Ġesu’ reġa’ ġej!

It-Tlieta, 18 ta’ Ottubru 2016: Riflessjoni dwar Mt 24:37-44. (L-1 Ħadd tal-Avvent tas-Sena A). Ara t-test tagħha taħt il-vidjo ….

MUR GĦAL-LISTA SĦIĦA TAT-TAĦDIDIET TA’ FR HAYDEN

Il-Paċi magħkom għeżież tiegħi u nilqagħkom għal darb’oħra għal dan il-programm ‘Ejjew Għandi’ illi dejjem iwasslina l-Kelma t’Alla għeżież tiegħi u nippruvaw naraw, hekk nifhmuha ftit aktar, inħalluha tmiss iktar il-qalb tagħna, inħalluha tibdel daqsxejn il-mentalita’ tagħna. Importanti li nagħtu kas meta qegħdin hekk nismgħu l-Kelma naraw ftit xi tmiss anke l-qalb tagħna għaliex Alla jkellimna. Aħna ma nsegwux hekk dal-programm biex nitgħallmu per se, imma

  • biex inħallu lill-Mulej ikellem lil qalb tagħna,
  • biex jibdel il-qalb tagħna,
  • biex jitrasforma l-qalb tagħna għeżież tiegħi u
  • biex jagħmilna persuni ġodda.
  • Tafu li Alla jrid jagħmilna persuni ġodda?

Xi drabi aħna naħsbu illi Ġesu’ jrid jagħmilna ftit aħjar milli aħna, imma mhijiex hekk. Il-Kelma t’Alla tgħidilna li Ġesu’ jrid jagħmilna persuni kompletament ġodda għeżież tiegħi, ġdid. Temmen li l-Mulej irid jagħmlek ġdid? Forsi inti lanqas temminha. Inti tant taqta’ qalbek illi inti issa ormaj tant ħawwadt, tant żbaljat, tant għaxxaqtha, u issa ma tafx inti pprova kkrepa u tara kif tgħix sakemm tmut allinqas ma tgħaxxaqhiex iktar millli għaxxaqtha. Maa! xi dwejjaq biex tgħix hekk. Ġesu’ ma jridhiex hekk, Ġesu’ wegħedna jrid jagħtina ħajja ġdida, ħajja ġdida. Aħna forsi din ma nifhmuhiex, forsi ma naċċettawhiex, forsi ma nemmnuhiex din li hi possibli għax qalbna maqtugħha minn xulxin. Alla jrid jagħmilna brand new. Iva, jrid jagħmlek persuna ġdida. U għalhekk jagħtina l-Kelma tiegħu, għalhekk jiġbidna lejh, għalhekk imissna bil-Qawwa tal-Ispirtu s-Santu, għalhekk ifejjaqna għax irid jagħmilna dejjem persuni ġodda fil-mixja tagħna, fil-ħajja tagħna.

Ħa naqraw il-Kelma li sejrin hekk nirriflettu fuqha llum u naraw anke f’dan il-proċess, f’din il-mixja tal-ħajja tagħna kif tidħol u x’għandha x’tgħidilna meħuda mill-Vanġelu skont San Mattew kapitlu 24 minn vrus 37 sa 44. Isimgħu ftit…

Bħal fi żmien Noè, hekk tkun il-miġja ta’ Bin il-bniedem. Għax kif fiż-żmien ta’ qabel id-dilluvju kienu jieklu u jixorbu, jiżżewġu u jżewġu sa dak inhar li Noè daħal fl-arka, u b’xejn ma ntebħu sa ma wasal id-dilluvju u ġarr lil kulħadd, hekk tkun il-miġja ta’ Bin il-bniedem. 

Imbagħad tnejn ikunu fl-għalqa: wieħed jittieħed u l-ieħor jitħalla; żewġ nisa jkunu jitħnu flimkien: waħda tittieħed u l-oħra titħalla. Ishru, mela, għax ma tafuhx il-jum li fih jiġi Sidkom. Kunu afu dan, li kieku sid id-dar kellu jkun jaf f’liema sahra tal-lejl se jiġi l-ħalliel, kien jishar u ma jħallix min jinfidlu l-ħitan ta’ daru.  Mela kunu lesti intom ukoll, għax qatt ma tistgħu tobsru s-siegħa li fiha jiġi Bin il-bniedem.

