It-Triq tas-Salib (Via Sagra) ma’ Suor Marija tat-Trinita’

L-Ewwel Stazzjon: Ġesù kundannat għall-mewt:

Nadurawk Ġesu’ u nberkuk, għax b’salibek u l-mewt tiegħek, Inti fdejtna.

Ġesu’ jitkellem: “Int ukoll, tassew, int ukoll kundattat għall-mewt, imma ma tagħtix kas tal-mument tagħha. Se mmutu – din verità kbira. Għad jgħibu d-dellijiet u ma jifdal xejn minn dak li issa hu. Tgħallem minni kif tħejji għall-mewt u kif se tmut.”

Missierna, Sliema u Glorja.

Imbierka l-Passjoni u l-mewt ta’ Sidna Ġesu’. Mulejja ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina.

It-Tieni Stazzjon: Ġesù mgħobbi bis-salib:

Nadurawk Ġesu’ u nberkuk, għax b’salibek u l-mewt tiegħek, Inti fdejtna.

Ġesu’ jitkellem: “Għalkemm kont mifni mit-tbatijiet tal-lejl u tas-swat, qbadt is-salib b’imħabba u ferħ. Kien għal dis-siegħa li ġejt. Ma ħsibtx għalija nnifsi imma għall-fidwa.

Kull salib li tingħata, ilqgħu bl-imħabba u bil-ferħ. Taħsebx fik innifsek. Aħseb għall-opra tal-fidwa.”

Missierna, Sliema u Glorja.

Imbierka l-Passjoni u l-mewt ta’ Sidna Ġesu’. Mulejja ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina.

It-Tielet Stazzjon: Ġesù jaqa’ għall-ewwel darba:

Nadurawk Ġesu’ u nberkuk, għax b’salibek u l-mewt tiegħek, Inti fdejtna.

Ġesu’ jitkellem: “Ma kontx ili miexi li ma waqajtx. Tistagħġibx meta taqa’, iżda bħali, erġa’ qum.”

Missierna, Sliema u Glorja.

Imbierka l-Passjoni u l-mewt ta’ Sidna Ġesu’. Mulejja ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina.

Ir-Raba’ Stazzjon: Ġesù jiltaqa’ ma’ Ommu:

Nadurawk Ġesu’ u nberkuk, għax b’salibek u l-mewt tiegħek, Inti fdejtna.

Ġesu’ jitkellem: “Ma kontx tagħrafni. Ma kontx aktar b’bixra ta’ bniedem.
Ratni u għarfitni u qasmet miegħi l-passjoni. Ħafritilkom u mhux biss, imma m’hemmx omm li tħobb ‘l uliedha daqsha. Ma tieqafx tishar fuqkom u tipproteġikom u tinterċedi għalikom sa minn mindu twelidtu. Tindokra bħala omm u siekta, għalkollox moħbija u lanqas biss tistenna ringrazzjament, biss tixtieq li tirringrazzjaw ‘l Alla.

Indirizza lilha ħtiġietek. Qalb il-Mulej ma tiflaħx tieqfilha t-talba tagħha. U biex tirringrazzjaha, ipprova imitaha.”

Missierna, Sliema u Glorja.

Imbierka l-Passjoni u l-mewt ta’ Sidna Ġesu’. Mulejja ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina.

Il-Ħames Stazzjon: Xmun iċ-Ċirinew jgħin lil Ġesù:

Nadurawk Ġesu’ u nberkuk, għax b’salibek u l-mewt tiegħek, Inti fdejtna.

Ġesu’ jitkellem: “Ara kif, b’xi mod ridt li l-umanità tieħu sehem fil-fidwa tagħha stess, rappreżentata miċ-Ċirinew. Dejjem hekk jiġri. Dawk li ma jikkummettux ruħhom, dawk li jirrifjutaw li jobdu l-kmandamenti t’Alla jeħtieġ li tirbħuhom għalikom. Jekk iġġorru l-piżijiet ta’ xulxin u jekk tagħmlu lil ħaddieħor dak li tixtiequ li l-oħrajn jagħmlu lilkom, imbagħad jibdew jixtiequ li kienu minn ta’ ġewwa magħkom. Jibdew jaċċettaw l-obbligi wara li jkunu fehmu. Ikunu jħobbuhom ukoll dawn l-obbligi u fil-ġenerożità tagħhom jagħtu aktar ukoll. Huma ħafna fil-familja tiegħi li lanqas biss jafu li huma għax jien, lil tiegħi nagħrafhom mill-intenzjonijiet u mill-azzjonijiet tagħhom.”

