Inħossni qed nispiċċa!

It-Tnejn, 1 ta’ Lulju 2019: Riflessjoni ta’ Fr Hayden dwar Lq 12: 32-48, il-Vanġelu tad-19-il Ħadd matul is-Sena (Sena Ċ). Ara t-test tagħha taħt il-vidjo …

MUR GĦAL-LISTA SĦIĦA TAT-TAĦDIDIET TA’ FR HAYDEN

Il-Paċi magħkom! Għeżież tiegħi nilqagħkom għal darb’oħra għal dan il-programm ‘Ejjew Għandi’ – kelma ħajja ta’ Ġesu’ li qalilna kliemi huwa Spirtu u Ħajja. Xi drabi nħossuna mdejqin, xi drabi anqas nafu fejn se naqbdu nagħtu rasna, xi drabi għandna kollox u qisna ma għandna xejn għeżież tiegħi, b’mod speċjali meta nitbegħdu minn Alla fil-ħajja tagħna. Forsi jkun hemm xi żmien tħossok għaddej galore, għaddej tajjeb imma jiġi mument

  • meta qalbek qed ittektek li hemm xi ħaġa nieqsa,
  • qalbek qed tgħidlek li hemm xi ħaġa vojta,
  • qalbek qed tgħidlek illi m’intix kuntent,
  • qalbek qed tgħidlek li int ma tistax tibqa’ sejjer kif int.

U propju f’dan il-kuntest għażiż ħija u oħti hekk nixtieqek tħalli lill-Mulej Ġesu’ jidħol fil-ħajja tiegħek, li tilqa’ din il-Kelma li Alla qiegħed jagħtik illum, issa. Int li

  • forsi qiegħed fil-Faċilita’ korrettiva ta’ Kordin,
  • forsi qiegħed f’xi sptar,
  • qiegħed f’xi programm tad-droga,
  • qiegħed f’xi residenza tal-anzjani,
  • int li għaddej forsi fi żmien iebes u tħossok waħdek.

Int lilek nixtieq insellem u lilek nitolbok iftaħ qalbek għall-Kelma ta’ Ġesu’, illi fl-Evanġelju skont San Luqa jgħidilna hekk:

“Le, merħla ċkejkna, tibżgħu xejn, għax Missierkom għoġbu jagħtikom is-Saltna! Biegħu ġidkom u agħtuh karita’ u fittxu għalikom boroż li ma jitmermrux, teżor li ma jiġix nieqes fis-sema, fejn la l-ħalliel ma jersaq u lanqas il-kamla ma tħassar. Għax fejn hemm it-teżor tagħkom, hemm tinsab qalbkom ukoll.”

Żommu ġenbejkom imħażżma u l-imsiebaħ tagħkom mixgħula; kunu bħal nies jistennew lil sidhom lura mill-festa tat-tieġ, biex malli jiġi u jħabbat jiftħulu minnufih. Henjin dawk il-qaddejja li meta jiġi sidhom isibhom jishru! Tassew ngħidilkom, li hu jitħażżem, iqegħedhom madwar il-mejda, u jgħaddi quddiemhom iservihom. U kieku kellu jiġi fil-ħin tat-tieni sahra, jew tat-tielet, u jsibhom xorta waħda fuq dmirhom, henjin huma! Kunu afu dan, li kieku sid id-dar kellu jkun jaf xħin ikun ġej il-ħalliel ma kienx se jħalli min jinfidlu l-ħajt ta’ daru. Mela kunu lesti intom ukoll, għax qatt ma tistgħu  tobsru s-siegħa li fiha jiġi Bin il-bniedem.”

