Dak li tieħu tippoppa quddiem!

Il-Ħamis, 18 ta’ Lulju 2019: Riflessjoni dwar Lq 14: 7-14, il-Vanġelu tat-22 Ħadd matul is-Sena (Sena Ċ). Ara t-test tagħha taħt il-vidjo …

MUR GĦAL-LISTA SĦIĦA TAT-TAĦDIDIET TA’ FR HAYDEN

Il-Paċi magħkom għeżież tiegħi! Minn qalbi nilqagħkom għal darb’oħra għal dan il-programm ‘Ejjew Għandi’, is-sejħa ta’ kull ġimgħa li jagħmlilna l-Mulej Ġesu’. Tal-ġimgħa li għaddiet ma jgħoddx għal din il-ġimgħa għaliex? Għax inti m’intix l-istess persuna. Minn jaf fi żmien seba’ t’ijiem minn xiex stajt għaddejt, anke tieħu daqxejn aħbar ħażina u malajr titlifha xi kultant u taqa’ fil-buli u fin-nervi u fis-skiet. Jew tieħu aħbar tajba u tkun ferħan. Aħna n-nies jitbidlu minn ġurnata għall-oħra, u allura għandna bżonn ta’ kuljum nisimgħu l-Kelma t’Alla li tiġi fil-ħajja tagħna b’mod ġdid mhux għax tgħidilna affarijiet ġodda, il-Kelma t’Alla ilha elfejn sena tgħidilna l-istess affarijiet jew iktar għeżież tiegħi, imma hi dejjem ġdida għaliex l-imħabba t’Alla ma tirrepettix lilha nnfisha. Alla qatt ma jirrepetti lilu nnifsu, anke jekk tista’ tidher kelma li hija rrepettuta fil-verita’ l-imħabba tiegħu għalik hija dejjem fiċ-ċirkustanzi allura hija dejjem mument ġdid fil-ħajja tiegħek.

Jiena nistiednek ilqa’ din il-Kelma mhux kumbinazzjoni li qed tisma’ dan il-programm illum. Insellem

  • lilkom li intom kollha fil-Faċilita’ korrettiva ta’ Kordin,
  • lilkom li intom vittma ta’ xi reat kriminali,
  • lilkom li qed tgħixu fl-isptarijiet,
  • f’dar tal-anzjani,
  • miżżewwġin,
  • issegwuna bil-mezzi tal-komunikazzjoni soċjali,
  • is-saċerdoti fid-dar tal-Kleru,
  • insellem lil kull min qed isegwina b’mod jew b’ieħor għal din il-Kelma li tixtieq tibnina mill-ġdid fil-ħajja tagħna.

Il-Kelma li ħa nirrifletti fuqha llum għeżież tiegħi meħuda mill-Vanġelu skont San Luqa kapitlu 14 minn vrus 7 sa 14 jgħidilna hekk:

Darba, kien is-Sibt, daħal għand wieħed mill-kapijiet tal-Fariżej biex jiekol għandu, u huma qagħdu għajnejhom fuqu. “Billi Ġesu’ ra b’għajnejh kif il-mistednin bdew jagħżlu l-postijiet ta’ quddiem fil-mejda, qalilhom din il-parabbola: “Meta wieħed jistiednek għal xi festa ta’ tieġ, tmurx toqgħod fil-post ta’ quddiem, li ma jkunx hemm xi mistieden aqwa minnek, u dak li jkun stieden lilek u lilu jiġi fuqek jgħidlek, ‘Agħti l-post lil dan’, u int imbagħad, b’rexgħa ta’ mistħija fuqek, ikollok tieħu l-post tal-aħħar.

Għall-kuntrarju, meta tkun mistieden, mur inxteħet fil-post tal-aħħar, biex meta jiġi dak li stiednek jgħidlek, ‘Ħabib, itla’ f’post aktar ‘il fuq.’ U dan ikun ta’ ġieħ għalik quddiem dawk kollha li jkunu fil-mejda miegħek. Għax kull min jitkabbar, jiċċekken; u min jiċċekken, jitkabbar.”

Imbagħad qal ukoll lil dak li kien stiednu: “Meta tagħti ikla jew pranzu, tistedinx lil ħbiebek jew lil ħutek jew lil qrabatek, u anqas ġirien għonja, għax għandhom mnejn imbagħad jistiednu lilek huma, u hekk irroddulek il-pjaċir li tkun għamiltilhom. Għall-kuntrarju, meta tagħmel ikla, stieden il-foqra, il-magħtubin, iz-zoppop u l-għomja, u hieni int, għax dawn ma għandhomx minn fejn irroddulek pjaċir bi pjaċir, imma jroddulek Alla meta l-ġusti jqumu għall-ħajja!”

