Kemm se jsalvaw?

Il-Ħamis, 18 ta’ Lulju 2019: Riflessjoni dwar Lq 13: 22-30, il-Vanġelu tal-21 Ħadd matul is-Sena (Sena Ċ). Ara t-test tagħha taħt il-vidjo …

MUR GĦAL-LISTA SĦIĦA TAT-TAĦDIDIET TA’ FR HAYDEN

Il-Paċi magħkom għeżież tiegħi minn qalbi nilqagħkom għal darb’oħra għal dan il-programm ‘Ejjew Għandi’ li huwa sejħa li l-Mulej jagħmlilna ta’ kull ġimgħa sabiex aħna niġu għandu. Niġu għandu għaliex? Għax xi drabi aħna bil-Malti għandna l-esperessjoni li tgħid: ‘Lanqas taf fejn se taqbad tagħti rasek, ee!’ Qatt ġejtu f’ċirkustanza li ma tafx fejn se taqbad tagħti rasek? Propju dak il-ħin Ġesu’ jgħidilna: ‘Isma’ flok tħawwuha, flok tgħaxxquha, flok ma nafx x’ se tagħmlu, ejjew għandi, isimgħu leħni, isimgħu lili. Ħallu lili nagħtikom dik il-kelma ta’ faraġ, ħallu lili nkun il-fejqan, l-imħabba, il-paċi tal-qalb li tant għandkom bżonn għeżież tiegħi.’

Nixtieq insellem bil-qalb lil dawk kollha li jsegwuna mill-Faċilita’ korrettiva ta’ Kordin. Insellem lil dawk kollha li ssegwuna anke mid-djar tal-anzjani, il-morda, lil dawk li huma fl-isptarijiet, is-saċerdoti fid-dar tal-Kleru. Dawk kollha li ssegwuna anke bil-mezzi tal-komunikazzjoni kemm f’Malta kif ukoll barra minn Malta, insellem bil-qalb lill-Maltin kollha li jgħixu barra minn Malta pero’ li ta’ kull ġimgħa naf li ssegwu dan il-programm xorta waħda.

Il-Kelma li l-Mulej illum qiegħed jagħtina hija meħuda mill-Vanġelu skont San Luqa kapitlu 13 minn vrus 22 sa 30. Ħa nisimgħu dil-Kelma u naraw x’tista’ tfisser għalina fil-ħajja tagħna.

Huwa u sejjer lejn Ġerusalemm, għadda jgħallem f’xi bliet u rħula. U kien hemm wieħed qallu: “Mulej, jaqaw ftit huma dawk li jsalvaw?” U huwa weġibhom: “Tħabtu biex tidħlu mill-bieb id-dejjaq, għax kif ngħidilkom jien, ħafna għad ifittxu li jidħlu u ma jirnexxilhomx. Għax meta sid id-dar ikun qam jagħlaq il-bieb, intom tibqgħu barra, u tibdew tħabbtu l-bieb u tgħidu, ‘Mulej, iftħilna.’ Iżda hu jweġibkom u jgħid, ‘Ma nafx mnejn intom.’ Imbagħad taqbdu tgħidulu, ‘Kilna u xrobna miegħek aħna, u int għallimt fil-pjazez tagħna.’ Hu jwieġeb u jgħidilkom, ‘Ma nafx mnejn intom; morru minn quddiemi, intom ilkoll li tagħmlu dak li mhux sewwa!’ Hemmhekk ikun hemm il-biki u tgħażżiż tas-snien, meta taraw lil Abraham u lil Iżakk u lil Ġakobb u l-profeti kollha fis-Saltna ta’ Alla, u intom imkeċċija ’l barra. U jiġu nies mil-Lvant u mill-Punent, mit-Tramuntana u min-Nofsinhar, u joqogħdu għall-mejda fis-Saltna ta’ Alla. U araw, hawn min hu tal-aħħar u għad ikun l-ewwel, u hawn min hu tal-ewwel u għad ikun l-aħħar.”

