Ħaddem moħħok!

Il-Ħamis, 18 ta’ Lulju 2019: Riflessjoni dwar Lq 16: 1-13, il-Vanġelu tal-25 Ħadd matul is-Sena (Sena Ċ). Ara t-test tagħha taħt il-vidjo ….

MUR GĦAL-LISTA SĦIĦA TAT-TAĦDIDIET TA’ FR HAYDEN

Il-Paċi magħkom għeżież tiegħi! Minn qalbi nilqagħkom għal darb’oħra għal dan il-programm ‘Ejjew Għandi,’ mhux għandi għand Fr Hayden ovjament imma ejjew għand Ġesu’ Kristu. Għax din hija Kelma li qalilna hu meta darba fil-Vanġelu qalilna:

“Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom.” (Mattew 11: 29)

Ġesu’ għamlilna din il-wegħda u la Ġesu’ hekk qalha hekk hu. Il-problema li aħna ma mmorrux għandu ħafna drabi nispiċċaw uħud minna jekk għaddejjin minn żmien iebes, fejn naf jien

  • imorru jaqraw ix-xorti,
  • imorru jħawwdu xi waħda,
  • imorru jieħdu d-droga,
  • imorru jiskru,
  • imorru jidamdmu u jinqerdu.

U x’nieħdu b’daqshekk għeżież tiegħi? Ma nieħdu assolutament xejn ħlief li nitkissru. Il-Vanġelu Ġesu’ huwa way out, hu alternattiva għat-tkissir tal-ħajja tagħna għeżież tiegħi.

Nixtieq insellem mill-qalb u nagħmel din l-istedina anke lill-ħbieb tiegħi kollha fil-Faċilita’ korrettiva ta’ Kordin, il-familjari tagħhom, insellem anke lil dawk li forsi huma vittma ta’ xi reat kriminali, dawk li jaħdmu fil-Faċilita’ korrettiva. Insellem anke mill-qalb għeżież tiegħi lis-saċerdoti kollha anzjani fid-dar tal-Kleru, l-anzjani, morda, dawk kollha illi ssegwuna għeżież tiegħi anke bil-mezzi tal-Komunikazzjoni soċjali, anke koppji miżżewġin u koppji għarajjes żagħżagħ, insellmilkom mill-qalb.

Illum naqsam magħkom Kelma mill-Vanġelu għeżież tiegħi għax dal-programm mibni fuq il-Kelma t’Alla għaliex għax il-Kelma t’Alla hija Spirtu u Ħajja. Il-Kelma t’Alla ttina l-qawwa, il-Kelma t’Alla hija Ħajja għeżież tiegħi u nisimgħuha kemm nisimgħuha dejjem nistgħu nieħdu xi ħaġa ġdida minnha. Pero’ l-Kelma t’Alla mhix biex tgħallimna ee! L-ewwel u qabel kollox imma l-Kelma t’Alla taħt il-qawwa tal-Ispirtu s-Santu dak li tgħid tagħmlu. Ċioe’ dan huwa mument fejn aħna mhux nitgħallmu xi ħaġa, imma nħallu lill-Mulej jagħmel xi ħaġa ġewwa fina. Illum Ġesu’ jagħtina parabbola illi fiha tagħlima partikolari. Ħa naraw x’inhi l-Vanġelu meħud minn San Luqa Kapitlu 16 minn vrus 1 sa 13.

Ġesu’ qal lid-dixxipli tiegħu: “Kien hemm raġel għani li kellu amministratur, u lil dan xlewh lil sidu li kien qiegħed iberbaqlu ġidu. Għalhekk is-sid sejjaħlu u qallu, ‘Dan x’inhu li qiegħed nisma’ fuqek? Agħtini kont tal-amministrazzjoni tiegħek, għax ma tistax tibqa’ iżjed amministratur tiegħi.’

L-amministratur bejnu u bejn ruħu qal, ‘Issa x’sejjer nagħmel, ladarba sidi se jneħħini mill-amministrazzjoni? Immur nagħżaq? Ma niflaħx. Nittallab? Nistħi. Naf x’nagħmel, ħalli meta nitwarrab minn fuq din l-amministrazzjoni, insib lil ħaddieħor li jilqagħni għandu.’ U wieħed wieħed bagħat għal dawk li kellhom jagħtu lil sidu. ‘Kemm għandek tagħtih lil sidi?’ staqsa lill-ewwel wieħed. ‘Mitt barmil żejt,’ wieġbu dak. ‘Oħroġ il-karti tiegħek,’ qallu l-amministratur, ‘oqgħod bilqiegħda malajr u ikteb ħamsin.’ Lil ieħor staqsieh, ‘U int, kemm għandek tagħti?’ ‘Mitt xkora qamħ,’ wieġbu. Qallu, ‘Oħroġ il-karti tiegħek u ikteb tmenin.’