“Mulej,” qallu Pietru, “din il-parabbola qiegħed tgħidha għalina, jew għal kulħadd?” Wieġbu l-Mulej; “Int min tgħid li hu l-qaddej fidil u għaqli? Min hu dak li s-sid iqiegħdu fuq in-nies tad-dar biex jagħtihom sehemhom f’ħin l-ikel? Hieni dak il-qaddej li sidu jiġi u jsibu jagħmel dan. Ngħidilkom is-sewwa, li jafdalu ġidu kollu f’idejh. Ngħidilkom is-sewwa, li jafdalu ġidu kollu f’idejh. Imma nagħmlu mod li dak il-qaddej jibda jgħid f’qalbu, ‘Sidi jiddawwar ma jiġi,’ u jaqbad isawwat lill-qaddejja kollha, irġiel u nisa, u jiekol u jagħtiha għax-xorb u s-sokor, sid dak il-qaddej jasal f’jum meta ma jkunx jistennieh, f’siegħa li fiha jieħdu għal għarrieda, u jagħmlu bċejjeċ u jagħtih dak li ħaqqhom in-nies li mhumiex fidili. U dak il-qaddej li jkun jaf xi jrid sidu, u madankollu ma jħejjix jew ma jagħmilx li jrid sidu, swat kbir jaqla’. Min imbagħad, bla ma jkun jaf xi jrid sidu, jagħmel xi ħaġa li jkun ħaqqha s-swat, dan ftit jissawwat. Għax lil min tawh ħafna, ifittxu li jieħdu ħafna mingħandu; u min ħallewlu ħafna f’idejh, iżjed jippretendu mingħandu. (Luqa kapitlu 12 versi 32: 48)

Dal-Vanġelu għeżież tiegħi fih hekk ftit temi miġburin flimkien u nixtieq nieqaf fuq ftit esperessjonijiet li jgħidilna Ġesu’ u narawhom ftit daqsxejn xi jfissru fil-ħajja tagħna. L-ewwel ħaġa Ġesu’ jibda billi jgħid: ‘Le, merħla ċkejkna, tibżgħu xejn, għax Missierkom għoġbu jagħtikom is-Saltna!’

Hekk għeżież tiegħi dal-Vanġelu Ġesu’ qed jgħidu f’kuntest li l-bniedem dejjem jinkwieta u jitħasseb u Ġesu’ jgħidilna, ‘Toqgħodux tinkwetaw, toqgħodux titħassbu!’ U kemm hi diffiċli din il-kelma ee! Kemm hi diffiċli meta lil xi ħadd tgħidlu tinkwietax imma tinkwietax, x’iġifieri ma tinkwietax? X’tagħmel? il-maqlub tal-inkwiet mhux li ma jkollokx l-inkwiet għax l-inkwiet ikollna imma li ma ninkwetawx you know il-maqlub tiegħu hija l-fiduċja bħala Nsara. Hija l-fiduċja f’Alla, u meta Ġesu’ qed jgħidilna: ‘Le, merħla ċkejkna, tibżgħu xejn, għax Missierkom għoġbu jagħtikom is-Saltna!’ Ġesu’ qed jgħidilna: ‘isma’ l-fiduċja tagħkom poġġuha f’idejn Alla bħala Missierkom. Titkissrux, tindannawx, tħossux li kollox spiċċa, tħossux tkisser, tħossux li ma hemmx tama.

Qed jgħidilna merħla ċkejkna għax xi drabi aħna bħala Komunita’ nistgħu nkunu merħla ċkejkna, bħala Knisja nistgħu nħossuna merħla ċkejkna, forsi nies illi ma għadhomx jemmnu f’Ġesu’ Kristu nqatgħu mill-Komunita’ tiegħu għeżież tiegħi. Le, merħla ċkejkna tista’ tkun il-merħla ċkejkna l-familja tiegħek li tħossha

  • qed titkisser,
  • qed tispiċċa,
  • kulħadd sparpaljat,
  • ħadd ma jrid jaf b’ħadd,
  • ma nitkellmux,
  • miġġieldin bejnietna,
  • kulħadd qabad triq għal rasu,
  • hi telqet m’ieħor,
  • hu telaq m’oħra
  • t-tfal jiżfnu fin-nofs

merħla ċkejkna għeżież tiegħi, imkissra.

