teżisti. Nemmnu biss skont l-opinjonijiet u għalhekk għandna diffikulta’ li ngħixu l-Kelma t’Alla għax il-Kelma t’Alla ma titbidihielx, iż-żminjiet jitbidlu pero’ għeżież tiegħi dak li jitbidel ikissirna, il-verita’ żżommna. Issa kulħadd jaħseb għall-affarijiet tiegħu huwa u jirrifletti ftit. Alla tana moħħ, tana qalb biex nużawhom it-tnejn flimkien u fuq kollox tana l-Ispirtu tiegħu li jwassalna għall-verita’ u għall-verita’ sħiħa.

Imma dan qed ngħidu għeżież tiegħi għaliex huwa parti mill-bidla tal-mentalita’ tagħna. Aħna faċli ngħidu u iva dgħajt u mort inqerr, fejn naf jien għedt kelma ħażina u mort inqerr, offendejt lil xi ħadd u mort inqerr iddispjaċieni, imma dawn ok huma nuqqasijiet li aħna għandna nikbru minnhom u nikkonvertu, pero’ hemm affarijiet oħrajn li rridu nikkonvertu minnhom ħafna profond.

  • Kif jiena nirraġuna dwar il-ħajja?
  • Il-ħajja meta tibda?
  • Il-ħajja meta tispiċċa?
  • Il-ħajja min għandu d-dritt fuqha?
  • Is-sesswalita’ x’inhi eżatt?
  • X’jagħmel żwieġ, żwieġ?
  • X’jagħmel żwieġ li jibqa’ għal dejjem?
  • Iż-żwieġ jibqa’ għal dejjem?

Għeżież tiegħi dawn huma l-mentalitajiet għeżież tiegħi li aħna llum insibu ruħna tant drabi niddiskutu, tant drabi għandna diffikulta’ u l-Insara nsibu l-liberta’ tagħna fil-Verita’ li tagħtina l-ħajja li hi fil-Kelma t’Alla.

  • Imma aħna x’mentalitajiet għandna?
  • Aħna nirraġunaw bħal min ma jemminx?
  • Aħna nirraġunaw bħal maġġoranza?
  • Aħna nirraġunaw bl-opinjoni pubblika?
  • Aħna nirraġunaw skont xi jgħidu l-opinjonisti?
  • Aħna nirraġunaw skont x’jgħidu l-politiċi huma min huma?

Hawnhekk fejn irridu naraw lilna nfusna fejn aħna fil-verita’ għeżież tiegħi u ma nidħkux bina nfusna u mmorru fil-Knisja nemmnu mod, imbagħad immorru fil-ħajja politika, il-ħajja soċjali, fuq t-T.V, fuq il-midja, fuq il-gazzetti, fuq programmi u nirraġunaw mod ieħor u fl-istess ħin ngħidu li aħna Nsara u fl-istess ħin inkunu l-ewwel bank fil-Quddies u fl-istess ħin nitilgħu nitqarbnu u fl-istess ħin nippretendu li aħna ma nafx min aħna. Ġwanni l-Battista u Ġesu’ qed jgħidulna, ibdlu l-menatlita’ tagħkom.