Tista’ tgħid dal-Vanġelu x’imniefaħ qed jgħidli? Bin il-bniedem u jiġi u bħal ħalliel u d-dulluvju.. Ejjew nifhmu daqsxejn ftit għax huwa sabiħ meta nifhmuh. Dan il-Vanġelu l-Knisja qiegħda tipproklamulna, tistedinna biex nirriflettu ftit fuqu għeżież tiegħi, propju fil-bidu tal-Avvent.

L-Avvent x’inhuwa?

L-Avvent huwa żmien ta’ stennija u preparazzjoni għeżież tiegħi għall-Milied, inħejju ruħna għall-Milied. Issa aħna fil-Milied x’niċċelebraw eżatt u għaliex niċċelebraw il-Milied? U allura x’inhu l-ispirtu tal-Avvent? Fil-Milied aħna niċċelebraw għeżież tiegħi t-twelid ta’ Sidna Ġesu’ Kristu. B’mod iktar profond niċċelebraw mhux xi Birthday, niċċelebraw il-Misteru tal-Inkarnazzjoni ċioe’ l-fatt li t-tieni persuna tat-Trinita’ qaddisa f’Alla saret laħam, sar bniedem. Allura qed niċċelebraw meta Ġesu’ daħal f’din l-istorja l-ewwel darba bħala bniedem. Mela dik hija niċċelebraw l-ewwel miġja ta’ Ġesu’ ngħidulha. Waqt li aħna qegħdin niċċelebraw il-Milied pero’ niftakru wkoll fit-tieni miġja ta’ Ġesu’. Aħna għeżież tiegħi qed nistennew lil Ġesu’ jerġa’ jiġi.

Dina forsi ftit inkunu konxji tagħha pero’ per eżempju fil-Quddiesa wara l-Konsagrazzjoni aħna ngħidu: ‘Inħabbru l-mewt tiegħek Mulej, inxandru bil-ferħ il-Qawmien tiegħek u nistennewk sa ma’ tiġi fil-glorja.’ Ġesu’ għamlilna l-wegħda illi se jerġa’ jiġi. Dik li bil-Grieg ngħidulha l-Parusia, it-tieni miġja ta’ Ġesu’. Issa aħna fl-Avvent u fil-Milied x’nagħmlu? Inħarsu lura lejn l-ewwel miġja ta’ Ġesu’ u naraw kif seħħet biex tispirana, biex tgħinna, biex tħejjilna qalbna, biex tiffurmana, biex inħejju ruħna għat-tieni miġja ta’ Ġesu’.

Aħna ż-żmien tal-Avvent mhuwiex sempliċiment biex nippreparaw ruħna u nfakkru t-twelid ta’ Ġesu’ u nieqfu hemm qisha xi ħaġa tal-passat, mhijiex hekk. Aħna ż-żmien tal-Avvent huwa tħejjija bħal vleġġa. Vleġġa teħodha lura u teħodha lura kemm tista’ għaliex? Biex tispara ‘l quddiem mhux biex tibqa’ lura u propju dan għeżież tiegħi li aħna propju nagħmlu f’dan iż-żmien għażiż tal-Avvent. Immorru lura għall-ewwel miġja ta’ Ġesu, meta Ġesu’ twieled, meta ġie fostna pero’ mhux biex nibqgħu hemm imma biex nisparaw lejn ‘il quddiem, biex nistennew lil Ġesu’ jerġa’ jiġi għeżież tiegħi.

Issa Ġesu’ kif nafu li se jerġa’ jiġi? Għax qalilna hu. Waħda mill-wegħdiet tiegħu propju hija li hu se jerġa’ jiġi. Il-Vanġelu tallum huwa propju dan id-diskors li jitkellem mit-tieni miġja ta’ Ġesu’ u Ġesu’ jitkellem diversi affarjiet mit-tieni miġja tiegħu. Anke l-anġli meta Ġesu’ tela’ s-sema lill-appostli hekk jgħidulhom: ‘X’qegħdin tħarsu ‘l fuq? Kif rajtuh sejjer hekk tarawh jerġa’ jiġi.’ Allura għeżież tiegħi aħna profondament bħala Knisja qegħdin nistennew lil Ġesu’ jerġa’ jiġi pero’ m’aħniex qed nistennewh b’dejna fuq żaqqna. Aħna qegħdin nistennew lil Ġesu’ jerġa’ jiġi u dan l-iskop tal-Avvent biex ifakkarna f’din l-istennija mhux biss fl-istennija tal-ewwel miġja ta’ Ġesu’, tal-birthday ta’ Ġesu’ imma biex nistennew il-Mulej jerġa’ jiġi qegħdin nistennewh, nistennewh b’tlett modi.