Ġesu’ qed jgħidilna: ‘Isma’ quddiem dawn iċ-ċirkustanzi kollha meta tħossukom tinxfu, titkissru, tonqsu, tħallux l-inkiwet ikun l-aħħar kelma; imma ħallu l-fiduċja fija li tkun l-aħħar kelma.’

‘Missierkom għoġbu jagħtikom is-Saltna!’ B’mod speċjali għeżież tiegħi dal-kliem Ġesu’ qed jgħidu fuq affarijiet biex ngħidu hekk spiritwali. Hekk

  • meta nħossuna, illi l-affarijiet, id-dinja ma għandhiex il-valuri ta’ Ġesu’.
  • Meta nħossu illi persuni ma jridux jafu b’Alla.
  • Meta nħossu illi t-tajjeb donnu jaqlaha u l-ħażin donnu jirrenja.
  • Meta nħossu illi ġustizzja m’hawnx madwarna, fid-dinja, fis-soċjeta’. Xi drabi forsi f’ambjenti ta’ Knisja wkoll.
  • Meta nħossu għeżież tiegħi, illi nagħmel x’nagħmel dejjem kontrija, dejjem jien il-ħażin ċioe’ nħossni dan li meta minħabba s-sewwa b’xi mod jew ieħor għeżież tiegħi nħossuna ċ-ċkejknin, minħabba s-sewwa nħossuna dawk li qed nispiċċaw.

Hawnhekk Ġesu’ qed jgħidilna: ‘Le, tibżgħux!’

Ħafna drabi nħossu din il-biża’ t-terrur tal-ħażen li jaħkimna. It-terrur tax-xitan li jipprova jieħu over. It-terrur l’inti tgħid jien fallut, jien spiċċajt. Knisja falluta, Knisja spiċċata, il-grupp tiegħi falla, il-familja tiegħi mkissra, spiċċa kollox! Hawnhekk il-Mulej qed jgħidilna: ‘Le, tibżgħux! Il-Missier għoġbu hu jagħtikom is-Saltna.’ X’iġifieri? Iġifieri, isma’ dawk l’intom ma tistgħux tagħmlu, il-Missier irid jagħmlu hu fikom. U dan huwa messaġġ ċentrali. Ċentrali fil-Vanġelu, il-Vanġelu għeżież tiegħi jumiljana għaliex? Għaliex aħna nies suppervi, aħna rridu nagħmlu kollox aħna bil-qawwa tagħna. Il-Knisja rridu mmexxuha bil-qawwa tagħna, il-familja rrid mmexxiha bil-qawwa tiegħi, l-Evanġeliżazzjoni rrid nagħmilha bil-qawwa tiegħi, ix-xogħol irrid nagħmlu bil-qawwa tiegħi. Huwa kollu jien tant drabi aħna nispiċċaw nibnu fuqna nnfusna. U għalhekk il-Mulej xi drabi jġibna biex ngħidu hekk iċekkina, jumiljana, iħoss li kollox jispiċċa fix-xejn. Għaliex dak li huwa mibni fuq is-suppervja tal-bniedem hu x’inhu tista’ tkun fil-Knisja qalbi, dak li hu mibni fuq is-suppervja tal-bniedem, dak se jitkisser, illum jew għada. Dak li nibnu fuq l-uman is-suppervja umana tagħna dan se jiġi fix-xejn.

Gwaj għalih! Min jibni ħajtu, xogħolu, familtu, saċerdozju, knisja, parroċċa, għaqda, moviment, komunita’, djoċesi fuq suppervja ta’ bniedem, kollox jitkisser magħna. Għalhekk iġibna fix-xejn ċkejknin il-Mulej għaliex nibnu fuq is-suppervja. Mentri min hu umli jistenna l-affarijiet mingħand Alla. Jaf li hu jista’ jikkollabora mija fil-mija, imma li jagħmel Alla, imma jaf li Alla huwa fiċ-ċentru. Jaf li Alla huwa fiċ-ċentru. Hemmhekk biss nistgħu nserrħu moħħna bil-kliem ta’ Ġesu’ ‘Merħla ċkejkna toqgħodx tibża’! il-Missier ħa jagħtik hu s-saltna, se jagħmilha hu.’