U s-sid faħħru lil dak l-amministratur ħażin talli ħadem b’rasu. Għax ulied din id-dinja jimxu bil-għaqal aktar minn ulied id-dawl ma’ min hu tal-qatgħa tagħhom. U jiena ngħidilkom, agħmlu għalikom infuskom ħbieb ta’ qligħ il-ħżunija, ħalli meta jonqoskom, jilqgħukom fl-għerejjex ta’ dejjem. Min hu fidil f’ħaġa tassew żgħira, hu fidil ukoll fil-ħafna; min hu diżonest f’ħaġa tassew żgħira, hu diżonest ukoll fil-ħafna. Jekk mela ma wrejtux ruħkom fidili fil-qligħ il-ħażin, min se jafdalkom il-ġid veru? U jekk ma wrejtux ruħkom fidili f’dak li hu ta’ ħaddieħor, min se jagħtikom dak li hu tagħkom? Ebda qaddej ma jista’ jaqdi żewġ sidien, għax jew ikun jobgħod lil wieħed minnhom u jħobb lill-ieħor, jew jintrabat ma’ wieħed u jistmell lill-ieħor. Ma tistgħux taqdu lil Alla u lill-flus.”

F’dan il-Vanġelu għeżież tiegħi għandna diversi tagħlimiet li huma essenzjali għal mixja tal-ħajja tagħna bħala bnedmin u bħala Nsara. L-ewwel ħaġa li Ġesu’ qiegħed jagħmel hawnhekk f’din l-istorja jgħidha biex ifaħħar lil dan ir-raġel illi uża moħħu, laħħaqlu u se jgħidilna, isma’ xi kultant ulied id-dlam, min irid jagħmel il-ħażen bejniethom huma ħafna aktar għaqlin minn dawk li jixtiequ jagħmlu l-ġid, ma jużawx l-għaqal. U din hija tagħlima għeżież tiegħi ħalli ngħidilkom hekk b’mod affarijiet sempliċi Ġesu’ għalxiex qed jgħidilna.

Per eżempju inti tara affarijiet illi nies illi jridu jagħmlu l-ħsara kemm jippjanaw il-ħsara li ħa jagħmlu, moħħhom jilħqilhom. Nies li jridu jingannaw jilgħabuk u jippjanawha sew kif sejrin jilgħabuk imbagħad għeżież tiegħi xi kultant min jixtieq jagħmel il-ġid jagħmlu aħna ngħidulha: La buona, hekk mingħajr kalkoli, mingħajr ħsieb, mingħajr pjan ċioe’ ma jużax l-għaqal. Min jagħmel il-ħażen juża ħafna għaqal u min jagħmel il-ġid imxi u ġerri. Ġesu’ qed jgħidilna aħna xi kultant hekk nagħmlu.

Dina nistgħu nieħduha għeżież tiegħi fuq livelli differenti jiġifieri, ejja nieħdu aħna bħala Nsara fl-affarijiet tagħna bħala Knisja, per eżempju min irid jirreklama affarijiet li fl-aħħar mill-aħħar huma ta’ din l-art imma jagħmel l-aħjar fejn naf jien, l-aħjar shots, jagħmel l-aħjar vidjos, jagħmel l-aħjar marketing u jagħmel sew għax dak hu xogħolu. Imma mbagħad meta niġu għall-affarijiet tal-Knisja kollox inċaqċquha. Kollox tista’ tkun is-sound fil-Knisja għall-argument iġifieri inti tmur kunċert u għandek l-isbaħ sound imbagħad tmur fil-Knisja u għandek sound diżastru jew il-kant inti tisma’ mużika sabiħa fid-dinja tmur il-Knisja u tisma’ mużika diżastru tqanżih illi jdejjqek għeżież tiegħi. Ċioe’ hawnhekk ara fejn aħna ma nużawx l-għaqal, ma nużawx ir-riżorsi tagħna b’mod tajjeb, ma nużawx id-doni tagħna b’mod tajjeb. Xi drabi min jipprova jagħmel il-ħażen jew min jipprova jingannak, jew min jipprova jagħmel dak li jaqbillu juża moħħu, juża l-affarijiet li għandu b’mod tajjeb u xi drabi għall-affarijiet t’Alla dan ma nagħmluhx. Ejjew, nitgħallmu għeżież tiegħi l-affarijiet tal-Mulej nagħmluhom bil-għaqal, nagħmluhom bit-tajjeb, nagħmluhom bis-sewwa. Ejjew nitgħallmu nagħmlu l-investimenti tagħna tajjeb fl-affarijiet ta’ Ġesu’.