  1. L-ewwel hija bl-imħabba ta’ bejnietna. Il-Knisja hija l-Komunita’ ta’ dawk li jemmnu f’Ġesu’ li ġa ġie u qed jistennewh jerġa’ jiġi u sakemm jerġa’ jiġi qegħdin jgħixu fl-imħabba li hu tahom meta ġie. Ara kemm hi sabiħa għeżież tiegħi, aħna sinjal tal-imħabba t’Alla waqt li nistennewh jerġa’ jiġi.
  2. It-tieni ħaġa sakemm nistennew lill-Mulej jerġa’ jiġi li aħna msejħin biex nagħmlu hu li nxandru, li nevanġelizzaw, li nagħmlu l-opri ta’ karita’, l-opri tal-ħniena biex inħejju d-dinja għat-tieni miġja ta’ Ġesu’.
  3. U t-tielet ħaġa li aħna msejħin li nagħmlu huwa li nitolbu. Aħna rridu nishru u nistennew lill-Mulej jiġi fit-talb b’mod speċjali fil-Liturġija.

Il-Quddiesa fiha aħna dejjem warajha hemm il-ħerqa li Ġesu’ jerġa’ jiġi. L-aħħar ktieb tal-Bibbja l-Apokalissi jagħlaq billi jgħid: ‘L-Ispirtu u l-Knisja jgħidu Maranatha.’ Ċioe’ l-Ispirtu s-Santu magħqud mal-Knisja jokrob biex Ġesu’ jerġa’ jiġi għaliex

  • meta Ġesu’ jerġa’ jiġi daqshekk tbatija,
  • meta Ġesu’ jerġa’ jiġi daqshekk mard,
  • meta Ġesu’ jerġa’ jiġi daqshekk gwerer,
  • meta Ġesu’ jerġa’ jiġi daqshekk suppervja,
  • daqshekk mibgħeda,
  • daqshekk nies jaħsbu li huma alla fil-ħajja għeżież tiegħi.
  • Meta Ġesu’ jerġa’ jiġi l-ikbar xewqat ta’ qalbna għall-imħabba, għall-hena u l-paċi nistgħu ngħixuhom, dejjem jekk aħna naċċettaw lil Ġesu’ f’ħajjitna, nistgħu ngħixuhom mija fil-mija.

Issa hawnhekk il-Vanġelu tallum f’dal-qafas kollu, f’dan l-inkwatru qed jagħmel enfasi fuq ħaġa waħda ħafna partikolari li hija li ma nkunux aljenati, għaliex meta Ġesu’ se jerġa’ jiġi ma nafux. Il-Mulej jista’ jiġi llum, jista’ jiġi għada, jista’ jiġi issa, ma nafux meta se jiġi u hawnhekk Ġesu’ nnifsu qed jgħidilna: ‘Isma’ tkunux aljenati bħalma kienu aljenati fi żmien Noe.’ Noe’ sema’ l-Kelma t’Alla bena l-arka sakemm ġie d-dulluvju eċċ.. daħku bih imma meta mbagħad ġie d-dulluvju hu seta’ jsalva , l-oħrajn intilfu, u l-messaġġ li qed jagħtina Ġesu’ huwa dan ‘Isma’ dan iż-żmien ta’ stennija, dan iż-żmien t’avvent twil fl-istorja tal-bniedem, fl-istorja tal-Knisja sa ma’ Ġesu’ jerġa’ jiġi dina mhijiex xi Pie in the sky, din mhix xi ħolma, mhix xi aljenazzjoni mill-problemi tad-dinja tallum, xi aljenazzjoni mill-affarijiet li hemm bżonn nagħmlu llum il-ġurnata għax qed nistennew lil Ġesu’ jerġa jiġi, le! Inxammru l-kmiem, immiddu jdejna għax-xogħol li hemm bżonn nagħmlu, waqt li nistennew b’ħerqa kbira l-Mulej jiġi, pero’ ma nkunux aljenati mill-fatt illi Ġesu’ reġa’ ġej għeżież tiegħi – ma nkunux aljenati.

