Naqbdu bl-imħabba

It-Tnejn, 1 ta’ Lulju 2019: Riflessjoni dwar Lq 12: 49-53, il-Vanġelu tal-20 Ħadd matul is-Sena (Sena Ċ). Ara t-test tagħha taħt il-vidjo …

MUR GĦAL-LISTA SĦIĦA TAT-TAĦDIDIET TA’ FR HAYDEN

Il-Paċi magħkom għeżież tiegħi minn qalbi nixtieq nilqagħkom għal darb’ oħra għal dan il-programm ‘Ejjew Għandi’. Ejjew għandi mhux Fr Hayden ee! Ejjew għand Ġesu’ għax din hija kelma li qalilna hu darba minnhom. “Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom.” (Mattew 11:28)

Il-Mulej jaf li aħna

  • biex nħobbu ngħajjew,
  • biex inkunu ta’ Nsara ngħajjew,
  • biex ngħixu l-Vanġelu ngħajjew,
  • biex inkunu dixxipli tiegħu ngħajjew,

imma Ġesu’ wegħedna l-mistrieħ u l-mistrieħ huwa l-qawwa tal-Ispirtu s-Santu li jaħdem fina, huwa Ġesu’ nnifsu għeżież tiegħi. Irid ikun l-forza tagħna, il-qawwa tagħna, ejjew ma nitkissrux, ejjew ma nitkaxkrux, ejjew għeżież tiegħi ma naħsbux li spiċċa kollox fil-ħajja tagħna. Ma’ Ġesu’ dejjem tista’ tibda mill-ġdid, man-nies ma nistax intik il-garanzija li hekk hi, pero’ mal-Mulej naf li dejjem ilkoll kemm aħna nistgħu nibdew mill-ġdid.

U għalhekk insellem mill-qalb lil sħabi kollha fil-Faċilita’ korrettiva ta’ Kordin , lil dawk kollha li jaħdmu hemmhekk, lill-familjari tagħhom, nies li huma vittma ta’ xi reat kriminali, lill-morda, l-anzjani, liż-żagħżagħ, is-saċerdoti anke fid-dar tal-Kleru u oħrajn, lil dawk li ssegwuna anke permezz tal-mezzi ta’ komunikazzjoni barra minn Malta. Illum nixtieq naqsam magħkom, kelma magħkom mill-Vanġelu skont San Luqa għeżież tiegħi, kapitlu 12 minn vrus 49 sa 53 meta l-Vanġelu jgħidilna hekk:

Darba Ġesu qal:

“Nar ġejt inqiegħed fuq l-art, u kemm nixtieq li diġà qabad! Iżda hemm magħmudija li biha għandi nitgħammed, u x’diqa għandi sa ma dan iseħħ! Taħsbu intom li jien ġejt inġib il-paċi fid-dinja? Le, ngħidilkom, imma l-firda; għax mil-lum ’il quddiem ħamsa minn nies f’dar waħda jkunu mifruda bejniethom, tlieta kontra tnejn u tnejn kontra tlieta; jinfirdu l-missier kontra l-iben u l-iben kontra l-missier, l-omm kontra l-bint u l-bint kontra l-omm, omm ir-raġel kontra mart binha u mart l-iben kontra omm żewġha.”

Dal-Vanġelu għeżież tiegħi jista’ jħawwadna. Ġesu’ jgħid: ‘Jiena ma ġejtx biex inġib il-paċi, imma jien ġejt inġib il-firda.’ Xi jrid jgħid biha l-Mulej? Pero’ biex nifhmu dil-kelma rridu nibdew minn dak li qal Ġesu’. ‘Nar ġejt inqiegħed fuq l-art, u kemm nixtieq li diġa’ qabad!’ Ix-xewqa ta’ Ġesu’ għeżież tiegħi hi li din id-dinja jqabbadha bin-nar, mhux biex jiġu l-Fire Engines u jitfuh tafux, imma x’nar huwa?

