Ir-rebgħa tkissrek!

Il-Ħamis, 18 ta’ Lulju 2019: Riflessjoni ta’ Fr Hayden dwar Lq 12: 13-21, il-Vanġelu tat-18-il Ħadd matul is-Sena (Sena Ċ). Ara t-test tagħha taħt il-vidjo …

MUR GĦAL-LISTA SĦIĦA TAT-TAĦDIDIET TA’ FR HAYDEN

Il-Paċi magħkom! Għeżież tiegħi minn qalbi nilqagħkom għal darb’ oħra għal dan il-programm ‘Ejjew Għandi’, stedina li Ġesu’ jibqa’ jagħmlilna ta’ kull ġimgħa. Forsi għal uħud minna hija repetizzjoni jew ma nafx xiex pero’ Ġesu’ għeżież tiegħi ma jaqta’ qalbu minna qatt u ma jiddejjaqx jirrepetilna l-affarijiet. Għaliex aħna llum mod u għada mod ieħor, illum burdata u għada burdata oħra, illum naħsbuha mod għada naħsbuha mod ieħor, illum ferħanin għada mdejqin u allura l-Kelma t’Alla hija bħal żerriegħa li tibqa’ tinżera’ fil-qalb tagħna għeżież tiegħi mbagħad il-Mulej jibgħat ix-xita, il-qawwa tal-Ispirtu biex fil-ħin u f’waqtu din iż-żerriegħa tagħti l-frott, u forsi ma laqtitekx illum u laqtitek għada.

Nixtieq insellem minn qalbi lil dawk kolla li qegħdin isegwuna mill-Faċilita’ korrettiva ta’ Kordin, l-impjegati kollha tal-Faċilita’, nies li forsi huma xi vittma ta’ reat, dawk li forsi bħalissa għaddejjin minn żmien iebes għeżież tiegħi fil-ħajja tagħkom insellmilkom ħafna mill-qalb anke l-morda, l-anzjani, min b’xi mod jew ieħor iħossu waħdu. Insellem anke s-saċerdoti mid-dar tal-Kleru u saċerdoti, reliġjużi oħrajn u lil dawk kollha li ssegwuna anke barra minn Malta bil-mezzi tal-Komunikazzjoni.

Il-Kelma li sejjer naqsam magħkom hekk ftit ħsibijiet żgħar fuqha llum għeżież tiegħi hija meħuda mill-Vanġelu skont San Luqa Kapitlu 12 minn vrus 13 sa 21. Nisimgħu l-Vanġelu xi jgħidilna:

Xi ħadd mill-folla qallu: “Mgħallem, għid lil ħija jaqsam il-wirt miegħi.” “Ħabib,” wieġbu Ġesù, “min qegħedni mħallef fuqkom, jew qabbadni nqassmilkom il-ġid bejnietkom?” Imbagħad qal lin-nies: “Iftħu għajnejkom u ħarsu rwieħkom minn kull regħba, għax imqar jekk wieħed ikollu bir-radam, ħajtu ma tiddependix mill-ġid li jkollu.” U qalilhom parabbola: “Wieħed raġel għani ġabar kotra ta’ frott mir-raba’ tiegħu. U beda jaħseb u jgħid bejnu u bejn ruħu, ‘X’se nagħmel? Għax dan il-frott kollu ma għandix fejn naħżnu! Ara x’nagħmel,’ qal, ‘inħott l-imħażen li għandi u nibni oħrajn akbar, u naħżen fihom il-qamħ u l-ġid kollu li għandi. Imbagħad ngħid lili nnifsi: Ruħi, għandek ħażna kbira ta’ ġid għal bosta snin; mela strieħ, kul, ixrob, ixxala!” Iżda qallu Alla, ‘Iblah li int! Dan il-lejl stess jitolbuk ruħek lura. U l-ħwejjeġ li ħejjejt għalik, ta’ min ikunu?’ Hekk jiġrilu min jiġma’ l-ġid għalih innifsu bla ma jistagħna quddiem Alla.”