Issa bejn l-ewwel miġja u t-tieni miġja ta’ Ġesu’ għandna miġja oħra fin-nofs li hija miġja meta Ġesu’ jiġi għalija, jiġi għalik b’mod personali – hija l-mewt tiegħek. Allura anke f’dan il-kuntest l-Avvent irid iħejjina daqsxejn ftit anke għal laqgħa face to face tiegħi m’Alla. Meta l-Mulej se jiġi għalija b’mod personali u jiena ma rridx inkun aljenat. Ma rridx inkun aljenat bażikament huwa l-mument tal-mewt. Il-mument li hija l-passaġġ tiegħi minn din il-ħajja għal ħajja ta’ dejjem.

Fuq dan kellimtkom ftit ġimgħat ilu mux se noqgħod nerġa’ nirrepeti dak li għedt dakinhar tistgħu anke ssegwu l-programm mill-ġdid fuq il-Youtube, imma għeżież tiegħi l-bżonn kbir li llum il-Kelma qed tgħidilna ma nkunux aljenati. Għaliex faċilment għeżież tiegħi għaddejin

  • dejjem gas down, one track mind
  • dejjem gas down mal-pjanċa għax-xogħol u aljenat,
  • dejjem il-G.Y.M. u aljenat,
  • dejjem fl-isports u aljenat,
  • dejjem għaddej fis-safar u fil-holidays tiegħek u aljenat,
  • dejjem għaddej fid-divertiment tiegħek u aljenat

mhux għax dawn għandhom xi ħaġa ħażina fihom infushom imma għax il-prijortitajiet tagħna ma jkunux f’psothom. Meta dawn l-affarjiet jieħdu over jaljenawk fil-ħajja allura tispiċċa titkisser u dawn mhux biss. Din l-aljenazzjoni li l-Mulej qed ikellimna dwarha llum għax il-qalba tagħha hi ma nkunux nies aljenati din ma tiġrix biss fl-affarijiet t’Alla għeżież tiegħi pero’ nistgħu nkunu aljenati anke minna nfusna.

Xi drabi ċerti nies tant jidħlu f’taħwid t’aljenazzjoni li per eżempju fejn naf jiena jibda jkollok sintomi ta’ mard u tibda ma tagħtix kas għax xogħol, xogħol, xogħol, xogħol imbagħad tfaqqa’ xi waħda fuqek. Problema kbira f’aljenazzjoni hija l-problemi li nidħlu fihom fiż-żwieġ għeżież tiegħi. Kemm hawn nies li huma aljenati fiż-żwieġ tagħhom, kemm hawn nies li huma aljenati fiż-żwieġ tagħhom. M’intix tinduna li għax int qed titraskura lil martek il-mara tiegħek qed isib għasel ieħor qalbi u faċilment tikkundannaha, imma ma tpoġġihiex idejk fuq il-kuxjenza tiegħek u tgħid: ‘it-tort tiegħi, jiena forsi ġibtha f’dik is-sitwazzjoni.’ Għax aljenat

  • la għadek tgħidilha li xagħarha jixirqielha,
  • la għadek qed tgħidilha dik it-tibdila vera qiegħda ħelwa biha,
  • la għadek tgħidilha grazzi tal-ikel, tas-servizz,
  • la għadek għadkom tagħmlu affarijiet flimkien,
  • la għandna ħin nitkellmu ma’ xulxin fuq xulxin
  • mhux dejjem nitkellmu fuq it-tfal,
  • fuq il-problemi,
  • fuq ix-xogħol
  • imma kif inħossuna ma’ xulxin,
  • fuq il-feelings tagħna lejn xulxin,