Ħeq, din il-Kelma għeżież tiegħi, hija kelma illi tiġbdilna l-attenzjoni u biex ngħid hekk hija wake up call hija kelma li lilna trid iġġibna daqsxejn ftit f’sensina fil-ħajja tagħna. Din il-kelma hija tweġiba għall-mistoqsija li għamlu lil Ġesu’. Meta lil Ġesu’ jistaqsuh; ‘Mulej jaqaw ftit huma dawk li se jsalvaw?’

L-ewwel ħaġa li naraw għeżież tiegħi, din hija mistoqsija dwar is-Salvazzjoni u naraw li din hija mistoqsija wkoll dwar il-kwantita’, dwar numru li se jsalvaw. It-tweġiba ta’ Ġesu’ ħa tkun fuq livell differenti pero’ ejjew nidħlu daqsxejn ftit l-ewwel fuq il-mistoqsija, għax anke fi żminijietna xi kultant din il-mistoqsija tqum ukoll. L-ewwel ħaġa dwar is-Salvazzjoni u kemm se jsalvaw għeżież tiegħi. Is-

Salvazzjoni aħna x’nifhmu biha? Fil-fidi tagħna, fir-reliġjon tagħna Nisranija għeżież tiegħi, il-kelma Salvazzjoni hija kelma ċentrali ħafna Salvazzjoni jew Fidwa, Ġesu’ li huwa Salvatur, Ġesu’ li huwa l-Feddej tagħna biex ngħidu hekk ir-reliġjon Nisranija, il-fidi Nisranija hija r-reliġjon ta’ Salvazzjoni. Meta qed nitkellmu minn Salvazzjoni x’qegħdin nifhmu? Ejja nieħdu daqsxejn tikka t’ eżempji biex nifhmuhom iktar b’mod sempliċi.

Jekk xi ħadd ikun qed jegħreq, titkellem minn salvazzjoni. Meta xi ħadd jiġi u jsalvak, jeħilsek minn dik is-sitwazzjoni l’inti qiegħed fiha. Meta inti eżempju you ‘re in a fix ngħidu bl-ingliż fejn naf jien hemm ħadt puncture għandek bżonn tmur laqgħa ta’ malajr weħlitlek il-karozza u nqala’ proxxmu u li qalgħek minn dik ‘il biċċa xogħol, ġejt salvat. Salvat mill-għarqa, salvat mit-traffiku, minn dik iċ-ċirkustanza. Dħalt fi kriżi finanzjarja għandek loan, għandek tant affarijiet oħrajn u se teħel, tħossok se tfalli, f’daqqa waħda jinqala’ xi ħaġa illi teħilsek minn din id-diffikulta’ finanzjarja li dħalt fiha u tħossok ġejt meħlus u salvat.

Mela s-Salvazzjoni għeżież tiegħi one qed timplika l-ewwel ħaġa ċirkustanza, realta’ illi lilna qed tkissirna, realta’ li mhijiex tajba, realta’ li mhijiex sewwa. Salvazzjoni timplika ukoll mela, mela hemm realta’ li mhijiex sewwa, realta’ li mhijiex qed tgħinni nkun jien, mhux qed tgħinni nkun dak li nixtieq inkun, mhux qed tgħinni ngħix. Realta’ li hija hekk.

Salvazzjoni timplika wkoll illi hemm l-oppost ta’ din is-sitwazzjoni li jien qiegħed fiha. Jekk qed negħreq hemm sitwazzjoni oppost li jien mhux qed negħreq. U Salvazzjoni timplika wkoll it-tielet ħaġa, illi xi ħadd, ċirkustanza, persuni se jgħinni naqsam minn dis-sitwazzjoni ħażina li qiegħed fiha għas-sitwazzjoni ideali li għandi nkun fiha. Mela s-Salvazzjoni timplika tlett affarijiet.