Missierna, Sliema u Glorja.

Imbierka l-Passjoni u l-mewt ta’ Sidna Ġesu’. Mulejja ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina.

Is-Sitt Stazzjon: Veronika tixxotta wiċċ Ġesù:

Nadurawk Ġesu’ u nberkuk, għax b’salibek u l-mewt tiegħek, Inti fdejtna.

Ġesu’ jitkellem: “Qed tinnota kif, għal ġest ta’ tjieba umana, l-ħlas huwa divin? Dejjem hekk. Dak li l-aktar ikkunslani tul dil-mixja terribbli tas-salib ma kienx biss dal-ġest u l-ħlewwa tal-velu tagħha, iżda li jien stajt nagħtiha rikumpens. Il-ferħ tiegħi hu f’li nagħti. Il-grazzji tiegħi bla tarf.

Nistenna l-okkażjoni biex inkun nista’ nurhom b’dan. Nistenna l-okkażjoni li fiha toffruli qalb lesta li tilqagħhom. Tassew ninsab barra l-bieb inħabbat.”

Missierna, Sliema u Glorja.

Imbierka l-Passjoni u l-mewt ta’ Sidna Ġesu’. Mulejja ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina.

Is-Seba’ Stazzjon: Ġesù jaqa’ għat-tieni darba taħt is-salib:

Nadurawk Ġesu’ u nberkuk, għax b’salibek u l-mewt tiegħek, Inti fdejtna.

Ġesu’ jitkellem: “Hawn kelli naqa’ mejjet. Kont għalkollox eżawrit. Iżda kien għadu mhux kollox mitmum. Ħsibt fl-erwieħ u mħabbti tagħtni l-qawwa nerġa’ nqum.

Meta intom ma tkunux tifilħu aktar minħabba l-għejja u t-tbatijiet, itlobu l-imħabba. Din qatt ma tiġi miċħuda lil min jitlobha.”

Missierna, Sliema u Glorja.

Imbierka l-Passjoni u l-mewt ta’ Sidna Ġesu’. Mulejja ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina.

It-Tmien Stazzjon: Ġesù jikkonsla n-nisa ta’ Ġerusalemm:

Nadurawk Ġesu’ u nberkuk, għax b’salibek u l-mewt tiegħek, Inti fdejtna.

Ġesu’ jitkellem: “Qed tarani? Biex inkellem lin-nisa li qed jibku, hawn jien mill-ġdid bil-wieqfa. Meta wieħed jaħseb fit-tbatijiet tal-oħrajn, jinsa ’l tiegħu. Jeħtieġ titolbu għall-oħrajn, anki aktar milli għalikom stess.

Itlobu għall-intenzjonijiet il-kbar tal-Knisja: is-salvazzjoni tal-erwieħ; ir-rebħa tal-verità tal-Fidi; il-missjonijiet; il-kleru u l-unità viżibbli tal-Knisja tiegħi; il-fejqan tal-ġrieħi li għandha l-Knisja tiegħi fil-livell uman tagħha u li jdgħajfulha l-ħidma tagħha u bħal jitfgħulha velu fuq id-dawl tagħha – id-dawl tal-kelma tiegħi.

Hemm bżonn titolbu ’l Alla għad-doni divini tiegħu: il-fidi; il-fedeltà – li hija l-karità fil-prattika; u t-tisħib fil-grazzja, li hi frott it-tama.”

Missierna, Sliema u Glorja.

Imbierka l-Passjoni u l-mewt ta’ Sidna Ġesu’. Mulejja ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina.

Id-Disa’ Stazzjon: Ġesù jaqa’ għat-tielet darba taħt is-salib:

Nadurawk Ġesu’ u nberkuk, għax b’salibek u l-mewt tiegħek, Inti fdejtna.