Hawnhekk għeżież tiegħi f’dal-Vanġelu naraw lil Ġesu’ jieħu opportunita’ minn ikla li jkun mistieden għaliha għeżież tiegħi għand wieħed mill-kapijiet tal-Fariżej u Ġesu’ minn din l-ikla joħroġ u jagħti tagħlima. Pero’ l-ewwel ħaġa li xtaqt nieqaf fuqha hija l-fatt lil Ġesu’ jaċċetta li jkun mistieden għall-ikel u jmur jiekol għand wieħed mill-kapijiet tal-Fariżej. Il-Fariżej aħna nafu għeżież tiegħi li kienu grupp ta’ reliġjużi biex ngħidu hekk fi ħdan il-Ġudajiżmu, illi riedu josservaw bir-reqqa kollha l-liġi pero’ xi drabi nafu kemm Ġesu’ kritika ħarxa għall-Fariżej. Ħafna drabi għax kienu nies li dejjem iridu kollox sewwa pero’ fil-paroli ee! Kif jidhru minn barra mhux kif inhuma verament minn ġewwa u nafu li Ġesu’ għeżież tiegħi ġie jenfasizzalana lir-relazzjoni tagħna m’Alla mhijiex dik li tidher imma dik li ma tidhirx. Hija relazzjoni tal-qalb, x’hemm fil-qalb tagħna mhux kif nidhru minn barra li jiswa, nidhru minn ġewwa. Minn barra nistgħu nidhru ħaruf u minn ġewwa tkun lupu għeżież tiegħi. Mhux kif tidher minn barra imma kif int minn ġewwa.

Ġesu’ nafu li minkejja li kellu dil-kritika mal-Fariżej, Ġesu’ xorta jaċċetta li jmur jiekol għand wieħed mill-kapijiet tagħhom. U din fiha nnfisha diġa’ hija ġest biex ngħidu hekk ta’ ħniena, ta’ misericrodia min naħa ta’ Ġesu’. Għaliex inti bħala Lhudi li taċċetta li tiekol ma’ xi ħadd mhiex sempliċiment biex taqta’ l-ġuħ li jkollok imma li int titħallat ma’ xi ħadd kienet xi ħaġa ħafna importanti. Il-Lhud ma kienux jitħalltu ma’ xi ħadd ċerta kategorija ta’ nies kienu meqjusa midinbin. Fil-fatti Ġesu’ kien kritikat li jiekol mal-pubblikani u mal-midinbin. Il-Fariżej ma kienux jieklu pero’ naraw li Ġesu’ kien jiekol mal-pubblikani u l-midinbin, pero’ Ġesu’ jiekol ukoll mal-Fariżej. Għaliex? Għax quddiem Ġesu’ aħna lkoll pubblikani u midinbin, inkluż il-Fariżej. Quddiem il-Mulej aħna lkoll nies midinba, aħna lkoll nies midinba maħbuba. Midinbin maħbubin minn Alla. Ġesu’ ma jagħmilix din id-distinzjoni li l-Fariżej jagħmlu. Huma ma jieklux ma kulħadd imma Ġesu’ jiekol ma’ kulħadd inkluż magħhom li tant kien jikritikahom. Inkluż mal-midinbin li tant jiġġustifikahom imbagħad.

U allura l-ewwel ħaġa li naraw għeżież tiegħi hawnhekk is-sbuħija ta’ Ġesu’ li qalbu miftuħa għal kull bniedem għaliex Alla tagħna ma għandu qalbu magħluqa għal ħadd. Tista’ tkun l-iktar persuna kriminali li teżisti fid-dinja, Ġesu’ għandu qalbu miftuħa għalik. Tista’ tkun l-iktar persuna fil-Knisja li inti Fariżew li dejjem fuq l-altar li dejjem tippontifika, dejjem tippriedka, dejjem tgħid lil kulħadd x’għandu jagħmel u inti l-iktar persuna li tħawwad meta m’intix fuq l-altar. Int ukoll Ġesu’ għandu qalbu miftuħa għalik. Għaliex Alla tagħna għeżież tiegħi ma jkeċċi lil ħadd. Ġesu’ qalilna: ‘Min jiġi għandi ma nkeċċihx ‘l barra.’ (Ġwanni 6: 37) U infatti Ġesu’ jaċċetta din l-ikla Ġesu’ kull darba li jaċċetta dawn l-istediniet biex dejjem jagħti ċans lill-persuni jiftħu qalbhom mill-ġdid għalih.