  • Huwa n-nar tal-imħabba tiegħu,
  • huwa n-nar tal-Ispirtu s-Santu,
  • huwa n-nar ta’ li nkunu entużjażmati jiġifieri nies mimlija bl-Ispirtu t’Alla.

Il-Kelma entużjażmu ġejja mill-kelma Griega Enthous li tfisser int mimli b’Alla. Il-bniedem entużjażmat huwa l-bniedem li huwa mimli b’Alla. Kemm għandna bżonn għeżież tiegħi nħallu din il-kelma ta’ Ġesu’ tidħol fil-qalb tagħna, fil-knejjes tagħna. Inti meta tmur il-Quddies il-Ħadd tara nies mimlija bl-entużjażmu? Tara nies mimlija b’Alla? Tara nies mimlija bin-nar tal-qawwa tal-Ispirtu Qaddis għeżież tiegħi? Kemm għandna bżonnha din ir-realta’. Xi drabi aħna sirna kesħin silġ. Ġesu’ ġie jqabbad in-nar għeżież tiegħi u aħna nitfuh. Xi drabi Ġesu’ ġie jqabbad in-nar u aħna ġejna nagħmlu blokka silġ minflok fil-Knisja għeżież tiegħi. Kemm għandna bżonn aħna l-Insara, id-dixxipli ta’ Ġesu’ nkunu bin-nar on fire fil-ħajja tagħna. Nies ta’ Pentekoste, kemm għandna bżonn inkunu nies mimlija bl-Ispirtu s-Santu.

Meta l-Ispirtu s-Santu niżel fuq l-appostli niżel forma ta’ nar għeżież tiegħi biex jurina hekk in-nar x’jagħmel? Iħeġġeġ, isaħħan, jikkonsuma, in-nar huwa inkontrollabbli għeżież tiegħi. In-nar jittrasforma għeżież tiegħi dak kollu li jmiss miegħu. Kemm għandna bżonn għeżież tiegħi li aħna nkunu nies tal-Ispirtu, b’mod speċjali bin-nar tal-imħabba, li nkunu nies li nbaqbqu bl-imħabba fil-qalb tagħna. Nies mimlija tama, nies mimlija entużjażmu, nies ta’ kuraġġ, nies li kapaċi nfejqu lill-oħrajn u mhux inkissru għax min hu mimli bin-nar tal-imħabba t’Alla hekk jagħmel, ifejjaq, jeħles, jillibera, jibni, ma jkissirx, jara kif jirranġa.

Maħbubin tiegħi jiena nixtieq inħeġġiġkom ilkoll bħala Nsara b’mod speċjali, ejja ma nkunux Insara mitluqa. X’eżempju nagħtu? X’testimonjanza ta’ Ġesu’? X’immaġni ta’ Ġesu’ nagħtu? Meta mmorru l-Knisja qisna bil-geddum, bid-dwejjaq, ġenn biex nitilqu ‘l hemm. Dan in-nar għandna bżonnu anke fina s-saċerdoti maħbubin tiegħi bir-rispett kollu lejja l-ewwel wieħed u lejn kulħadd. Jekk aħna nkunu mitfija u mitluqa x’nippretendu lill-poplu t’Alla li jkun? Ħeq, ħafna drabi skont ir-rgħajja l-merħla għeżież tiegħi. Saċerdot li u mimli entużjażmu għal Alla, ikaxkar in-nies għal Alla, imma saċerdot vojt minn Alla Komunita’ vojta jagħmel.