Ġesu’ jitkellem: “Hawn jien għal darb’oħra mal-art, sfinit. Nieqaf hawn? Il-mewt kienet tkun ħelwa li kellha tiġi issa. Batejt bil-wisq aktar minn dak li kien ikun biżżejjed għall-fidwa tal-umanità.

Iżda din it-tbatija żejda kienet meħtieġa għal tant erwieħ li jirriskjaw li, fil-bruda u fis-soddisfazzjon personali jitlifu dak li għandu tant valur li ġie afdat f’idejhom, u jintilfu.

Fhimtni? L-ebda mħabba ma tintilef. L-ebda tbatija m’hi mitlufa fil-ħajja tal-imħabba. Kun ġeneruża. Qatt m’inti se tkun wisq ġeneruża. Qatt m’int se tasal għal dak li hu biżżejjed.”

Missierna, Sliema u Glorja.

Imbierka l-Passjoni u l-mewt ta’ Sidna Ġesu’. Mulejja ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina.

L-Għaxar Stazzjon: Ġesù mneżża’ minn ħwejġu:

Nadurawk Ġesu’ u nberkuk, għax b’salibek u l-mewt tiegħek, Inti fdejtna.

Ġesu’ jitkellem: “Qed tara kif jien tajt kollox u lanqas ma żammejt imqar rikordju għal Ommi, lanqas it-tunika? L-għotjiet tiegħi huma ta’ tip ieħor.

Ħallihom ineżżgħuk, l-aktar mill-ħwejjeġ materjali u mbagħad mid-drittijiet, mill-enerġija; minn ħsibijietek.

Lil Alla tkun qed tagħti kollox. Meta tasal mewtek, ma jifdallek xejn ħlief dak li tkun tajt lilu.”

Missierna, Sliema u Glorja.

Imbierka l-Passjoni u l-mewt ta’ Sidna Ġesu’. Mulejja ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina.

Il-Ħdax-il Stazzjon: Ġesù msammar mas-salib:

Nadurawk Ġesu’ u nberkuk, għax b’salibek u l-mewt tiegħek, Inti fdejtna.

Ġesu’ jitkellem: “Għalija – l-imsiemer tal-ħadid ippuntat …, is-salib ta’ injam iebes li għafasli l-kuruna tax-xewk ġo rasi … .

Għalik – l-imsiemer huma l-faqar, l-ubbidjenza, il-kastita’. Imma dawn ma jwaħħlukx ma’ salib. Iwaħħluk ma’ Qalbi, biex xejn ma tinfired minni – hemm f’Qalbi li tħobbok u li ilha tistennik żmien twil.

Ara kif xortik hi ta’ min wieħed jgħir għaliha. Fejn kont tmur mingħajr il-wegħdiet tiegħek? Ħobbhom, biex tgħixhom b’dik il-perfezzjoni li tnebbħek biha l-imħabba.

Li tkun vittma ma jbiddel xejn għall-oħrajn. Iwaħħdek aktar mill-qrib miegħi – li jien il-Ħaruf maqtul, il-Vittma. Agħmel ħiltek biex tgħix kif għext jien. Jien għażilt l-aħħar post. Int tassew il-qaddejja ta’ ħutek? Għandek ta’ kuljum xi sagrifiċċji x’toffrili?”

Missierna, Sliema u Glorja.

Imbierka l-Passjoni u l-mewt ta’ Sidna Ġesu’. Mulejja ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina.

It-Tnax-il Stazzjon: Ġesù jmut fuq is-Salib:

Nadurawk Ġesu’ u nberkuk, għax b’salibek u l-mewt tiegħek, Inti fdejtna.

Ġesu’ jitkellem: “Tara kif jien ħfirt u kollox tajn – kull ma kelli, kif ukoll tajtkom Ġismi u Demmi? Li kien fadalli fuq is-salib kienet biss Ommi. Dawk li tħobbu, tħobbuhomx għalikom stess, iżda biex tagħtuhom, ħalli oħrajn igawdu mill-imħabba li gawdejtu minnha intom. Jeħtieġ li tħobbu għall-Mulej, biex l-imħabba tinxtered u b’hekk Alla jkun magħruf u maħbub. Qatt, ħlief fis-Sema, m’inti se tifhem kemm int midjun ma’ dawk kollha li ħabbewk. Iżżommhomx għalik iżda agħtihom.