Ejjew aħna l-ewwel ħaġa li nieħdu minn il-Kelma t’Alla llum, inħallu lill-Mulej verament jidħol mill-ġdid fil-ħajja tagħna. Ejjew nistiednuh għandna d-dar, nistiednuh jiġi jiekol għandna. Ġesu’ mhux se jiddejjaq jidħol fil-familji tagħna kif inhuma m’hemmx għalfejn irridu nagħmlu l-aħjar ikla, m’hemmx għalfejn nagħmlu l-spring cleaning tad-dar, m’hemmx għalfejn id-dar tkun imżejna biex lill-Mulej nilqgħuh għidlu: ‘Mulej, ejja! Dan huwa jien,’ u meta jiġi jirranġa kollox hu mbagħad għeżież tiegħi.  Importanti li aħna nħalluh imma ntuh iċ-ċans.

Ġesu’ mbagħad pero’ waqt din l-ikla jibda jinnota x’qed jiġri u jara illi ċerti nies immorru jieħdu mill-ewwel il-post ta’ quddiem u Ġesu’ din jipprova jagħtina tagħlima minnha. Jgħidilna: ‘Isma’ meta inti mistieden tippruvax tieħu l-post ta’ quddiem imma ħu l-aħħar post biex ma jiġrilekx illi mbagħad min għamillek l-istedina jgħidlek isma’ dak il-post li ħadt ta’ quddiem kien għal xi ħaddieħor ta, tista’ tmur l-aħħar post inti ħalli min għandu postu hemm hekk jieħdu huwa?

Hawn Ġesu’ qed jagħtina tagħlima l-umilta’. X’kienet din l-ikla pero’ li Ġesu’ qiegħed jitkellem minnha fil-verita’ issa? M’għadhiex ikla ta’ party għeżież tiegħi, imma din l-ikla hija l-laqgħa tagħna m’Alla. Il-laqgħa tagħna m’Alla fil-Knisja, fil-komunita’. Din l-ikla hija simbolu tal-komunjoni, tal-għaqda tagħna sħiħa mal-Mulej. Din l-ikla li aħna mbagħad niċċelebrawha fil-Quddiesa, fl-ikla Ewkaristika u Ġesu’ qed jgħidilna: ‘Isma’ fi ħdan is-Saltna, fi ħdan il-Knisja bħala l-ewwel manifestazzjoni tas-Saltna t’Alla, toqgħodux tippruvaw tieħdu l-postijiet ta’ quddiem. Ċioe’ kulħadd jieħu postu, iċċekknu mhux tippruvaw tkunu bħad-dinja

  • kulħadd min irid jidher,
  • kulħadd irid jgħaffeġ fuq dak li jkun,
  • kulħadd irid jintogħoġob,
  • kulħadd irid jiġġakbina biex dejjem tidher inti,
  • tidher aħjar,
  • tbaxxi lil ħaddieħor.

Ġesu’ jgħidilna: Le! Fil-Knisja, fis-Saltna t’Alla m’ għandux ikun hekk fittxu dejjem l-aħħar post. U l-aħħar post ħadd minna ma jista’ jieħdu tafux? Għax l-aħħar post ħadu Ġesu’, ħadu Ġesu’ meta obda sal-mewt, sal-mewt tas-Salib, jgħidilna San Pawl fl-ittra tiegħu lill-Filippin.

“Ċekken lilu nnifsu, billi obda sal-mewt, anzi sal-mewt tas-Salib.” ( Filippin 2:8)

  • L-aħħar post fis-Saltna,
  • l-aħħar post f’din l-ikla,
  • l-aħħar post fil-Knisja,
  • l-aħħar post fid-dinja ħadu Ġesu’ Kristu bl-ubbidjenza tiegħu fuq is-Salib; maħbubin tiegħi.

Ġesu’ hemm hekk irid iżarma! Meta nħarsu lejh imsallab irid iżarma s-suppervja li hemm fil-qalb tagħna,

  • li rridu naħkmu fuq xulxin,
  • irridu nkunu fuq xulxin,
  • li ngħiru għal xulxin,
  • li nkissru lil xulxin,
  • li niġġakbinaw,
  • nikkalpestaw lil xulxin
  • biex jiena navanza u lilek inkissrek.