Għeżież tiegħi l-bidla fil-mentalita’ biex nagħmluha rridu l-umilta’, irridu l-umilta’ u forsi din hija xi ħaġa li aħna ma għandniex. Forsi l-problema fundamentali tagħna mhijiex kwistjoni jekk il-verita’ teżistix jew le, mhijiex għax hija diffiċli biex ngħix il-verita’, mhijiex għaliex nistragilja miegħi nnifsi, imma forsi li l-problema vera tagħna li aħna nies suppervi. Jiena magħkom ee! Li aħna għandna s-suppervja fil-qalb tagħna. il-bniedem supperv tgħidilna l-Bibbja Alla ma jidħolx fi ħsibijietu. Is-suppervja hija l-għerq profond ta’ ħafna mid-diżgwit, mill-problemi li għandna fuq livell personali u fuq livell soċjali u semai anke fil-Knisja għeżież tiegħi fil-ħajja tagħna. Aħna suppervi, il-bniedem supperv Alla ma jidħolx fi ħsibijietu. Il-bniedem supperv il-verita’ hija biss li jgħid hu. Il-bniedem umli huwa dak li jfittex lil Alla. Il-bniedem umli huwa miftħu għar-rieda t’Alla, il-bniedem umli li lest anke li jisma’ anke lill-oħrajn għax il-Mulej ikellimna permezz ta’ xulxin. Imma l-bniedem supperv huwa l-bniedem li huwa ċert minnu nnifsu, il-bniedem supperv huwa dak illi Alla ma jidħolx, il-bniedem supperv illi Alla ma jkellmux permezz tal-oħrajn, li huwa hu, hu, u hu, li huwa jien, jien u jien u ħadd iktar għeżież tiegħi. Il-bniedem supperv illi l-verita’ hija biss dak li joħloq huwa, l-affarijiet kif jifhimhom hu u ħadd iktar. Is-suppervja għeżież tiegħi mhijiex faċli biex aħna neqirduha.

Ġesu’ li huwa Alla hawn hekk hija s-sbuħija tiegħu bil-maqlub tas-suppervja tagħna li rridu nilħqu lil Alla u nagħmlu lilna nnfusna alla. Il-bniedem dak li jrid jagħmel illum, irrid jagħmel lilu nnifsu hu alla, hu jiddeċiedi x’inhu t-tajjeb u l-ħażin, jagħmel lilu nnifsu alla. Alla bil-maqlub Alla sar bniedem. l-umilta’ Alla ċċekken waqt li l-bniedem irid jgħola. Alla jiġi tallab quddiemna fit-tarbija ċkejkna ta’ Betlehem, waqt li aħna rridu li nkunu suppervi quddiemu u ngħidu Lilu x’għandu jagħmel. Għeżież tiegħi Ġesu’ jurina t-triq tal-umilta’ bil-maqlub tat-triq tas-suppervja, biex aħna nibdlu ‘l mod ta’ kif nirraġunaw u naħsbu l-ewwel ma jrid jitbiddel hija qalbna mhux minn hawn rridu nitbidlu l-ewwel, imma hawn irrid jitbiddel fil-ħajja tagħna, hija qalbek. Is-suppervja toħroġ minn qalbek u l-umilta’ toħroġ mil-qalb tagħna rridu nitgħallmu niċċekknu. Ġesu’ jurina din it-triq taċ-ċkunija għeżież tiegħi. Iċ-ċkejknin jafu li jiddependu mill-ġenituri tagħhom, iċ-ċkejknin jafu li jirdu jitgħallmu minn għand l-oħrajn.

Immaġina li kieku int tiġi tarbija u din it-tarbija tippretendi li taf kollox u dit-tarbija tippretendi li tibdel id-dinja hi, u dit-tarbija tippretedni li tgħidlek hi eżattament l-affarijiet kif inhuma. Tgħidilha hawn qalbi hi, inti x’esperjenza għandek? X’taf għadek kif ġejt fid-dinja? Ħbieb tiegħi Alla l-Imbierek hekk jgħidilna lilna ta. Għadkom kif ġejtu fid-dinja li ħlaqt jien li jien kont minn dejjem. Intom x’taħsbu li tafu? Imma fis-suppervja tagħna dawn ma narawhomx, ma narawhomx. Għalkemm forsi waqt li qed tismagħni f’qalbek tista’ tgħid hemm verita’ f’dan li qed jgħid dal-Father, imma diffiċli taċċettaha. Għaliex issa s-soċjeta’ hekk għamlitek, għax issa f’min temmen int il-leaders tiegħek, in-nies li lilek jinfluwenzawk, issa hekk belgħawilek, issa hekk qalulek, issa hekk emmint, issa hekk drajt, imma fil-qiegħ nett tal-qalb tiegħek meta tidħol fil-profond , fejn taf li qed issib il-verita’? Kun umli miegħek innifsek l-ewwel u qabel kollox għax xi drabi s-suppervja ma tħalliniex fil-verita’ laqnas magħna nfusna.