Ġesu’ mbagħad jgħidilna tagħlima oħra, jgħidilna min hu fidil fil-ftit fil-ħajja hu fidil fil-ħafna, min hu diżonest fil-ftit huwa diżonest fil-ħafna. Hekk u din il-Kelma ta’ Ġesu’ għeżież tiegħi hija profonda għal ħafna affarijiet. Ħafna drabi, aħna dak li hu ftit, dak li hu ċkejken faċilment li aħna nistmerruh, mentri Ġesu’ qed jgħidilna: ‘Isma’, inti trid illi Alla jafdalek aktar f’ħajtek? Kun fidil fil-ftit li għandek, kun fidil fl-affarjiet żgħar jekk trid tasal għal affarijiet ikbar kemm umani u spiritwali. Kemm hi sabiħa l-fedelta’ fl-affaijiet iż-żgħar fejn naf jien il-fedelta’ fl-affarijiet ta’ kuljum fil-ħajja tal-familja, hekk il-commitments żgħar tagħna fil-ħajja ordinarja. Il-commitment

  • illi inti tnaddaf,
  • illi int taħsel il-platti,
  • li int taħsel is-shower,
  • li inti tħalli t-toilet nadif,
  • illi inti l-ħwejjeġ għall-ħasil tpoġġihom fejn għandek tpoġġihom mhux jiġru kollox ma’ kull imkien f’kamartek jew fil-kamra tal-ħasil jew ma nafx fejn.

Dawn l-affarijiet żgħar tal-ħajja ta’ kuljum li ħafna drabi aħna jew nagħmluhom għax bilfors jew naqbżuhom u naraw kif infarfruhom f’idejn ħaddieħor. Li nagħmlu l-affarijiet żgħar b’fedelta’ u b’imħabba għeżież tiegħi hija estremament importanti għax l-affarijiet żgħar tal-ħajja ta’ kuljum għandhom valur enormi, għandhom valur enormi żgur quddiem Alla. Ħarsu lejn il-Madonna u San Ġużepp il-ħajja tagħhom mhux ħajja ordinarja kienet? Mhux l-affarijiet ta’ kuljum li huma għexu? Il-qdusija nistgħu nsiru qaddisin fl-affarijiet sempliċi, ordinarji ta’ kuljum.

Pero’ għeżież tiegħi Ġesu’ jgħidilna anke d-diżonesta’ tista’ tibda b’affarijiet żgħar ee! u dina kemm tinkwetani maħbubin tiegħi fuq livelli differenti, illi l-affarijiet ħżiena ħafna drabi jibdew b’affarijiet żgħar pero’ mbagħad jikbru u din għandna diversi ċirkustanzi.

  • Int jista’ jkollok xi ħadd illi jibda jisraq affarijiet żgħar u mbagħad jibda jisraq affarijiet kbar.
  • Tibda tisraq inti minn fuq ix-xogħol xi ħaġa żgħira mbagħad tispiċċa tisraq affarijiet kbar.
  • Tibda tiskarta minuta u tnejn imbagħad tibda tiskarta sigħat sħaħ.