Kemm għandna persuni fid-dinja tax-xogħol, fi stituzzjonijiet, xi drabi fil-Knisja, fil-komunitajiet reliġjużi, f’parroċċi, f’għaqdiet tal-Knisja, li kissru lil xulxin. Nagħmlu kif nagħmlu fid-dinja, ngħajru lid-dinja li tagħmel hekk u aħna nagħmlu agħar minnha fil-Knisja xi drabi għeżież tiegħi.

Illum il-Mulej qed ifejjaqna. Iċ-ċanfira tiegħu hija ċanfira ta’ fejqan. Ejjew fis-Saltna t’Alla, fil-Knisja nieqfu nġibu ruħna bħad-dinja, bħal min ma jemminx. Li nippruvaw ngħaffġu u nitilgħu fuq ras xulxin. Ġesu’ jgħidilna: ‘Ħu l-aħħar post.’ L-aħħar post huwa l-post tal-umli, il-post tal-qadi, huwa l-post illi ħadd ma jrid allura hemm ħafna liberta’. Immaġina piramida, iktar ma titla’ ‘l fuq inqas hemm spazju. Jekk kulħadd  ikun hemm fuq, kulħadd ħa jiġġieled għax fl-aħħar mill-aħħar fil-ponta tal-piramida persuna waħda tista’ toqgħod. Mentri l-aħħar post il-piramida hija wisgħa kulħadd jista’ joqgħod fiha. Ġesu’ jridna bħat-tfal iż-żgħar li nieħdu l-aħħar post ħalli ma noqgħodux niġġieldu bejnietna u kulħadd joqgħod komdu, ixxamplat għeżież tiegħi. Imma hemm fuq ħalluh għal Alla.

Ejjew noħorġu minn dis-suppervja nħallu l-qawwa tal-Ispirtu s-Santu biex nitħabbtu magħna nfusna ħalli s-suppervja ta’ ġewwa fina nrażżnuha. Ma rridux dejjem inkunu fuq l-oħrajn, dejjem irrid nidher jien, għeżież tiegħi basta tgħaddi tiegħi. Fil-Knisja kemm inbatu b’dawn l-affarijiet,

  • fl-għaqdiet u fil-gruppi,
  • fil-komunitajiet tal-patrijiet u s-sorijiet,
  • kemm nara qassisin bejnietna,
  • kemm ngħaddu minn dawn l-affarijiet għeżież tiegħi.

Ejjew niċċekknu, ejjew nagħżlu l-aħħar postijiet, ejjew nagħżlu li nagħmlu dak li ħadd ma jrid jagħmel. Aħna l-patrijiet kappuċċini, hekk waħda fid-DNA tagħna fil-bidu li twaqqafna kienu jgħidu: ‘Immorru fejn ħadd ma jrid imur, nagħmlu dak li ħadd ma jrid jagħmel.’ Għeżież tiegħi, xi drabi kemm hija sabiħa, kemm għandna tant qaddisin aħna patrijiet illi għexu hekk jagħmlu dak li ħadd ma jrid jagħmel, li jieħdu l-aħħar post.

Xi drabi għeżież tiegħi taf min jgħallimni hekk din il-ħaġa? Mhux biss ta, imma kemm tgħallimieli l-mara tad-dar jiena. Illi fl-umilta’ tagħha l-mara li taħdem id-dar għeżież tiegħi kemm taf bi mħabba ġenwina xi drabi tieħu l-aħħar post fil-familja, tagħmel dak li ħadd ma jrid jagħmel fil-familja u dan mhux tmaqdir, dan mhux disprezjaġġtiv. Dan hu unur għeżież tiegħi, għal min iħobb u min hu umli huwa unur li jieħu l-aħħar post. Ma kemm sagrifiċċji moħbija n-nisa tad-dar ħafna drabi narakom tagħmlu? Fl-affarijiet tal-ħajja ta’ kuljum li mhux dejjem intom apprezzati pero’ tibqgħu tagħmluhom b’imħabba, tibqgħu tagħmluhom b’determinazzjoni.