Kemm-il darba jiġrilek fil-ħajja li inti taf persuna per eżempju li qed tgħidlek il-verita’, issa mhux tgħidlek il-verita’ eżistenzjali, il-verita’ dwar affarijiet kbar fil-ħajja, dwar l-affarijiet li semmejt il-ħajja, il-mewt, eċċ…. Il-verita’ anke ta’ nuqqas li għamilt int per eżempju taf li ħaddieħor qed jikkoreġiek u qed jgħidlek il-verita’. U int taf li qed jgħidlek il-verita’ u xorta ma taċċettahiex, ma tumiljax lilek innifsek. Tibqa’ tiskuża ilek innifsek, tibqa’ tagħti raġunijiet biex tiġġustifika l-ħażen li int għamilt waqt li fil-qiegħ nett ta’ qalbek taf li qed tgħidlek il-verita’ dik il-persuna. Ejja nkunu onesti u naraw jekk aħna hux ilkoll kemm aħna, jiena magħkom nagħmlux hekk. Issa aħna li nagħmlu bejnietna nagħmlu hekk m’Alla, nagħmlu hekk quddiem il-Kelma t’Alla. Nafu li qed jgħidilna l-verita’ imma nibqgħu nġibu raġunijiet biex niġġustifikaw lilna nfusna għall-ħażen tagħna. Illum ir-raġunijiet nagħmluhom ukoll, liġijiet hekk qegħdin ngħixu. Ġesu’ qed jidħol fiċ-ċirkustanzi tagħna u b’mod radikali qed jitlobna biex nikkonvertu.

Ħbieb ara ma naħsbux li aħna niċċelebraw il-Milied bil-Christmas trees, bil-Christmas Father u b’ħafna parties u b’ħafna rigali. Iġifieri hija realta’, illi fejn flok qegħdin niffukaw fil-verita’ dwar Alla li qed jidħol f’ħajjitna u jrid imiss il-feriti tas-soċjeta’ tagħna, irid imiss il-feriti tal-ħajja tagħna, irid imiss l-uġigħ, irid imiss il-gideb li aħna qegħdin ngħixu fih, l-ipokrezija li aħna ngħixu fiha u jrid jitrasformana minn ġewwa, aħna aljenati b’dan li nistgħu ngħidulu Winter Festival u mhux ċelebrazzjoni ta’ Kristu fil-ħajja tagħna. Pero’ jekk irridu nkunu fil-verita’, irridu nidħlu daħla fina nfusna għeżież tiegħi f’dan iż-żmien. Ma nkunux aljenati! Għalhekk għandna bżonn id-deżert. Għaliex xi drabi l-istess festeġjamenti li aħna ngħaddu minnhom jaljenawna, jiġifieri moħħok kemm ħa tixtri xorb, moħħok kemm ħa taqla’ rigali, moħħok kemm ħa tagħti, il-flus li ħa tonfoq imma this is for what?