Aspett li fih jiena mkisser. Realta li jien nista’ nkun totalment differenti minn dak li jien. L-aspett li jiena mkisser li ma jħallinix ngħix, ma jħallinix kuntent, ma jħallinix nifjorixxi. L-aspett illi oppost huwa meta hemm il-paċi, hemm il-kuntentizza nista’ nkun jien, nista’ nibqa’ miexi u dak li lili se jaqlgħani minn dir-realta’ ħażina għal dir-realta’ t-tajba.

Mela hawn dal-Vanġelu qed jitkellem minn din ir-realta’ ta’ Salvazzjoni, imma x’qed jitkellem minnha din is-Salvazzjoni għeżież tiegħi?

L-ewwel ħaġa dil-kundizzjoni li minnha qegħdin nitkellmu. Il-Kelma t’Alla titkellem minnha hija dik li aħna nsejjħulha dnub, għeżież tiegħi. Ir-realta’ tad-dnub x’inhija? Id-dnub biex nifhmuh daqsxejn ftit immaġina kieku inti tilgħab id-darts tajjeb? Meta tilgħab id-darts għandek bull’s eye u tibda tgara u tipprova teħodha bull’s eye jekk ma teħodhiex bull’s eye toqgħod iddur u tgħaqqad imma qatt ma tieħu ċ-ċentru. Id-dnub dak li hu fil-ħajja. Id-dnub hu li aħna noqgħodu nduru u ngħaqqdu, imma nitilfu ċ-ċentru l-iskop vera tal-ħajja tagħna. Dik hija s-sitwazzjoni tad-dnub u x’inhu l-iskop veru tal-ħajja tagħna? l-iskop tal-ħajja tagħna huwa Alla. L-iskop għaliex int tgħix, l-iskop għaliex int maħluq, int maħluq għal Alla. Id-dnub hu dak kollu li lilek u lili joħroġna milli ngħixu f’Alla, milli Alla jkun fiċ-ċentru tal-ħajja tagħna, milli Alla jkun kollox għalina.

Għeżież tiegħi, ħafna drabi d-diskors dwar Alla sar diskors nieqes, sar diskors vojt, sar diskors mhux meaningful, sar diskors li ma tistax tagħmlu ma’ kulħadd, sadanittant huwa l-iktar disors profond li aħna nistgħu nagħmlu fil-ħajja tagħna. Inti m’intix maħluq u ifmuhni, m’intix maħluq għaż-żwieġ, għall-familja, jien m’inix maħluq għas-saċerdozju, għall-komunita’ reliġjuża li fiha ngħix. Dawn huma l-mezzi li bihom jiena ħa nasal għall-iskop vera tiegħi, l-iskop vera tiegħi huwa Ġesu’ Kristu. L-iskop tiegħek hu Ġesu’ Kristu. Int maħluq għal Ġesu’. Jien maħluq għal Ġesu’ għal din l-imħabba t’Alla li jrid iferrex imħabbtu fuqi u jiena rrid inħobbu lura. Għalhekk jiena u int maħluqa.

Ħafna drabi aħna l-iskop tal-ħajja tagħna nagħmluh il-karriera, il-flus, il-pjaċir, l-imħabba, hu x’inhu għeżież tiegħi anke tista’ tkun xi ħaġa tajba. L-iskop ta’ ħajti m’huwiex dak. L-iskop tal-ħajja tiegħi hu biss Alla l-Imbierek. Dak kollu li mhux Alla m’hu xejn. Dak kollu li mhux Alla m’huwiex se jimlieli qalbi. Dak kollu li mhux Alla m’huwiex se jagħtini l-ferħ li se jibqa’ lil hinn mill-mewt tiegħi.

Għeżież tiegħi, aħna faċilment inkunu aljenati u allura għandna bżonn ninqalgħu minn din is-sitwazzjoni li hija għal uħud minna hija sitwazzjoni li qed nieħduha direttament kontra Alla, allura s-Salvazzjoni li aħna naċċettaw lil Alla mill-ġdid f’ħajjitna. Għal uħud minna hija li aħna aljenati minn Alla, nemmnu li Alla jeżisti pero’ mbagħad ngħixu daqs li kieku ma jeżistix, ċioe’ aljenati minnu. Aljenati minn din l-imħabba infinita’ li hu għandu lejna.