Ħeqq, dina anke fuq affarijiet żgħar fejn naf jien bdejt bi grokk u spiċċajt sakranazz. L-istess ħaġa fejn tidħol għeżież tiegħi d-droga, naf li dan li se ngħid mhux kulħadd se jaqbel miegħi pero’ ngħidha mill-esperjenza tiegħi li jiena nara għeżież tiegħi. Xi drabi nisimgħu l-possibilta’, realta’ jew suġġeriment jew min irid illi per eżempju l-mariuana l-ħaxixa nagħmluha legali bħala mod rikreattiv għax din mhux qisha bħas-sigaretti? Għeżież tiegħi l-istudju juru li din mhijix qisha bħas-sigaretti. Is-sigaretti  jagħmlu ħsara imma l-ħaxixa tagħmel wisq ħafna aktar ħsara għeżież tiegħi anke fil-moħħ tal-bniedem dawn huma fatti li mhumiex tiegħi, huma tax-xjenzati għeżież tiegħi ta’ studji li seħħew. Imma xi drabi anke fil-problema kumplessa tad-droga jien minix xi espert pero’ ltqajt ma’ ftit sitwazzjonijiet għeżież tiegħi ta’ persuni li huma dipendenti mid-droga u ħafna drabi tisma’ li jgħidulek il-maġġoranza kollha bdew minn Joint għeżież tiegħi allura aħna possibli nkunu għomja? Illi meta nafu li dan ħafna drabi huwa l-ewwel tarġa għar-realtaijiet li huma tant ikbar. Allura tgħidli kulħadd għamel hekk? Le mhux kulħadd għamel hekk pero’ għeżież tiegħi meta nisimgħu l-istejjer, meta tmiss b’idejk, meta tara dawn iċ-ċirkustanzi, ejjew niftħu għajnejna. Dawn mhux kwistjoni ta’ progress, ta’ moderniżmu, ta’ li nimxu ‘l quddiem, ta’ soċjeta’ avvanzata. Dawn huma sitwazzjonijiet illi inti tibda tkisser lilek innifsek b’affarijiet żgħar imbagħad tibda f’affarijiet kbar.

Ħbieb tiegħi, niftħu għajnejna! Meta aħna nagħlqu għajnejna għall-affarijiet iż-żgħar kollox jgħaddi, miż-żgħir jiġi l-kbir. Jekk int titħammeġ b’affarijiet żgħar, jekk int diżonest f’affarijiet żgħar int se titħammeġ f’affarijiet kbar. Kun korrott f’affarijiet żgħar u tikkorompi ruħek f’affarijiet kbar. Tkunx fidil f’affarijiet żgħar ma’ martek u ma’ żewġek, tifflertja ma’ dik, tibgħat messaġġ fuq l-oħra, tibgħat ritratt nude tiegħek jew tagħha, tagħmilha darba, tnejn u tispiċċa taqliba lil mara tiegħek. Tibda b’affarijiet żgħar idħol chatting f’ċerta sites tipprova taħbi u minn hemmhekk tiġik addiction. B’affarijiet żgħar jibda kollox, b’affarijiet żgħar tibda teqred iż-żwieġ tiegħek, teqred il-familja tiegħek. Ibda b’affarijiet żgħar illum ma tlabtx, għada ma mortx il-Quddies, imbagħad waqaft tqerr f’kemm ili ngħidlek abbandunajt il-Knisja, abbandunajt il-Quddies, tlaqt lil Alla b’affarijiet żgħar bdejt u spiċċajt tkissirt, inqridt għeżież tiegħi.

Araw il-ħażen kemm jibda b’affarijiet żgħar. It-tajjeb jibda bil-ftit u l-ħażen jibda bil-ftit għeżież tiegħi, imma meta nagħlqu għajnejna għall-affarijiet ħżiena għax huma żgħar dawk se jsiru realta’ kbira fil-ħajja għeżież tiegħi sal-punt illi tista’ ssir mostru li tieklok u li xi darba ddur kontra tiegħek stess, il-ħażen hekk hu. Ħafna drabi aħna ngħamew għalhekk Ġesu’ qed jiftħilna għajnejna.

Imbagħad fl-aħħar Ġesu’ qalilna kelma oħra llum. Qalilna: ‘Ħadd ma jista’ jaqdi lil Alla u lill-flus.’ Għeżież tiegħi aħna li rridu nimxu wara Ġesu’ bis-serjeta’ rridu nħallu lil Ġesu’ jkun is-Sid tal-flus tagħna. Mhux il-flus isiru sidien tagħna, imma li Ġesu’ jsir is-Sid tal-flus tagħna. Ħafna drabi għeżież tiegħi l-flus

  • qatt ma għandek biżżejjed,
  • il-flus huma poter,
  • il-flus huma stil ta’ ħajja,
  • flus huma forsi għal uħud eżatt biex tgħaddi,
  • għal uħud għandek biex tgawdi,
  • għal uħud għandek biex tinvesti,
  • għal uħud il-flus jagħtuk poter li tibqa’ għaddej minn fuq ras dak li jkun u tkisser in-nies bil-flus l’ inti għadek,
  • bil-flus tagħmel triq fil-baħar,
  • għal uħud il-flus ifisser l’ inti tgħakkes lill-oħrajn,
  • l’inti tagħmel dak li trid u li jogħġbok,
  • l’inti xxaħħam,
  • l’int tikkorompi lil ħaddieħor.