Dal-Vanġelu għeżież tiegħi huwa Kelma li għalina jista’ jkun biex ngħid hekk Kelma qawwija. Għaliex Ġesu’ llum qed jindirizza s-sens tar-rebgħa fil-ħajja tagħna u min minna għeżież tiegħi ma nħossux xi drabi din il-kilba għall-affarjiet differenti fil-qiegħ nett ta’ qalbna? Allura tajjeb li nagħtu kas fiċ-ċar ta’ dak li Ġesu’ qiegħed jgħidilna. Pero’ l-ewwel ħaġa li Ġesu’ qiegħed jgħidilna llum, Ġesu’ qed jikxef ir-rebgħa bħala dnub li huwa moħbi fil-qalb tal-bniedem li ħafna drabi jaħbi lilu nnifsu taħt affarijiet oħrajn għaliex? Għaliex Ġesu’ jitkellem fuq ir-rebgħa bi tweġiba għall-mistoqsija, illi wieħed persuna jgħidlu. Jgħidlu: ‘għid lil ħija jaqsam il-wirt miegħi.’

Apparentament tista’ tidher kwistjoni ta’ ġustizzja jiġifieri inti tisma’ din il-mistoqsija taħseb illi isma’ hemm b’mod ġust ħija għandu jaqsam il-wirt miegħi għaliex il-wirt tħalla lilna pero’ aħna b’xi mod inqala’ xi ħaġa hemm xi ħadd qiegħed jippika allura hija att ta’ inġustizzja. Meta Ġesu’ hawnhekk qed jikxef li isma’ f’dan il-każ partikulari din m’hijix kwistjoni ta’ att t’inġustizzja, imma din hi kwistjoni ta’ rebgħa li hemm wara li inti trid x’aktarx il-wirt li ma jmissx lilek.  U Ġesu’ għeżież tiegħi hawnhekk qiegħed jiftħilna għajnejna. Hekk nieħdu anke is-sitwazzjonjiet tal-wirt fihom infushom għeżież tiegħi. Kemm familji xi drabi jkunu mkissrin, kemm aħwa xi drabi jkunu mkissrin minħabba din ir-realta’, li mhux biss irrid li hu tiegħi imma rrid dak li hu sehemek. Irrid dak li hu ta’ ħaddieħor u xi drabi noħolqu ħafna ġlied, piki, kawżi l-qorti, xi drabi tixwix, xi drabi gideb, xi drabi manipulazzjoni tal-fatti, xi drabi piki li jkunu ilhom ġejjin li jiena rrid mhux dak li hu tiegħi biss imma rrid anke ta dak li hu tal-persuna l-oħra. Kemm nistgħu nkissru lil xulxin, kemm nistgħu nfaqqru lil xulxin xi drabi għeżież tiegħi. Kemm nistgħu noħolqu weġgħat u firdiet fil-familji tagħna minħabba dan id-dnub tar-rebgħa, li rrid dak li mhux tiegħi.