Għeżież tiegħi x’se tieħu minn dan kollu? Ftit ġimgħat oħra taqleb is-sena u back to square one u nkunu għexna bubble. X’għamilnagħexna ipokrezija, bużżieqa fqajnieha u fit-2 ta’ Jannar nerġgħu l-ħajja u  back to square one? X’ħadt b’daqshekk? Ferħ li jispiċċa, kollox bżieżaq bħal meta konna żgħar. Nonfħu l-bżieżaq u jitilqu għeżież tiegħi sakemm jinfaqgħu. Ġwanni l-Battista mhux bużżieqa qed jagħmlilna għeżież tiegħi. Oħorġu fid-deżert narawh liebes lill-Battista f’dan il-kliem li qegħdin ngħidu liebes ix-xagħri, jiekol il-ġdur, jiekol l-għasel selvaġġ, il-ħajja li ma għandhiex dawn il fejn naf jien dawn is-softies, dawn l-affarijiet tal-ħajja tagħna, imma l-ħajja ftit iebsa, il-ħajja ftit awstera. Għaliex? Biex iġibna f’sensina illi l-affarijiet il-kumdita’ kollha li jiena u int għandna dina kollha se tispiċċa.

Irridu niġu mal-verita’ tal-ħajja tal-ħajja tagħna, irridu niffaċċjaw ir-realta’ u għalhekk għandna bżonn id-deżerti għeżież tiegħi. Għandna bżonn il-mumenti, id-deżert huwa mneżża’ minn dak li jidher li hu ħajja. Issa d-deżert għandu l-ħajja tiegħu fil-verita’, id-deżert għandu l-ħajja tiegħu fil-verita’. Ħajja iebsa forsi imma għandu l-ħajja tiegħu partiolari għalih. Huwa mneżża’ minn dak illi fil-belt jidher li huwa ħaj. Aħna għandna bżonn ninżgħu għeżież tiegħi minn dak li jidher li huwa ħajja, il-materjaliżmu sfrenat li aħna ngħixu fih, li jaljenana u nitkissru. Kemm nies bħalissa dan iż-żmien sejrin jitkissru huma biex jonfqu tant flus f’parties, divertiment, rigali, ikliet u xorb u ma nafx xiex u ħa jitkissru.

  • Ħa jitkissru u sa jieħdu fil-verita’?
  • Iġifieri wara kif ħa tkun?
  • Kemm nies ħa jiskru?
  • Kemm nies se jidamdmu?
  • Kemm nies se jieħdu d-droga f’dan iż-żmien għeżież tiegħi?
  • U x’se jieħdu fil-verita’?

Għandna bżonn ninżgħu minn dak li naħsbu li hu l-ħajja biex nirriflettu eżattament x’inhi l-ħajja vera maħbubin tiegħi. Għedtilkom li hi s-suppervja li xi drabi ma tħalliniex nagħmlu dan kollu. Xi drabi ma tħalliniex il-pressure soċjali, il-biża’.

  • Il-biża’ li jiena nkun differenti,
  • il-biża’ li jiena nidher differenti mill-oħrajn,
  • il-biża’ li jirredikolawni,
  • il-biża’ li jekk jiena ma nagħmilx kif jagħmlu sħabi, jekk jiena ma nagħmilx kif jagħmlu familji oħrajn,
  • it-tfal tiegħi se jkunu inqas,
  • it-tfal tiegħi se jkunu żvantaġġjati,
  • it-tfal tiegħi mhux ħa jkunu bħall-oħrajn.

Aħna ħa nidhru qisna nies il-boloh, innerdjati, li m’aħniex trendy, imma dawn huma l-biżgħat foloz illi s-soċjeta’ daħlitlek qalbi. Dan huwa l-gideb li int qed tgħix, issa jekk int kuntent tgħix fih jien miniex kuntent ngħix fih u miniex kuntent nara lilek hekk. Jien ma niġix naqa’ u nqum minnek għax jien ma nemminx li kulħadd jaħsibha kif irid. Jien ma nemminx li kulħadd irid jagħmel li jrid fil-ħajja tiegħu. Jiena nemmen li meta nagħmlu l-verita’ u s-sewwa, aħna jkollna l-paċi fil-qalb tagħna.