Immaġina kieku int qed tgħix ma’ martek jew ma żewġek li jħobbok pero’ aljenat minnu. Tgħix taħt saqaf wieħed u aljenati minn xulxin. Xi drabi hekk aħna mal-Mulej għeżież tiegħi. Nafu li qiegħed hemm pero’ aljenati minnu. Allura għeżież tiegħi aħna msejħin irridu ninqalgħu minn dis-sitwazzjoni ta’ dnub. Kull min hu ‘l bogħod minn Alla qed jgħix f’sitwazzjoni ta’ dnub għeżież tiegħi għax id-dnub huwa propju dan li int timmissja ċ-ċentru tal-ħajja, l-iskop tal-eżistenza tiegħek li huwa Alla l-Imbierek. U meta aħna għeżież tiegħi aħna ‘l bogħod minn Alla, aħna nispiċċaw inkissru lilna nfusna. Qalbna hija vojta u l-qalb vojta tipprova timlieha u qatt ma timtela u tispiċċa titkisser int u tkisser lil ħaddieħor. Allura minn dis-sitwazzjoni mbagħad hemm ir-realta’ opposta, li tkun salvat iġifieri li Alla huwa fiċ-ċentru mill-ġdid tal-ħajja tiegħek, li jkollok lil Alla f’ħajtek tfisser għandek il-paċi, għandek l-imħabba, għandek il-ferħ, li tbati pero’ m’intix iddisprat, li tħobb lil ħaddieħor anke meta hija iebsa, li l-ħażen mhux l-aħħar kelma fil-ħajja tiegħek.

Issa biex ngħaddu minn din r-realta’ għall-oħra għeżież tiegħi, bħal meta tkun qed tegħreq biex issib ruħek fid-dgħajsa għaliex l-ideal mhux li tkun fl-ilma qed tmut imma fid-dgħajsa tivvjaġġa, allura int għandek bżonn xi ħadd li mhux qed jegħreq u jaqilgħek. Dak huwa s-Salvatur u dan hu Ġesu’ Kristu. Alla li sar bniedem hu. Meta ra lilna l-bnedmin imbegħdin minnu Alla l-Imbierek ma qagħadtx iħares lejna u jiskanta u jgħid kemm nixtieq li jiġu lura! Kemm nixtieq li jaċċettaw l-imħabba tiegħi! Kemm nixtieq ikunu jafu li jiena nħobbhom! Imma Alla l-Imbierek sar bniedem hu stess għeżież tiegħi fil-persuna għażiża, adorabbli ta’ Sidna Ġesu’ Kristu biex ikun hu li jġibna lura fi ħdanu. Ikun hu li jaqgħlana minn dan il-baħar, ikun hu li jagħtina l-ħelsien minn dis-sitwazzjoni li tbegħedna minnu u jeħodna mill-ġdid fi ħdanu, din hija s-Salvazzjoni. Meta qed jgħidulu: ‘Ftit huma dawk li se jsalvaw?’ qed jgħidulu: ‘Ftit huma dawk illi se jidħlu mill-ġdid fit-tgħannieqa t’Alla? Fit-tgħannieqa tal-imħabba?