Għeżież tiegħi minn qalbi qed ngħidilkom ilkoll kemm aħna fil-Knisja għandna bżonn inħallu lil Ġesu’ jqabbad dan in-nar, pero’ Ġesu’ jgħid biex iqabbad dan in-nar jeħtieġ jgħaddi minn Magħmudija. Għalxiex kien qed jitkellem? Kien qed jitkellem għall-passjoni tiegħu, għat-tbatija tiegħu, għas-Salib. Dan in-nar Ġesu’ jqabdu propju mis-Salib tiegħu, mis-Salib tiegħu. Il-ġisem ta’ Ġesu’ msallab flimkien huma s-sulfarina u l-kubrit, bħalma tmiss sulfarina mbagħad jixgħel il-fjamma tal-Ispirtu. Ġesu’ meta jmiss mas-Salib hemmhekk għandek splużjoni tan-nar tal-Ispirtu s-santu. B’hekk jaqbad l-Ispirtu s-Santu bl-entużjażmu. Ċioe’ Ġesu’ jgħidilna: ‘Jiena rrid inxerred l-imħabba fid-dinja frott is-Salib tiegħi. Jiena rrid nagħti l-Ispirtu tal-imħabba fid-dinja frott il-passjoni u l-qawmien tiegħi.’ Għeżież tiegħi u hawnhekk Ġesu’ qed jgħid xi ħaġa lilna wkoll: ‘It-tbatija mhux tkissirna trid, imma t-tbatija trid tkun ignition li tqabbad in-nar tal-imħabba.’

Ibdewha fiż-żwieġ u fil-familja għeżież tiegħi t-tbatija tista’ tkisser l-imħabba, r-relazzjonijiet pero’ tista’ tqabbad nar ġdid. Jiena rajt mit-tnejn anke intom forsi rajtu iktar minni. Naf nies illi jekk is-sofferenza kissrithom fiż-żwieġ pero’ naf nies li fis-sofferenza fiż-żwieġ in-nar reġa’ qabad anke jekk xi drabi hija triq iebsa, anke jekk xi drabi hija diffiċli, anke jekk xi drabi ħa ngħidu hekk naqtgħu nifisna f’din il-mixja, imma l-Mulej għalhekk jgħidilna: ‘Ejjew għandi’ imma huwa żgur li huwa ċert li dan in-nar maħbubin tiegħi jista’ jaqbad, u jista’ jaqbad mill-ġdid. Forsi aħna naħsbu li ma jistax forsi qtajna qalbna, imma jista’.

Darba għeżież tiegħi kont qiegħed hekk quddiem fireplace u kif il-fireplace beda kważi jispiċċa kien miftuħ biex setgħet ħarġet ftit sħana minnu, sid il-fireplace mar jagħlqu wara ftit sekondi reġa’ ħa n-nar u reġa’ beda, ma għamel xejn speċjali u ħadt tgħallima dakinhar. Meta nħossu n-nar tagħna qed jispiċċa l-entużjażmu, l-imħabba, il-passjoni għall-ħajja, hekk il-volja li ngħixu xi rridu nagħmlu? Irridu ningħalqu ftit kif għamlu l-appostli fiċ-Ċenaklu, ningħalqu fit-talb, ningħalqu fil-Qrar, fis-Sagramenti, fil-Quddies, fil-Qari tal-Kelma t’Alla, fil-Komunita’, fil-Knisja, biex dan in-nar jerġa’ jaqbad. Meta nħossu dan-nar qed imur, irridu nerġgħu ningħalqu ftit biex dan in-nar jerġa’ jaqbad fil-ħajja tagħna. Għandna bżonn maħbubin tiegħi, għandna bżonn nar ġdid, għandna bżonn Pentekoste mġedded, għandna bżonn li l-imħabba t’Alla terġa’ tmissna fil-qalb tagħna forsi għal uħud minna għall-ewwel darba.

Kif nistgħu noħorġu minn din l-apatija, minn dil-bruda għeżież tiegħi jekk mhux billi mmissu m’Alla? Min imiss m’Alla li hu nar, hekk Alla deher lil Mosè – siġra tal-għollieq taqbad bin-nar. Min imiss man-nar isir nar għeżież tiegħi għax in-nar jibdel kollox ġewwa fih. Il-qaddisin hekk kienu saru nar u jridu jqabdu bl-imħabba ta’ Ġesu’ lil kulħadd.