Għeżież tiegħi l-flus meta ma nikkontrollawhomx jikkontrollawna u jsiru l-għerq  ta’ tant u tant ħażen li hawn fid-dinja għeżież tiegħi.

Araw fuq il-livell internazzjonali. Għaliex ma għandnix paċi fid-dinja? Nistgħu ngħidu ħafna raġunijiet għaliex għandna l-gwerer, waħda minnhom hija ħabba l-flus. Għaliex? Għax hawn min għandu l-interess li jibqa’ jipproduċi l-armi, jagħmel business bl-armi li jiġġeneraw flus għeżież tiegħi. Kieku aħna verament irridu l-paċi fid-dinja nibdew inżarmaw l-armi, mhux nipproduċu iktar armi u wara l-armi x’hemm? Business! Flus! maħbubin tiegħi. Kif ngħidu li rridu l-paċi meta mbagħad irridu nisponsorjaw għeżież tiegħi dawn il-flejjes. L-istess ħaġa għeżież tiegħi fejn tidħol per eżempju l-abort fid-dinja.

Wara l-abort hemm l-industrija kbira finanzjarja, business enormi għeżież tiegħi. Business enormi minn fuq il-qtil tat-trabi fil-ġuf tal-omm, minn dan id-delitt għeżież tiegħi. Business enormi! Xi drabi bir-rispett kollu lejn kulħadd anke nagħmlu kapital mis-saħħa tal-bniedem. Is-saħħa tal-bniedem! għal uħud saret business għeżież tiegħi fil-fabrikazzjoni ta’ mediċini, fir-reklamar ta’ mediċini jew servizzi ta’ saħħa illi warajhom hemm just ħsibijiet biex nibqgħu niġġeneraw dawn l-affarijiet għeżież tiegħi lis-saħħa tal-bniedem saret business enormi jew għax in-nies quddiem is-saħħa jċedu għeżież tiegħi, jippanikjaw imma business kbir li hu sporporzjonat is-servizz li tieħu għal dak li inti tħallas, imma għax quddiem is-saħħa ċċedi u nħallsu kollox għeżież tiegħi.

Kemm irridu noqgħodu attenti ma nistgħux naqdu lil Alla u lill-flus. Anke fi ħdan il-Knisja rridu noqgħodu attenti għeżież tiegħi illi ma jkollnix kilba għall-flus, kilba għall-flus li jagħtuna poter. Fi ħdan il-Knisja noqgħodu attenti kif aħna nberbqu u nużaw flus li mhumiex tagħna fl-aħħar mill-aħħar. Huma flus in-nies, huma flus tal-Komunita’ Nisranija. Kemm jista’ jkonna xi drabi anke persuni jistgħu jkunu saċerdoti li huma fl-amministrazzjoni tal-flus li huma nies rgħiba, li jistgħu jikkorompu anke lilhom innfushom quddiem il-flus għeżież tiegħi u flok naqdu lil Alla fil-Knisja naqdu l-flus fil-Knisja għeżież tiegħi. Kemm anke fil-Knisja għandna bżonn dil-purifikazzjoni mill-attakkament u mill-kilba għall-finanzi għeżież tiegħi. Meta fil-Knisja moħħna mistrieħ bil-flus nieqfu nafdaw fil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, nieqfu nafdaw f’Alla. It-tama tagħna jsiru l-finanzi għeżież tiegħi. X’konverżjoni għandna bżonn anke fi ħdan il-Knisja fejn jidħol dan l-aspett ta’ flus u ta’ finanzi.

Ċertament il-flus għandna bżonnhom

  • biex naqdu s-servizzi ta’ Kartita’,
  • biex imexxu l-isituzzjonijiet tagħna fi ħdan il-Knisja,
  • biex naqdu l-Komunita’ Nisranija,
  • biex inżommu l-Knejjes tagħna.

Ċertament li dawn huwa bżonn kollox fil-limitu tiegħu, kollox indirizzat b’mod għaqli u b’mod tajjeb, b’mod dinjituż u b’mod ġust pero’ noqgħodu attenti li ma niġux mmexxija, imkaxkra mill-flus għeżież tiegħi. Min jaqdi l-flus mhuwiex dixxiplu ta’ Ġesu’. Min jaqdi l-flus ibarri l’Alla barra minn ħajtu. Għeżież tiegħi xi drabi anke nispiċċaw għax dejjem irridu aktar flus, nitkissru. Ma għandniex ħin biex nitolbu, ma għandniex ħin biex immorru l-Quddies il-Ħadd. Propju bil-maqlub il-Ħadd naħdmu ħalli naqilgħuha doppja jew tripla għeżież tiegħi flok il-Ħadd nosservawh bħala jum il-Mulej, jum ta’ talb, jum illi nistrieħu, jum tal-familja, jum li jibnina mill-ġdid, imma rridu naqilgħu aktar flus għeżież tiegħi u nispiċċaw li mhux biss inwarrbu lil Alla, imma nwarrbu lil familja tagħna, inkissru s-saħħa tagħna għeżież tiegħi!