Issa mbagħad il-mistoqsija tagħhom mela dik rajna x’inhi s-Salvazzjoni, il-ħelsien mid-dnub u li tidħol mill-ġdid fl-imħabba t’Alla għalik u tgħix magħqud m’Alla f’ħajtek. Ftit huma dawk? staqsewh lil Ġesu’. Ħeq, għeżież tiegħi, aħna għandna nittamaw fis-Salvazzjoni ta’ kulħadd. Illi Ġesu’ jrid isalva lil kull bniedem għeżież tiegħi, lil kull bniedem. Alla jrid li l-bnedmin kollha jsalvaw u jaslu biex jagħrfu l-verita’ tgħidilna l-Kelma t’Alla. It-tama tagħna għandha tkun li kulħadd se jsalva, imma s-Salvazzjoni għeżież tiegħi m’hijiex xi ħaġa biex ngħidu hekk cheap u propju Ġesu’ hawnhekk ma jweġibx jekk hux ftit huma ħa jsalvaw imma Ġesu’ jwieġeb kif se ssalva li aktar importanti. Għax li Ġesu’ jgħid li kulħadd isalva hija ovvja imma kif se nsalvaw hemm triq waħda għas-Salvazzjoni li huwa Sidna Ġesu’ Kristu. M’hemmx triq oħra għal għand Alla għeżież tiegħi jekk mhux Ġesu’. Huwa biss l-uniku Salvatur, l-uniku Feddej tal-bniedem. Huwa biss li jista’ jdaħħalna fit-tgħannieqa mill-ġdid tal-Missier. Huwa biss li jista’ jurina l-immaġini sħiħa t’Alla. Huwa biss li jurina min hu Alla veru. Huwa biss għeżież tiegħi illi jurina t-Triq, is-Sewwa u l-Ħajja. Huwa biss li huwa Alla li sar bniedem biex isalvana bil-passjoni, il-mewt u l-qawmien tiegħu.

Allura, iva Ġesu’ jrid lil kulħadd isalva, imma Ġesu’ qed jgħidilna: It-triq liema hi? Din l-unika triq. Ġesu’ jgħidilha li hija t-triq id-dejqa biex tgħaddi minn ġol-bieb id-dejjaq għeżież tiegħi. Il-bieb id-dejjaq huwa Ġesu’ rridu ngħaddu minnu sabiex aħna naslu fl-imħabba vera t’Alla fl-eternita’ minn issa u għall-eternita’ dejjem.

Meta ngħidu li Ġesu’ biss huwa l-uniku triq għal għand Alla għal uħud għeżież tiegħi jattakkaw lilna l-Insara li qisna aħna, fejn naf jiena rridu nkunu dominanti, li aħna suppervi, li naħsbu li aħna biss għandna l-verita’. Allura fejn naf jien reliġjonijiet oħrajn qisna qegħdin nikkundannawhom, qisna aħna qegħdin superjuri fuqhom. Għeżież tiegħi mhux il-każ, mhuwiex il-każ aħna l-Insara m’aħniex inħossuna superjuri fuq l-oħrajn le! Kollox idur madwar min nemmnu min huwa Ġesu’, għax aħna nemmnu li Ġesu’ huwa Alla, li nemmnu li huwa l-uniku Salvatur, li huwa l-bieb id-dejjaq li għandna ngħaddu minnu. Dina ma ngħiduhiex bi kritika biex fejn naf jien nibbosjaw, biex niġġudikaw, biex inħossuna superjuri lejn l-oħrajn le! Din hija verita’ li aħna rridu nxandru għeżież tiegħi u nagħmluha bil-fardal ma’ qaddna għax il-verita’ ma tagħmlekx ġudikatur tal-oħrajn imma qaddej tal-oħrajn.

Alla nnifsu li huwa l-Verita’ libes il-fardal f’Sidna Ġesu’ Kristu biex jaqdi lilna. Il-verita’ li l-Vanġelu jxandar u konsegwentament il-verita’ li l-Knisja xxandar hija verita’ li xxandarha bil-fardal ma’ qaddek għeżież tiegħi. Il-verita’ mingħajr fardal issir ideoloġija li tkisser. Il-verita’ bil-fardal issir qadi li jillibera, qadi li jeħles, qadi illi jsalva. Li nxandru l-verita’ ta’ Ġesu’ huwa servizz li bħala Knisja rridu nagħtu lid-dinja u lill-umanita’.