Kieku aħna lkoll kemm aħna mmorru nsuqu fit-toroq u kulħadd isuq kif irid kieku jkollna chaos. Fejn jaqblilna ngħidu li ma tistax tagħmel li trid u, imma trid timxi mal-liġi? Kieku chaos, imma fl-affarijiet tal-qalb, fl-affarijiet ta’ x’inhu tajjeb u ħażin irridu li kulħadd jagħmel li jrid u x’qed ikollna? Chaos! Għeżież tiegħi mmaġina jekk toħroġ fit-triq u ħadd ma jobdi r-regoli tas-sewqan x’chaos u x’kunfużjoni u ħadd ma jieħu pjaċir li jagħmilha. Ma tieħux pjaċir int li ħaddieħor isuq bl-addoċċ, ma tieħux pjaċir li ħaddieħor jagħmel li jrid fit-triq. Ma tgħidx dak għandu dritt jagħmel li jrid. Le, ma ngħidux hekk. Għeżież tiegħi, araw aħna d-double standards li ngħixu fihom, araw l-ipokrezija tagħna li aħna ngħixu fiha u ma nammettuhiex.

Forsi nieħdu għalina tisma’ dan id-diskors u tgħid: Int min int Fr Hayden biex toqgħod timponi dal-kliem fuqi? Jien m’jien xejn qalbi, m’jien xejn. Ħmar! Ġesu’ tela’ fuqu biex daħal Ġerusalemm imma qed inwassalek il-Kelma t’Alla, qed inwassalek il-verita’ u jiena konvint għeżież tiegħi illi jekk aħna lkoll kemm aħna nsibu l-gutz noħorġu minn din il-biża’ soċjali li dħalna fiha, din il-manija li kulħadd irid ikun trendy kollox kif tmexxina s-soċjeta’ qisna n-ngħaġ ta’ Bendu kif ngħidu bil-Malti. Kulħadd immexxi minn imnieħru, inqbadna minn dak illi l-materjaliżmu jbellgħalna, milli r-reklami jagħtuna, milli l-imprendituri jriduna nixtru ħalli kulħadd jagħmel il-kapital tiegħu u jmur tajjeb minn fuq dahrek u inti tħossok inqas mill-oħrajn jekk ma tagħmilx hekk. Imma dan fejn qed jieħdok? Jiena nixtieqek toħroġ minn din il-biża’, nixtieq ngħidlek: Tibżax tkun differenti, tibżax tiċċelebra differenti, tibżax tifraħ bix-xejn, tibżax tkun sempliċi fil-ħajja, basta għandek il-paċi f’qalbek, basta għandek l-imħabba, basta għandek l-għożża tal-familja. X’nieħdu billi rridu nimlew u nagħmlu ħajjitna kollha icing- sugar imbagħad minn ġewwa għandna kejkijiet imnawwrin?

Dil-bidla li qed jgħidilna biex nagħmlu għeżież tiegħi dal-Vanġelu llum. Irridu nibdlu l-mentalita’ tagħna. Ħa nibqgħu bil-mentalita’ tal-icing -sugar irridu nidhru kollha ħelwin u minn ġewwa mnawwrin? Ipokriti dan li rridu? Ħbieb tiegħi din mhijiex it-triq tal-paċi. It-triq tal-paċi hija t-triq li jurina Ġesu’. Meta Ġesu’ twieled l-anġli qalu ‘Paċi fl-art il-bnedmin ta’ rieda tajba.’ Il-bnedmin, mhux ‘il kulħadd, il-bnedmin ta’ rieda tajba. Dan taħsbux li hu kliem iebes ta, dan hu kliem biex jiċċelenġjana ftit li qed ngħidilkom. Ix-xewqa tiegħi għeżież tiegħi li lkoll kemm aħna nsibu fil-verita’ l-paċi li għandna bżonn u ma nibqgħux nitkissru f’ħajjitna. Ħajja waħda ma għandniex stepnee mhux worth it ngħixuha bl-addoċċ.

MUR GĦAL-LISTA SĦIĦA TAT-TAĦDIDIET TA’ FR HAYDEN

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s