Jeħtieġ li tatu l-aħjar li għandkom f’qalbkom u l-aħjar minn fost il-ħsibijiet tagħkom. Jekk iżżomm ħsibijietek għalik innifsek jibqgħu sterili; jekk tagħtihom lill-Mulej, ikun jista’ jużhom kif jogħġob lilu. X’għandu jimpurtak? Ixħet l-aħjar fost ħsibijietek, imħabbtek u dak kollu li tista’ tagħti, kif tinxteħet iż-żerriegħa li tixxerred mal-erbat irjieħ u ħalli lil Alla jieħu ħsieb kollox u jinqeda bihom kif jogħġob lilu. L-għoti bla qies jagħtini unur.

Tajtek lil Ommi. Għajjatt l-abbandun tiegħi minn Alla biex l-erwieħ mitlufa fil-biża’ tal-mewt isibu konfort fil-ħsieb li jien għaddejt minnha qabilhom.

Għajjat l-għatx għall-erwieħ. Hemm għadha. Taqsam miegħi fiha int? Min irid jitwaħħad miegħi jrid jaqsam miegħi f’xewqati.

Kollox mitmum. Int iżżomm fedelment ma’ dak li jitlob minnek l-istat ta’ ħajtek? U ma’ dak li ngħidlek jien? Iva, wettaq kollox jiswielek x’jiswielek.

Fdajt l-ispirtu tiegħi f’idejn Missieri. Hekk jeħtieġ li tmut. U hekk se tagħmel f’qasir żmien.”

Missierna, Sliema u Glorja.

Imbierka l-Passjoni u l-mewt ta’ Sidna Ġesu’. Mulejja ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina.

It-Tlettax-il Stazzjon: Ġesù imqiegħed f’dirgħajn Ommu:

Nadurawk Ġesu’ u nberkuk, għax b’salibek u l-mewt tiegħek, Inti fdejtna.

Ġesu’ jitkellem: “Ara kif meta kont għadni ċkejken kont noqgħod kollni kemm jien f’dirgħajha. Hi qasmet miegħi l-Passjoni. Issa li qed tqandilni fuq dirgħajha, iġġorr il-merti kollha tal-Passjoni tiegħi u dawn kollha nagħtihom lilha. Tista’ tqassamhom skont il-Qalb ta’ Omm li għandha, għax hi l-Medjatriċi ta’ kull grazzja.

Erħi, bl-istess mod, ħajtek kollha, xogħlijietek, xewqatek, qalbek kollha, biex Hi tqiegħedlek xi ħaġa minn dak li hu tagħha … , u talbek, biex hi tgħaqqadhulek ma’ tagħha u tagħmlu irreżistibbli.”

Missierna, Sliema u Glorja.

Imbierka l-Passjoni u l-mewt ta’ Sidna Ġesu’. Mulejja ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina.

L-Erbatax-il Stazzjon: Ġesù mqiegħed fil-qabar:

Nadurawk Ġesu’ u nberkuk, għax b’salibek u l-mewt tiegħek, Inti fdejtna.

Ġesu’ jitkellem: “Hija qalbek il-qabar li nixtieq nirxoxta minnu. Tħallinix waħdi.”

Missierna, Sliema u Glorja.

Imbierka l-Passjoni u l-mewt ta’ Sidna Ġesu’. Mulejja ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina.

Skont l-intenzjonijiet tal-Papa, għall-bżonnijiet u l-protezzjoni tiegħu. – Missierna, Sliema u Glorja.

Talba tal-Aħħar: Grazzi Mulej Ġesu’ talli ppermettejt li aħna nakkumpanjawk f’din il-mixja doloruża tiegħek bis-salib lejn il-Kalvarju. Berikna minn fuq is-salib u għinna nħobbuk dejjem iżjed biex aħna wkoll inkunu nistgħu naqsmu miegħek fil-ferħ tal-ġenna. Ammen.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s