għax aljenati u meta taljena lilek innifsek waħda mill-ikbar gwaj li jista’ jkollok li minn għalik li kollox Ok u din hija l-problema ta’ ħafna minna għeżież tiegħi. Aħna minn għalina li aħna Ok, minn għalina li aħna Ok m’Alla, minn għalina li aħna Ok magħna nnfusna, minn għalina li aħna Ok mal-oħrajn sakemm tfaqqa’ xi ħaġa u mbagħad tgħid: ‘jien kont daqshekk iblah! Kienet taħt imnieħri ‘il ħaġa u qatt ma rajtha?’ Iva, daqshekk iblah, daqshekk belha. Meta aħna aljenati, aħna daqshekk nies boloh, daqshekk nies bla għaqal u l-Kelma t’Alla llum qed tagħmilna stedina ċara: ‘Oħroġu mill-aljenazzjoni! Iftaħ għajnejk! Qum qawma fuq tiegħek! Tibqax għaddej gas mal-pjanċa! Tibqax għaddej moħħok f’ħaġa waħda biss u ma tafx x’qed jiġri la fik, la fir-relazzjoni tiegħek m’Alla, la fiż-żwieġ tiegħek, la mal-oħrajn, xejn! L-aljenazzjoni ma tħallikx tara għeżież tiegħi. U xi drabi nirringrazzjaw lil Alla illi jiġi jiftħilna għajnejna.

In-nies fi żmien Noe’ biex inżommu bl-eżempju ta’ Ġesu’ kienu kulħadd aljenat fl-affarijiet tiegħu, basta għaddej kulħadd bil-flus u bil-karriera tiegħu u ma kienx qed jinduna x’se jiġri. Noe’ għax sema’ lil Alla jkellmu, sema’ l-Kelma t’Alla ma kienx imkaxkar bħall-bqija tan-nies li kienu aljenati, ma kienx immexxi mill-aljenazzjoni imma kien immexxi mill-Kelma t’Alla. U aħna għeżież tiegħi għandna bżonn il-Kelma t’Alla tiftħilna għajnejna u ma nkunx aljenati. Aħna ma nindunawx per eżempju anke l-valuri tagħna kif jitkaxkru wieħed wara l-ieħor. Innutaw illi l-valur tal-familja kif iridha Alla jiġifieri aljenati kif dan jitkisser fis-soċjetajiet tagħna.

  • Alla jrid iż-żwieġ wieħed, aħna rridu iktar,
  • irid żwieġ bejn raġel u mara, aħna rridu żwieġ differenti,
  • Alla jrid żwieġ li jibqa’ għal dejjem, aħna rridu żwieġ differenti,
  • Alla jrid familja li hi magħmulha minn ġenituri u l-ulied, aħna rridu mudelli ta’ familji li huma differenti.

Lanqas nindunaw kif jgħaddi ż-żmien għeżież tiegħi u kif l-affarijiet jikkorompu ruħhom fil-veru sens tal-kelma mill-mod kif iridhom Alla, kif uriena hu fil-Kelma tiegħu għeżież tiegħi. U bl-aljenazzjoni waħda wara l-oħra l-kuxjenza tagħna nibdew inserħuha u iva.. Ħafna drabi għeżież tiegħi aħna nserrħu l-kuxjenza tagħna bl-argumenti tal-jaħasra u l-miskin. Iġifieri bl-argument għax jaħasra dak, għax miskin dak, għax miskin jien u jaħasra jien u mhux qed ngħid li m’għandniex sitwazzjonijiet ta ta’ jaħasra u miskin, mhux qed ngħid li m’għandiex sitwazzjonijiet ta’ persuni li huma ġenwienament imweġgħin dażgur li għandna sfortunatament. Imma xi kultant għeżież tiegħi minħabba l-uġigħ tagħna għax ma nafux x’naqbdu nagħmlu, narmu miegħu l-valuri tagħna wkoll għeżież tiegħi u hawnhekk fejn iridu noqgħodu attenti ħafna attenti għaliex naljenaw ruħna. L-istess tbatija taljenana pero’ kemm tbatija qed nikkawżaw għeżież tiegħi għax aħna diġa’ aljenati fil-ħajja tagħna?