Ġesu’ hawnhekk f’din il-parabbola pero’ u f’din iċ-ċirkustanza wkoll qiegħed jikxfilna ħaġ’oħra. Hawnhekk min qed jgħid lil Ġesu’ ‘għidt lil ħija jaqsam il-ġid miegħi’, dal-persuna qiegħed jitfa’ l-problema fuq ħuħ u lil Ġesu’ jridu jagħmel li jrid hu. Iridu propju jissieħeb fir-rebgħa tiegħu, imma Ġesu’ hawnhekk qiegħed jieqaf lil dil-persuna u qed jgħidlu: ‘Isma’ mhux ħuk għandu jitbiddel li jaqsam il-ġid miegħek. Int għandek titbiddel!’ U dina kemm hija għeżież tiegħi xi ħaġa li għandna bżonn li nħallu lil Alla jkellimna. Kemm għandna bżonn inħallu lill-Mulej lilna jpoġġina fil-verita’ għax xi drabi aħna ninħbew wara l-ħażen tagħna u nippretendu li ħaddieħor irid jitbiddel biex jakkomoda lili. Jiena nilgħabha tal-qaddis u lil ħaddieħor nagħmlu xitan. Meta fil-verita’ jiena x-xitan u ħaddieħor hu l-qaddis, u Ġesu’ hawnhekk qiegħed jikxef anke din il-manipulazzjoni, din il-qerq, din l-ingann, ir-rebgħa xi ġġegħelek tagħmel. Ir-rebgħa tagħmik mhux biss trid dak li mhux tiegħek imma tgħama. Ma tibqax tara ċar, ma tibqax tara ċar!

Għeżież ħuti, llum il-Mulej qiegħed imiss dan id-dnub fil-qalb tagħna. Din il-kilba għal dak li mhux tagħna. Aħna wieħed mill-KmandamentI hu ‘tixtieqx ħwejjeġ tal-oħrajn’. Issa tixtieqx ee, aħseb u ara li teħodhom kemm hija aktar serja jew tipprova tinqeda b’istituzzjonijiet jew sitwazzjonijiet biex tieħu dak li mhux tiegħek, kemm hi iktar serja għeżież tiegħi. Ejjew mill-qalb tagħna llum inħallu lil Ġesu’ jpoġġina fil-verita’, ejjew inħallu lil Ġesu’ jikxef dan il-qerq, dan l-ingann, dan id-dnub tar-rebgħa ġewwa fina.

Issa aħna għeżież tiegħi hekk din ir-rebgħa tista’ tkun għall-affarijiet differenti. Hawn min hu rgħib dejjem irid għax qatt m’hu kuntent b’li għandu. Tagħmillu x’tagħmillu jifraħ bih ftit ieħor imbagħad irid xi ħaġa iktar u fil-verita’ mhux rgħib għaliex għandu bżonn imma

  • forsi biex jimpika,
  • forsi biex jilħaq,
  • forsi biex iħossu powerful fis-soċjeta’,
  • forsi biex iħossu daqs ħaddieħor
  • jew irid ikun dejjem aħjar minn ħaddieħor biex ipoġġi lil ħaddieħor taħt saqajh.

Hekk għeżież tiegħi hekk din is-sens ta’ rebgħa illi tkisser.

Ir-rebgħa rridu noqgħodu attenti anke fuqha għeżież tiegħi fuq il-postijiet tax-xogħol b’mod speċjali min jimpjega. F’liema sens? Illi inti meta qed timpjega n-nies, meta inti qed tħaddem ovjament qed tħaddem biex taqla’ l-flus ċara u tonda ma tħaddimx biex tagħmel karita’, ma tħaddimx biex titlef il-flus ovvja, pero’ xi drabi għeżież tiegħi meta niġu f’ċirkustanza fuq postijiet tax-xogħol illi l-imgħallem biex niftehmu huwa rgħib iġifieri l-importanti kemm se jdaħħal fil-but hu

  • anke jekk ikisser lill-impjegati,
  • anke jekk il-kundizzjonijiet tax-xogħol m’humiex tajbin,
  • anke jekk l-affarijiet huma illegali fuq il-post tax-xogħol,

araw ir-rebgħa; l-importanti int kemm se taqla,’ il-profitti tiegħek askapitu’ tad-dinjita’ tal-impjegati tiegħek.