Ġesu’ jgħidilna, dan-nar tal-imħabba ġej permezz tas-Salib tiegħu u f’dal-kuntest li nifhmu għalfejn Ġesu’ jgħid, jiena ġejt inġib firda, għaliex? Għax fil-verita’ d-dinja hi mifruda bejn tnejn,

  • bejn min daq l-imħabba t’Alla u min le, 
  • min ħalla lil Ġesu’ jmissu u min ma ħalliex lil Ġesu’ jmissu,
  • min ħalla lil Ġesu’ jmissu.

Min ħalla n-nar tal-imħabba jmiss qalbu mhux ħa jirraġuna bl-istess mod. Min għandu lil Alla veru f’ħajtu jirraġuna differenti u hawnhekk toħloq il-firda mhux għax Alla ġie jifridna, mhux għax Ġesu’ ġie jġib il-firda, le! Pero’ jekk jiena nagħżel li nimxi wara Ġesu’ dik għandha konsegwenzi. Jien ma nistax nibqa’ nġib ruħi bħal qabel, ma nistax nirraġuna bħall-massa, bħal bqija tas-soċjeta’ allura l-firda ħa sseħħ tista’ tkun fil-familja tiegħi stess. Niġu b’modi prattiċi jekk jiena għażilt li nimxi wara Ġesu’ rrid immur il-Quddies il-Ħadd, jiena ma nistax ngħid immur ġurnata baħar u l-Quddiesa l-Ħadd ma mmurx għax irrid immur ngħum biss. Forsi ħa noħloq disgwit għax ngħidilhom: ‘Isma’ jiena rrid immur il-Quddies u mbagħad irrid mmorru ngħumu u allura disgwit. Eee! Ħa mmorru tard mhux ħa mmorru kmieni u għaliex? U għax jien ili ġimgħa xogħol u issa l-Ħadd irrid nistrieħ u tgħid le imma jiena le, imma jiena rrid nitlob ukoll. Ara, mhix firda dina? Din it-tip ta’ firda li Ġesu’ qed iġibli għeżież tiegħi u din hija importanti għeżież tiegħi, importanti.

Xi drabi rridu nippruvaw illi nwarrbu lil Ġesu’ biex kulħadd ikun l-istess. Min għamel l-għażliet favur Kristu dik toħloq konsegwenza, dik toħloq konsegwenza u ma rridux nibżgħu minn dawn il-konsegwenzi għeżież tiegħi. Il-konsegwenza illi hi firda oħra li jikkrittikawk, li jwarrbuk, illi jakkużawk saħansitra. Aħna qegħdin f’sitwazzjonijiet għeżież tiegħi illi jekk timxi b’mod radikali wara Ġesu’ ġġegħeluk temmen jew iħossuk

  • li inti żbaljat,
  • illi inti ħażin,
  • illi inti antik,
  • illi inti mintix aġġornat,
  • li int ma timxix maż-żminijiet,
  • illi inti saħansitra ma tħobbx, ma tħobbx jgħidulek you know għax kieku tħobb taċċetta dawn l-affarijiet kollha.

Għeżież tiegħi dan huwa kollu kliem ta’ qerq u ingann. Min jimxi wara Ġesu’ għandu kriterji fissi illi huwa Ġesu’ Kristu, li huwa Alla, li huwa l-Verita’ li ma noħloqhiex jiena anqas toħloqha int li ġejja minn fuq u din iġġib firda. U dil-firda se sseħħ għeżież tiegħi u dil-firda ma nistgħux inżommuha milli sseħħ. Pero’ rridu noqgħodu attenti minn ħaġa waħda. Din mhijiex firda ta’ superjorita’, mhijiex firda biex imbagħad niġġudikaw lil xulxin biex ngħidlek jiena t-tajjeb inti l-ħażin, jiena mmur il-Quddies u int ma tmurx mhijiex firda ta’ hekk.  Hija firda għeżież tiegħi biex jidher Ġesu’.