Li inti titraskura persuni oħrajn ġurnata wara l-oħra. Kemm hawn minnkom li tgħixu miżżewġin u tgħid imma jiena nħossni waħdi? Inħossni waħdi, kulħadd aljenat minni u forsi tibża’ tgħidha. Issa kif Alla għeżież tiegħi jkellimna biex joħroġna mill-aljenazzjoni tagħna jiena nixtieq ninkorraġiekom. Ejjew ngħinnu lil xulxin noħorġu mill-aljenazzjoni tagħna. Kemm l-alejnazzjoni tagħna Spiritwali u kemm l-aljenazzjoni tagħna Umana. Għandna bżonn ngħidu lil xulxin

  • ‘Isma’ ħi, inti Alla fejn hu fil-ħajja tiegħek?
  • Qed twieġeb għall-imħabba t’Alla f’ħajtek?
  • Possibbli għandek daqshekk x’tagħmel li m’għandekx ċans tmur tiċċelebra l-Quddies tal-Ħadd?
  • Għandek daqshekk x’tagħmel li ma tridx titlob?’
  • Attent qalbi, għaliex qed taljena lilek innifsek, moħħok fix-xogħol warrabt lil Alla u ħa titkisser għeżież tiegħi.

Is-sabiħa hija din ta li anke meta nitkissru l-Mulej hu qatt m’hu aljenat minna, hu bil-maqlub hu ffissat fuqna. Ġesu’ ffissat fuqna anke jekk aħna aljenati minnu. Hu jibqa’ jibgħatilna messaġġi, persuni, ċirkustanzi biex jiġbidna lejh. Pero’ rridu niftħu anke għajnejn xulxin fl-aljenazzjoni umana meta aħna nabbandunaw lil xulxin, ma nagħtux kas lil xulxin għax aljenati b’affarijiet oħrajn u l-aljenazzjoni mhux bilfors tkun ħaġa ħażina ta. Tista’ tkun aljenat bit-tajjeb iġifieri jiena nista’ nkun aljenat fejn naf jien bħala saċerdot bl-affarijiet li jiena rrid nilbes fil-Quddies, bl-affarijiet tal-Lituġrija, bil-programm tiegħi tal-ġurnata, bl-affarijiet li jiena rrid nagħmel imma aljenat mill-bżonnijiet vera lin-nies għandhom fil-Komunita’ tiegħi. Affarijiet tajbin għax l-affarijiet tal-Knisja mhux affarijiet ħżiena, imma jistgħu jaljenawni mill-istess affarijiet tan-nies li għandhom bżonn madwari. Bħal ma’ x-xogħol għal dik il-mara li taħdem, bħal raġel li jaħdem mhux ħaġa ħażina, imma jista’ jaljenak mill-bżonn vera ta’ martek u t’uliedek.  Inti tista’ taħdem għal martek imma ma ġġegħelhiex tħossha li int tħobbha allura tħossukom aljenati minn xulxin.

Illum għeżież tiegħi dil-Kelma rridu neħduha b’ħafna serjeta’ ma nħallux l-aljenazzjoni taħkimna. Meta l-aljenazzjoni taħkimna, il-kuxjenza tagħna tiġi reduced għal minimu, kollox jibda jsir xejn m’hu xejn, kollox jgħaddi u kollox u iva, u dik ta’ darba u kollox jindara u kollox jindara ħbieb u l-Mulej jiġi biex jixxekjana waħda A1 għaliex? Għax ma jridniex aljenati. Meta int tkun aljenat immaġina int qed tilgħab lobgħa Darts tajjeb? U l-ħin kollu u d-Darts inti know trid iġġibha Bull’s Eye jiġifieri trid tolqot propju ċ-ċentru, meta qed tilgħab id-Darts. Immaġinak li int drajt dejjem tgara kullimkien, kullimkien u drajt qatt ma teħodha Bull’s Eye ee! Min iħobbok taf x’jgħidlek? Isma’ qalbi vera qed tilgħabha u qed tieħu pjaċir imma Bull’s Eye ta’ trid teħodha, tkunx aljenat.