Kemm persuni għeżież tiegħi jridu jaqilgħu l-ħobżna ta’ kuljum, iridu jaħdmu u forsi għandhom djun xi jridu jħallsu, loans il-banek, għandhom sitwazzjonijiet li ma jistgħux ma jaħdmux u jagħlqu ħalqhom jew ibatu inġustizzji fuq il-post tax-xogħol għeżież tiegħi, illi dejjem kumpanija, min iħaddem jiġbed lejh akkost li jkisser lilek. Il-profitt għeżież tiegħi ta’ min iħaddem m’huwiex sempliċiment kemm inti qed idaħħal flus fl-aħħar tax-xahar, fl-aħħar tas-sena. Dak ukoll ovjament irid ikun nerġa’ ngħid ħadd ma jimpjega n-nies biex joqgħod jagħmel karita’ jew ikollu telf fix-xogħol le pero’ mhux askapitu’ għeżież tiegħi li nkissru l-ħaddiema tagħna.

Il-ħaddiema tagħna nkissrulhom id-drittijiet, dmirijiet tagħhom illi forsi lanqas nedduhom anke li nitkellmu għeżież tiegħi. Hekk ir-rebgħa li tista’ verament  tkisser maħbubin tiegħi hekk id-dinjita’ tal-bniedem fuq il-post tax-xogħol. Irridu noqgħodu attenti  minnha mmens u jekk xi ħadd minnkom qed ibati u huwa vittma tar-rebgħa ta’ ħaddieħor agħmel li tista’ biex tieqaf din il-ħaġa għażiż ħija u għażiż’ oħti b’mod prudenti pero’ b’mod sod. M’hemmx għalfejn inkissru u nwaqqgħu kullimkien bid-dagħa, pero’ nistgħu nitkellmu ċilvilment u nkunu sodi fuq il-punti li għandna nkunu sodi fuqhom għeżież tiegħi.

Ħaġ’oħra li nixtieq ngħid fuq ir-rebgħa maħbubin tiegħi hija li meta inti ssir rgħib, inti titlef il-ħajja. Tieqaf tgħix għax ħajtek iddur biss madwar jekk int rgħib għall-flus iddur madwar il-flus,

  • titlef il-gost illi tgħix il-ħajja,
  • titlef il-gost li tgħix ta’ bniedem,
  • titlef il-gost li inti tagħti,
  • li inti taqsam,
  • li inti tkun ġeneruż,

imma l-persuna rgħib fl-aħħar mill-aħħar jibda jdur madwaru nnifsu u meta kollox idur madwarek innifsek fl-aħħar mill-aħħar se titlef l-aktar affarijiet essenzjali fil-ħajja.

  • Se titlef il-ħbiberiji,
  • se titlef il-familja,
  • se titlef il-kuntatti,
  • se titlef l-imħabba.

Il-persuna rgħib kulħadd irid jaħrab minnek tafx! Il-persuna rgħib ħadd ma jħobbok fil-verita’ jilqagħuk jibdew. Tkun qisek dittatur li qegħdin miegħek għax bilfors pero’ kif isibu ċ-ċans jabbandunawk, jitilquk, iġifieri rrealizza li jekk tkun rgħib int

  • se titlef il-ħajja,
  • ħa titlef ħajtek,
  • ħa titlef relazzjonijiet li huma meaningful,
  • ħa titlef l-impjegati,
  • ħa titlef futur.

Xi drabi li ssir rgħib akkost li titkisser int stess, il-ħajja tiegħek stess titlef. Li titkisser fis-sigħat li tagħmel, fl-attenzjoni u fil-ġennati li tagħmel għax dejjem trid takkwista aktar qatt m’int kuntent, tkisser ħajtek.

Ħeq pero’ mbagħad hemm ħaġ’oħra għeżież tiegħi li hija serja ħafna u aktar importanti minn dan kollu. Ħeq, Ġesu’ jgħidilna fl-aħħar mill-aħħar int li inti rgħib u trid takkumula ħafna flus, ġid u affarijiet, fl-aħħar mill-aħħar x’ħa jsir minnek? Se jiġi mument li int se tmut, se jiġi mument l’int sejjer tmut! U x’se jiġri bl-affarijiet kollha li għandek?