X’jiġifieri biex jidher Ġesu’? Għaliex inti jekk għandek kollox ħażin f’daqqa, t-tajjeb biex jidher irid ikun mifrud. U aħna t-tajjeb mhuwiex aħna, it-tajjeb hu Kristu fina. Il-firda trid tidher biex jidher fejn hu Ġesu’. Jekk nagħmlu kollox minestra għeżież tiegħi mhux ħa jintgħaraf l-ingredjenti pero’ jekk għandi bżonn ingredjent tajjeb għandi bżonn nara li jista’ jintgħaraf u allura għalhekk xi drabi rrid nifred.

Għalhekk meta xi drabi meta tagħmel ikollok iż-żrar tkun trid tifirdu tħalli affarijiet illi jgħaddu u affarijiet illi jibqgħu u mbagħad tieħu li jgħaddi għax ikun il-fin illi għandek bżonn u li ma għandekx bżonn qiegħed hemm. Imma l-għarbiel huwa importanti biex il-fin jgħaddi ħadd ma jgħid u le mhux ġusta, ejja naqbdu u nużaw kollox biex nagħmlu l-ġebel, biex inkaħħlu, biex ma nafx xiex, nagħmlu t-tajn, le! le! le! hemm mument li l-għarbiel trid tużah mhux kollox jgħaddi pero’ ara fejn tagħmel l-għarbiel biex tagħti servizz aħjar. U din hija l-firda li l-Mulej irid jagħmel għeżież tiegħi. Il-Kelma t’Alla tgħarbilna, tgħarbel lili nnifsi fija nnifsi. Quddiem Ġesu’ aħna lkoll niġu mgħarbula għeżież tiegħi biex jidher hu, biex joħroġ hu, biex in-nies ikunu jafu għand min iridu jmorru biex issibu l-imħabba, il-paċi, il-ferħ u l-fejqan vera.

Għeżież tiegħi, il-Knisja trid tiġi mifruda biex ngħidu hekk minn dak li hu ħażin fid-dinja mhux biex tieħu pożizzjoni li toqgħod tiġġudika u tibbulja lill-oħrajn, le! imma biex Ġesu’ jista’ jidher biex in-nies ikunu attratti lejh u jduru għandu. Hawn min xorta ma jagħmilihiex. Aħna rridu nkunu umli b’ħafna paċenzja, nitolbu, inħobbu, nuru ħniena u nistennew sakemm il-bniedem jiskopri verament lil Ġesu’, lil Ġesu’.

  • Hu biss hu t-tajjeb,
  • hu biss hu s-sabiħ,
  • hu huwa n-nar stess.
  • Hu ġie jqabbad id-dinja bih nnifsu.

Jalla aħna nkunu strumenti għeżież tiegħi biex dan in-nar ta’ Ġesu’ jkompli jaqbad.

Jiena nħeġġiġkom biex tagħmlu dan tiġu l-laqgħa ta’ talb li jmiss ‘Ejjew għandi.’ Ejjew, araw il-Facebook page tiegħi Fr Hayden u ssibu l-avviżi kollha li għandkom bżonn. Ejjew intom u ġibu l-ħaddieħor magħkom, nistieden b’mod speċjali l-morda sabiex tiġu ħalli nkunu nistgħu nitolbu magħkom, ħalli nagħmlu esperjenza qawwija u esperjenza sabiħa ta’ dan Ġesu’ illi jrid iqabbad qalbna b’tama ġdida, b’nar ġdid għall-glorja tiegħu u għall-ġid tagħna. Sa ma’ narakom, il-Paċi magħkom, kunu mberkin u nitolbu għal xulxin.

MUR GĦAL-LISTA SĦIĦA TAT-TAĦDIDIET TA’ FR HAYDEN

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s