Ejjew niftħu qalbna b’mod speċjali billi nitolbu. Is-supperv jidgħi, is-supperv jiġġudika lil Alla, is-supperv jeħodha kontra Alla. L-umli l-bniedem tal-Ispirtu jiftaħ qalbu biex Alla jaħdem fih huwa. U għalhekk għeżież tiegħi Ġesu’ mbagħad ikompli jagħtina dawn il-parabboli li aħna nkunu qaddejja qed nistennew. Li aħna qalbna trid tkun dejjem tgħasses, tistenna ‘l Alla jiġi u jaħdem. Qalbna trid tkun dejjem hekk attenta li ma nitilfu xejn mill-grazzja t’Alla li nħallu lil Alla jaħdem fina, li niddependu minnu. Nikkollaboraw mad-doni li tana li dak li aħna l-Mulej tana biex nagħmlu

  • mhux biex nieħdu vantaġġ mill-missjoni tagħna,
  • minn pożizzjoni li aħna jista’ jkollna fil-Knisja,
  • minn xi servizz,
  • minn xi qadi,
  • minn xi ministeru
  • u nibbuljaw lil xulxin
  • u nagħmlu abbużi ta’ poter
  • u nippretendi xi ħaġa.

Le, le! propju Ġesu’ dan li qed jikkundanna, ma jagħmlekx qaddej fidil u għaqli. Il-qaddej fidil u għaqli huwa ċ-ċkejken li jistenna kollox mingħand il-Missier, b’qalb miftuħa jagħmel li għandu jagħmel u jħalli lil Alla jaħdem. Agħmel li għandek tagħmel u ħalli lil Alla jaħdem. Agħmel li għandek tagħmel u ħalli lil Alla jaħdem. Tabbużax mill-poter, mill-pożizzjoni, mill-awtorita’ tiegħek, anke fil-Knisja maħbubin tiegħi nistgħu nkunu aħna l-qassisin. Kemm għandna bżonn dan is-sens ta’ qadi, fedelta’, sempliċita’ kbira li l-affarijiet huma t’Alla mhumiex tagħna, nagħmlu li għandna nagħmlu u nħallu l’Alla jaħdem.

Jiena nistedinkom għeżież tiegħi sabiex niġu flimkien għal laqgħa ta’ talb li jmiss ‘Ejjew Għandi’ biex nagħmlu din l-esperjenza,

  • inħallu lil Alla jaħdem,
  • nilqgħu s-Saltna tiegħu,
  • nistennewh jiġi u jmissna,
  • inkunu fidili lejh b’dan il-musbieħ tat-talb,
  • b’dan il-musbieħ tal-opri ta’ karita’,
  • ta’ mħabba u ħniena li aħna nagħmlu biex bihom nilqgħu l-Mulej Ġesu’.

Ejjew għeżież tiegħi ġibu lil ħaddieħor magħom, idħlu fil-Facebook page tiegħi Fr Hayden u ssibu l-istedina għal laqgħa li jmiss. Ġibu lil dawk li huma morda, lil dawk li huma forsi ‘l bogħod mill-Knisja, taqgħux qalbkom kulħadd jista’ jerġa’ jibda mill-bidu, kulħadd jista’ jagħmel l-esperjenza tal-fejqan ta’ Ġesu’ għeżież tiegħi. Għalhekk ejjew, jien nieħu pjaċir narakom, inwegħedkom li nitlob għalikom waqt li minn qalbi nitlobkom sabiex titolbu għalija. Il-Paċi magħkom u kunu mberkin.

MUR GĦAL-LISTA SĦIĦA TAT-TAĦDIDIET TA’ FR HAYDEN

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s