  • Kemm għandna x’nitgħallmu minnkom o nisa tad-dar!
  • Il-Knisja kemm għandna x’titgħallem minnkom.
  • Aħna l-patrijiet, is-sorijiet u l-qassisin kemm għandna x’nitgħallmu minnkom.
  • L-umanita’ kemm għandha x’titgħallem minnkom.
  • Jalla ngħożżukom u napprezzawkom,
  • jalla tkunu intom o nisa tad-dar dak li qal Ġesu’: ‘Min jiċċekken jitkabbar.’
  • Jalla għeżież tiegħi jiġi l-mument li anke f’għajnejna naraw il-kobor tagħkom.

Pero’ Ġesu’ qed jurina wkoll għeżież tiegħi hawn hekk aspett ieħor x’iġifieri nkunu nieħdu l-aħħar post. L-aħħar post tfisser ukoll għal Ġesu’ ma’ min nagħmluha, lil min nistiednu. Ġesu’ qed jgħidilna: ‘Isma’ meta tagħmel party tistedinx lil dawk li se jpattulek lura l-istedina, stieden lil min ma jista’ jroddlok xejn lura. Il-persuni morda, persuni illi ħadd ma jridhom, l-aħħar tas-soċjeta’. Għeżież tiegħi, aħna l-Insara kapaċi noqgħodu mal-inqas nies tas-soċjeta’? Aħna l-qassisin u l-patrijiet u s-sorijiet inħossuna komdi li nkunu mal-imwarrbin tas-soċjeta’? Tħossok komdu int at ease

  • li tkun ma’ priġunier?
  • Li tkun ma’ marid?
  • Li tkun ma’ refuġjat?
  • Li tkun ma’ kriminal?
  • Tħossok komdu li tkun ma’ dawk li s-soċjeta’ qiegħda twarrab jew għax żbaljaw jew għal raġunijiet oħrajn?

Xi wħud jieħduha kontrik għax titkellem b’dan il-mod pero’ dan hu l-Vanġelu, fil-kas mhux kontrija qed tieħduha kontra Alla, għax il-Vanġelu huwa l-Vanġelu t’Alla u mhux tagħna.

Għeżież tiegħi, ejjew aħna nfittxu illi ma niddejjqux nagħmluha mal-inqas fil-parroċċi tagħna, fil-komunitajiet tagħna, infittxu l-aħħar post u nagħmluha mal-inqas persuni fis-soċjeta’. Ejjew inħossuna komdi li nieklu, li niċċelebraw ma’ dawn ħutna. Ejjew inkunu Ġesu’ fid-dinja tal-lum. B’hekk inkunu xhieda verament tal-imħabba u l-ħniena tiegħu. U jekk inkunu dawl, inkunu sinjal għal min irid jaħkem bl-umilta’, bl-umilta’, bl-umilta’. Fittxu għeżież tiegħi l-inqas fil-familja tagħkom. Dik il-persuna fil-familja li kulħadd irid iwarrabha, forsi l-karattru ddejjaqna, imma ejjew nagħmlu kif għamel Ġesu’ fil-ħajja ta’ kuljum ma nippruvawx nitilgħu fuq ras xulxin, imma nżommu l-aħħar post u nagħmluha mal-iktar persuni mwarrbin

  • fil-familja,
  • fuq ix-xogħol,
  • fil-Knisja,
  • fis-soċjeta’,
  • fil-ħbiberiji,
  • fl-ambjenti kollha li nkunu.

Saqsi lilek nnifsek min hi l-persuna madwarek li hija mwarrba u eskluża? Ma’ dak, lil dik irid infittex, prova għamilha matul din il-ġimgħa.

Jiena nistedinkom biex tiġu għal laqgħa ta’ talb ‘Ejjew Għandi’ fejn fiha lkoll kemm aħna nistgħu nsibu postna quddiem Alla għeżież tiegħi. Fittxu l-Facebook page tiegħi Fr Hayden u hemm hekk issibu l-istedina tal-laqgħa. Ejjew intom ġibu lil ħaddieħor magħkom ikollna talb ta’ fejqan għall-morda u għal dawk kollha li jiġu. Ejjew! Għax jiena naf u intom tafu li ġejtu li tista’ tkun esperjenza qawwija ta’ Ġesu’ fil-ħajja tagħkom li tfejjaqkom, li ttikom tama ġdida fil-ħajja tagħkom. Sa ma’ narakom itolbu għalija, il-Paċi magħkom u kunu mberkin.

MUR GĦAL-LISTA SĦIĦA TAT-TAĦDIDIET TA’ FR HAYDEN

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s