Immaġinak li kieku inti drajt tilgħab il-futbol u meta jiġi l-mument li dejjem tista’ tiskorja, inti dejjem tixxutja barra mil-lasta. Eq! Naħseb il-kowċ tajjeb jgħidlek isma’ qalbi skurja fil-lasta ta hemm hekk għax qisek se tidra ħa taljena lilek innifsek. Immaġina kieku inti qed issuq u moħħok mhux qiegħed hemm mhux moħħok f’qed tagħmel imma moħħok qiegħed x’imkien ieħor aljenat. X’jiġri? Tweġġa’ int u tweġġa’ lil ħaddieħor għax taħbat. Araw l-aljenazzjoni għeżież tiegħi fiex iġġibna fil-ħajja tagħna. Meta m’aħniex f’moħħna dak li suppost qed nagħmlu.

Aħna suppost moħħna f’Alla u moħħna f’xulxin,

  • mhux fl-egoiżmu tagħna,
  • mhux fil-proġetti tagħna,
  • mhux fl-affarijiet.
  • Issa billi jkollok il-flus u tkisser familja x’ħadt?
  • Issa billi jkollok id-degree u l-opożizzjoni, imma askapitu illi ftit ħin għandek ħin biex tħobb lil dawk li int għażilt li tħobb x’qed tieħu?
  • Billi int popolari,
  • billi ismek jafu kulħadd,
  • billi kulħadd għandu stima tiegħek,
  • u mbagħad biex toqgħod tgħix għal acceptations ta’ kulħadd għal images li inti ħlaqt u minn ġewwa ndannat, tbissima fuq xuftejk u rabja ġewwa l-qalb tiegħek x’qed tieħu fil-ħajja qalbi?

Din hija kollha aljenazzjoni mill-verita’ li aħna suppost qegħdin ngħixu u Ġesu’ llum irid jiftħilna għajnejna bil-kbir, bil-kbir għax aħna aljenati minnu, aljenati minn xulxin. Xi drabi u hija gravi aljenati anke minna nfusna. Ma nafx jien min jien, ma nafx xi rrid aktar fil-ħajja tiegħi għax tant tkaxkart l’hemm u ‘l hawn li ma nafx. Issa drajt jiġi weekend ninqered. Imma xi trid f’ħajtek qalbi? Ma nafx il-buzz tagħha. Ibqa’ meqrud, trid tibqa’ aljenat?

Jien mhux ħa ngħidlek jekk tridha ħudha, jien mhux ħa ngħidlek trid tibqa’ hekk agħmel int, le ma nistax ngħidlek hekk għax min iħobbok ma jgħidlekx agħmel int. Min iħobbok jgħidlek jien nixtieqlek it-tajjeb, jien nixtieqlek is-sewwa, jien nixtieqlek il-ġid. Il-mentalita’ li nħallik tagħmel li trid, li ngħidlek agħmel li trid u li jogħġbok dik mhix imħabba. Min iħobb jixtieqlek il-ġid anke jekk dan il-kliem tħossu iebes xi drabi u tħossu indħil ħudu kif trid u kif jogħġobok qalbi. Għidt li qed nindaħalek għediha hekk, imma min iħobb jixtieqlek is-sewwa. Alla hekk iħobbna ħbieb tiegħi ma jgħidliniex agħmlu li tridu, jgħidilna agħmlu t-tajjeb. Ġie jiftħilna għajnejna għax l-imħabba hekk tagħmel ħbieb tiegħi.

Forsi xi drabi narawha antipatka b’min iħobbna b’dan -il mod daqsxejn fitt pero’ aħjar uff inkella aħħ! Jgħid l-Malti mhux hekk? Għeżież tiegħi jalla lkoll kemm aħna llum ikollna l-umilta’ jiena magħkom ta għax anke jien nista’ nispiċċa aljenat. Ikollna ftit umilta’ illi jekk il-Mulej qed jiftħilna għajnejna, issa b’dal-programm, b’dil-Kelma jew permezz ta’ xi ħadd fuq xi aljenazzjoni li għandna minn Alla u minn xulxin ejjew niftħu għajnejna. Ejjew naċċettaw il-verita’ għax Ġesu’ qalilna: ‘Il-Verita’ teħliskom.’

U jekk nagħmlu dan il-Mulej jagħtina l-paċi f’qalbna u nkunu strumenti tal-paċi tiegħu.

MUR GĦAL-LISTA SĦIĦA TAT-TAĦDIDIET TA’ FR HAYDEN

Leave a comment