Reliġjonijiet oħrajn barra Sidna Ġesu’ Kristu għeżież tiegħi għandhom xrariet ta’ verita’. Għandhom dawl ta’ verita’ għeżież tiegħi għaliex l-Ispirtu t’Alla li jaħdem fil-Knisja mhuwiex marbut mal-Knisja. Jaħdem lil hinn mill-konfini anke tal-Knisja u jipprepara qalb il-bniedem fit-tfittxija tiegħu għal Alla b’elementi ta’ verita’ pero’ l-verita’ sħiħa tinsab biss f’Ġesu’ Kristu u f’ħadd iktar għeżież tiegħi. F’Ġesu’ biss u f’ħadd iktar u għalhekk aħna rridu nibqgħu nipproklamaw u nxandru lil Ġesu’ li kull min irid jinħeles mir-realta’ tad-dnub fil-ħajja tiegħu jrid jagħti ħajtu lil Ġesu’. Irid jilqa’ u jaċċetta lil Ġesu’ u dak li Ġesu’ għamel għalih, u allura l-possibilta’ li inti ssalva hemm hekk qiegħda ħija u oħti. Jekk inti qed tgħaffiġha fil-ħajja tiegħek ma tistax issalva lilek inifsek u forsi din hija l-ikbar suppervja li l-bniedem għandu li jaf li qed jgħaxxaqha u jaħseb li hu jista’ jkun is-Salvatur tiegħu.

Int għandek bżonn lil Ġesu’. Għandek bżonn lil Ġesu’ biex jaqilgħek u jsalvak

  • mill-ħama li qed tgħix fih,
  • mit-tgħaffiġa li qed tgħix,
  • mid-diżastru li qed toħloq fik u madwarek,
  • mit-tkissir li inti dħalt fih.

Il-Kelma t’Alla llum lilek qed tistiednek għażiż ħija tibqax twebbes rasek, ieqaf milli tkun supperv, ieqaf milli titfa’ rasek fil-ħama, imma oħroġ il-qalb tiegħek, agħti ċans lil Ġesu’ jidħol mill-ġdid fil-ħajja tiegħek u jagħtik dan ir-rigal, dan id-don ta’ Salvazzjoni f’ħajtek.

Il-bieb huwa dejjaq qalilna Ġesu’ għaliex? Għax hu biss irrid ikun hemm u xejn aktar. Forsi taraha iebsa pero’ ftakar il-Mulej irid jirbħek biss bl-imħabba u bil-ħniena tiegħu u għalhekk nagħmillek kuraġġ. Aċċetta mill-ġdid lil Ġesu’ fil-ħajja tiegħek kif int mhux kif jixtieqek. Tippruvax teħles int mid-dnub tiegħek għidlu: ‘Mulej naċċettak f’ħajti, ejja salvani Int. Nagħtik il-miżerja tiegħi, nagħtik it-tgħaffiġ tiegħi, il-ħażen tiegħi, id-dnub tiegħi u kun Int illi ssalvani.’ Jekk tagħmel dan jiena niggrantilek li inti ħa tesperjenza ħajja ġdida li Ġesu’ jrid jagħtik bil-qawwa tas-Salib tiegħu.

Jiena nistiednek u ngħinnek sabiex tagħmel dan billi ssegwi l-laqgħat ‘Ejjew Għandi’ li jekk tidħol fil-Facebook Page tiegħi Fr Hayden issib il-laqgħat għeżież tiegħi dejjem reklamati, ejja int ġib lill-ħaddieħor miegħek. Ikolna mument ta’ talb b’mod speċjali għall-morda kollha illi jkunu hemm hekk. Ninkoraġġiek mill-qalb ejja ħalli din tkun esperjenza ġdida u qawwija tal-imħabba t’Alla li trid tagħtik ċans ġdid biex tibda ħajtek mill-ġdid mhux waħdek imma fil-qawwa ta’ Sidna Ġesu’ Kristu. Sa ma’ narakom il-Paċi magħkom u kunu mberkin.

MUR GĦAL-LISTA SĦIĦA TAT-TAĦDIDIET TA’ FR HAYDEN

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s