U f’dan il-qasam nagħmel appell lil kulħadd, lil kull min hu responsabbli fis-soċjeta’ tagħna għeżież tiegħi, illi naraw li anke l-ġid tal-pajjiż ikun imqassam b’mod dinjituż, b’mod ekmu, skont il-bżonnijiet ta’ nies differenti, li ma nħallu l-ebda kategorija fis-soċjeta’ tagħna għeżież tiegħi mċaħda jew li ma tieħux il-vantaġġi u l-benefiċċji li jistgħu jkunu iktar skont il-ġid li aħna jkollna bħala pajjiż għeżież tiegħi. Ejjew naraw li anke l-kilba għall-ġid fil-pajjiż tagħna, fis-soċjeta’ tagħna għeżież tiegħi ma tkissirx valuri oħrajn għax il-prosperita’ materjali, il-ġid materjali mhix l-uniku kriterju ta’ suċċess li aħna nistgħu nagħmlu fis-soċjeta’ tagħna maħbubin tiegħi. Huwa wieħed li hu essenzjali pero’ hemm tant valuri oħrajn. Jekk aħna għall-ġid nkissru l-familja, jekk aħna għall-ġid inkissru d-dinjita’ tal-bniedem, jekk aħna għall-ġid ma nistmgħawx il-ħaddiema, ma nistmgħawx ir-refuġjati, ma nistmgħawx id-dinjita’ tal-bniedem. Jekk aħna biex inkabbru l-ġid qed nkabbru l-profitti tagħna allura nkissru l-ħaddiema biex il-profitti jiżdiedu, imma l-impjegat ma jieħux dak li ħaqqu, jew ma jieħux iktar, jew ma jgawdhiex magħna. Għeżież tiegħi t-tkabbir tal-ġid mhuwiex l-uniku dinjita’. Meta l-flus isiru l-kriterju, lil Alla ma nibqgħux inħobbuh u lill-bniedem nibdew nikkalpestawh, meta kollox idur madwar il-flus. Jalla għeżież tiegħi nħallu lil Ġesu’ jidħol fil-qalb tagħna mill-ġdid, nitolbuh jeħlisna, jilliberana minn kull kilba u attakkament ta’ flus li jgħamuna u jkissruna lilna u lil ħaddieħor fil-ħajja tagħna.

Jiena nista’ noffrilkom, ngħinnkom li tħallu lill-Mulej ikun dejjem aktar is-Sid, il-Mulej fil-qiegħ nett ta’ qalbkom fil-laqgħa ta’ talb li jmiss ‘Ejjew Għandi’. Fittxu fuq il-Facebook tiegħi Fr Hayden hemmhekk issibu l-avviżi kollha. Ejjew intom, ġibu lil ħaddieħor magħkom huwa mument ta’ talb, ta’ fejqan, huwa mument ta’ grazzja, huwa laqgħa mal-Mulej, huwa laqgħa ta’ ferħ. Għidu lil ħaddieħor li huwa marid anke jekk huwa ‘l bogħod jista’ jiġi, jekk hu ‘l bogħod minn Alla jista’ jiġi ħa jirċievi mill-ġdid din l-imħabba u t-tgħannieqa. Nibqgħu f’dawn il-laqgħat sakemm nitolbu ma’ kull persuna li għandha bżonn. Ġesu’ huwa Ħaj għeżież tiegħi u nistgħu niltaqgħu miegħu, jista’ jfejjaq u jeħles il-qalb tagħna minn dawn ir-rabtiet li aħna għandna ħalli nisbu l-ferħ vera li l-ebda flus ma jagħtuk fil-ħajja. Sa ma’ narakom, insellmilkom, nitlobkom bil-qalb sabiex titolbu għalija, il-paċi magħkom u kunu mberkin. 

MUR GĦAL-LISTA SĦIĦA TAT-TAĦDIDIET TA’ FR HAYDEN

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s