Ġesu’ jgħidilna gwaj għalikom l’intom tistgħanu fuq din l-art pero’ ma tistgħanux quddiem Alla! Ħafna drabi l-persuna rgħib dejjem irid jispiċċa lil Alla jwarrbu fil-ġenb għaliex Alla u r-rgħib ma tantx joqgħodu flimkien ta, għaliex? Għax Alla dejjem jagħti u r-rgħib dejjem irid għeżież tiegħi. Il-bniedem t’Alla, min hu dixxiplu ta’ Ġesu’ huwa l-bniedem li jagħti, jagħti, jagħti, jagħti. Il-bniedem rgħib dejjem irid jakkwista hu għeżież tiegħi. U din ir-rebgħa rridu noqgħodu attenti għaliex nistgħu anke għeżież tiegħi nagħmlu affarijiet ħżiena biex dejjem irridu aktar.

  • Niksru l-liġi,
  • affarijiet moralment mhux tajbin,
  • korruzzjoni,
  • abbuż ta’ poter,
  • abbuż ta’ pożizzjoni illi inti tkun fiha biex tiġbed dejjem aktar lejk.

Ħbieb tiegħi dawn l-affarijiet anke jekk fuq din l-art qatt ma ninqabdu, aħna rridu nkunu onesti, ġusti quddiem Alla l-imbierek. Jekk il-kuxjenza tagħna titmermer, jekk quddiem Alla ma nafux ngħixu. Ħbieb tiegħi mhux biex inwerwru jew biex inbeżżgħu xejn minn dan pero’ nkunu qegħdin ngħixu ħajja kerha. Meta ngħixu l-ħajja tagħna quddiem Alla ngħixuha b’mod sabiħ, b’mod ġust, b’mod attarajenti. Id-dnub jeqred u jkisser maħbubin tiegħi.

Irridu noqgħodu attenti wkoll illi r-rebgħa m’hijiex biss fuq affarijiet materjali tafux, ir-rebgħa tista’ tkun anke fuq affarijiet spiritwali. Jista’ jkun li per eżempju jiena dejjem irid nitgħallem affarijiet spiritwali pero’ mbagħad ma rrid naqsam xejn mall-oħrajn. Jista’ jkun li dejjem jiena rrid ħafna ħin għat-talb, rgħib għat-talb pero’ ma nitlobx għall-oħrajn fit-talb tiegħi, pero’ ma naqsamx l-għajnuna tiegħi ma’ ħaddieħor. Rgħib! Rgħib! Rgħib! Rgħib! Irrid dejjem iktar affarijiet spiritwali pero’ m’inix lest li ningħata, m’inix lest li nagħti l-persuni oħra.

Kemm iridu noqgħodu ħafna attenti għeżież tiegħi għax anke fl-affarijiet spiritwali jista’ jkun li jiena dejjem

  • irid iktar talb,
  • iktar Quddies,
  • iktar Rużarju,
  • iktar qari tal-Kelma,
  • iktar laqgħat ta’ talb,
  • iktar tagħlim.
  • Irrid iktar, iktar, iktar, iktar!

Pero’ qiegħed nagħti xi ħaġa jiena? Qiegħed naqsam anke r-rikkezza spiritwali tiegħi ma’ persuni oħrajn, b’mod jew b’ieħor? Għaliex min huwa rgħib spiritwalment irid dejjem jikber u jistgħana huwa u mhuwiex jagħti lill-ħaddieħor. Għeżież tiegħi anke hemmhekk nistgħu nieħdu qatgħa quddiem Alla ta! Għax nistgħu nistagħnu mhux quddiem Alla. Għeżież tiegħi aħna nistgħu nkunu kunsumersiti mhux biss fl-affarijiet tad-dinja, fl-ikel u x-xorb u l-flus u l-fama u l-popolarita’, imma anke fl-affarijiet spiritwali.

Allura għeżież tiegħi llum jekk iridu negħlbu hekk id-dnub tar-rebgħa, irridu nitgħallmu l-ġenerożita’, irridu nitgħallmu s-solidarjeta’, irridu nkunu ngħixu dak li niċċelebraw fil-Quddies, bħal Ġesu’ ma’ Ġesu’ li ġie jagħti ħajtu għalina, ġie jaqsam dak kollu li Alla huwa Alla. Dak kollu li Alla għandu ġie jaqsmu magħna, imħabbtu, l-eżistenza tiegħu. Alla jagħti lilu nnifsu, tana l-Ispirtu s-Santu, id-doni, il-kariżmi tiegħu, il-Kelma, is-Sagramenti, il-Knisja tana kollox! Alla ma jżommx għalih, Alla tana kull ma għandu. Għeżież tiegħi kemm aħna diffiċli xi drabi biex naqsmu, biex nagħtu dak li għandna. Hemmhekk hemm il-liberta’ tal-qalb, hemmhekk hemm il-ferħ tal-ħajja li tkun kapaċi tagħti.

Ħa naqsam magħkom esperjenza u nagħlaq biha. Hekk illi iltqajt magħha darba minnhom l-Afrika, il-Kenja. Konna qegħdin inqassmu ħelu hekk dan il-ħelu sempliċi t-tfal jieħdu pjaċir bih għeżież tiegħi. U darba kien hemm waħda tifla, illi meta ħadet din il-ħelwa fetħitha mill-plastik laqitha u reġgħet għalqitha fil-plastik u sejra u ġibditli l-attenzjoni u bgħatt għaliha ħa nara għaliex speċita’, b’sens ta’ kurżita’. Qaltli ‘għax għandi ħija marid u mhux qiegħed hawnhekk u nixtieq nagħtih dil-ħelwa. Għedtilha ma jimpurtax ħudha għandi oħra, għandna aktar ħelu ħa l-ħelwa lil ħuk. Qaltli le Father ta, qaltli jiena nixtieq li ħija jduq l-istess waħda li doqt jien. Xi sbuħija għeżież tiegħi, il-foqra xi drabi jgħallmuna li jaqsmu mill ftit li għandhom u aħna dejjem irridu aktar. Forsi dik waħda mill-ikbar tgħallimiet li ħadt fil-ħajja tiegħi you know, illi mhux taqsam miż-żejjed imma taqsam dak li għandek, ħaġa li ferħet lili l-istess ħaġa rrid nagħtiha lil ħaddieħor biex inferraħ lil ħaddieħor. Kemm għandna bżonn dil-liberta’ tal-qalb għeżież tiegħi, kemm għandna bżonn inħallu lil Ġesu’ jfejjaqna u jeħlisna minn din il-kilba li teqred u tkisser familji, xogħolijiet u persuni u tista’ tkisser komunitajiet anke fil-Knisja.

Jiena nistedinkom biex niltaqgħu ma’ Ġesu’ fil-laqgħa ta’ talb li jmiss ‘Ejjew Għandi’, ejjew ġibu lil ħaddieħor magħkom u ħallu lill-Mulej ifejjaq anke weġgħat li jista’ jkollkom fiż-żwieġ, fil-familji, qrati, fejn jidħlu testmenti, wirt u dawn l-affarijiet. Ejjew u ħallu lill-Mulej Ġesu’ jkun ta’ tama għalikom għeżież tiegħi. Ġibu lil ħaddieħor magkom, ġibu l-morda tagħkom, mill-qalb nitolbu magħhom biex il-Mulej jieqaf magħhom fil-bżonnijiet kollha taghom. Jiena minn qalbi nitlobkom ukoll sabiex titolbu għalija sakemm narakom, il-Paċi magħkom u kunu mberkin.

MUR GĦAL-LISTA SĦIĦA TAT-TAĦDIDIET TA’ FR HAYDEN

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s