Għallimna nitolbu

It-Tnejn, 1 ta’ Lulju 2019: Riflessjoni ta’ Fr Hayden dwar Lq 11: 1–13, il-Vanġelu tas-17-il Ħadd matul is-Sena (Sena Ċ). Ara t-test tagħha taħt il-vidjo …

MUR GĦAL-LISTA SĦIĦA TAT-TAĦDIDIET TA’ FR HAYDEN

Il-Paċi magħkom għeżież tiegħi. Nilqagħkom għal dan il-programm ‘Ejjew Għandi’ ovjament mhux għandi għand il-Fr, ejjew għand Ġesu’ għeżież tiegħi għaliex huwa Ġesu’ li qed jagħtina din l-istedina. Ejjew għandi l-Mulej jgħidilna wkoll anke fil-Knisja ta sabiex ma nibgħux ‘il bogħod minnu, imma niskopru lil Ġesu’ mill-ġdid fi ħdan il-Knisja tiegħu, fi ħdan il-Komunita’ Nisranija, il-Mulej hemmhekk se nsibuh. F’dawk li jkunu miġbura f’ismu hu wegħedna li jkun hemmhekk f’nofshom. Hekk milux intqajna ma’ xi ħadd li kien ilu snin twal ‘il bogħod minn Alla, snin twal ‘il bogħod mill-Knisja, snin twal ‘il bogħod milli jqerr u għadda minn sitwazzjoni iebsa u f’qalbu ħass xi ħaġa timbuttah u mar iqerr u hekk qalli. Qalli, ‘Il-paċi li ħassejt fija kont ili ma nħossha snin twal, kemm kont ili ‘l bogħod mill-Knisja, kemm kont ili ‘l bogħod mill-qrar.’

Kemm hija vera għeżież tiegħi. Ġesu’ għalhekk jgħidilna ‘ejjew għandi’ ta’, għax iħobbna. Irid jagħtina l-paċi f’qalbna, irid iberikna għeżież tiegħi, irid jaqsam magħna mħabbtu, irid jurina lilu nnifsu bħala l-iskop tal-ħajja tagħna. Jekk forsi inti ma għandekx paċi f’qalbek

  • imma kemm ħa ddum tidgħi,
  • kemm ħa ddum issabbat,
  • kemm ħa ddum tkisser,
  • kemm ħa ddum ma għandekx paċi qisek hekk vojt minn ġewwa
  • dejjem indannat,
  • dejjem irrabjat,

kemm ħa ddum sejjer hekk? Ġesu’ qed jurik it-triq qed jgħidlek ‘ejja għandi’. Taqtax qalbek! Illum, issa f’dal-mument waqt dal-programm inti tista’ terġa’ tibda mill-ġdid il-ħajja tiegħek. Il-Mulej lilek qed jistiednek u jiena nistiednek miegħu, nistiednek li anke tiġi għal laqgħa ta’ talb fejn jisimha ‘ejjew għandi,’ fejn Ġesu’ qed jgħidilna biex niġu għandu fl-Ewkaristija Mqaddsa. Niġu għandu għeżież tiegħi fit-talb, niġu għandu ħalli nħalluh ifejjaqna, jeħlisna, iħobbna, jilliberana, jgħallimna, jibnina mill-ġdid. Jekk tħossok imkisser, imkissra u mfarrak u mfarrka ma tafx minn fejn ħa tibda, mur għand Ġesu’. Ejja mill-ġdid għandu, ersaq lejn il-Qrar, ersaq lejn il-Quddies, igranfa miegħu qatt m’hu ħa jkeċċik.

Insellem mill-qalb għeżież tiegħi lil dawk li huma jinsabu fil-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin, il-familjari tagħhom u dawk li huma vittmi ta’ xi reat kriminali. Insellem minn qalbi anke lil dawk kollha li huma fid-dar tal-Kleru, saċerdoti anzjani, l-anzjani, il-morda fid-djar tagħhom, iż-żgħażagħ, il-koppji għeżież tiegħi, il-familji, is-saċerdoti, dawk kollha l’intom isegwu dan il-programm f’Malta u barra minn Malta nilqagħkom ilkoll.

Il-Kelma li llum sejrin naqraw u nitolbu biha u nirriflettu hija meħuda minn San Luqa kapitlu 11 l-ewwel 13 il-vers. Il-Vanġelu jgħidilna hekk:

Darba Ġesu’ kien qiegħed xi mkien jitlob. Kif spiċċa mit-talb, wieħed mid-dixxipli tiegħu qallu: “Mulej, għallimna nitolbu, bħalma Ġwanni wkoll għallem lid-dixxipli tiegħu.” U qalilhom: “Meta titolbu, għidu,

‘Missier, jitqaddes ismek,

tiġi Saltnatek.

Ħobżna ta’ kuljum agħtina kuljum.

U aħfrilna dnubietna,

għax aħna wkoll naħfru lil kull min

hu ħati għalina,

u la ddaħħalniex fit-tiġrib.’ ”

Qalilhom ukoll: “Wieħed minnkom ikollu ħabib li jiġih f’nofs ta’ lejl u jgħidlu, ‘Ħabib, islifni tliet ħobżiet, għax ġie għandi wieħed ħabib tiegħi mill-vjaġġ u ma għandix x’nagħtih.’ U l-ieħor iwieġbu minn ġewwa u jgħidlu, ‘Iddejjaqnix; issa l-bieb magħluq, u wliedi qegħdin fis-sodda miegħi; ma nistax inqum nagħtik.’ Ngħidilkom jien, li jekk ma jqumx jagħtih għax ħabib tiegħu, iqum u jagħtih kulma jkollu bżonn minħabba l-wiċċ sfiq tiegħu. U jiena ngħidilkom: Itolbu u jingħatalkom, fittxu u ssibu, ħabbtu u jiftħulkom. Għax min jitlob, jaqla’; min ifittex, isib; u min iħabbat, jiftħulu. Min hu dak il-missier fostkom li, jekk ibnu jitolbu ħuta, minflok ħuta jagħtih serp? Inkella jekk jitolbu bajda jagħtih skorpjun? Mela jekk intom, nies ħżiena bħalkom, tafu tagħtu lil uliedkom ħwejjeġ tajba, kemm aktar il-Missier mis-smewwiet jagħti spirtu qaddis lil dawk li jitolbuhulu!”

Hekk dal-Vanġelu għeżież tiegħi jibda, huwa Vanġelu dwar it-talb pero’ jibda billi Ġesu’ jitlob. Ġesu’ għeżież tiegħi kien jitlob u dan Ġesu’ li huwa Alla wkoll ħass il-bżonn bħala bniedem li jqatta’ ħin flimkien mal-Missier waħdu. Ġesu’ nsibuh jitlob f’diversi mumenti. F’mumenti li huma ħafna importanti.

  • Ġesu’ per eżempju jitlob qabel mal-Ispirtu s-Santu jinżel fuqu fil-Vanġelu skont San Luqa. Luqa jgħidilna Ġesu’ kien qed jitlob fil-Ġordan imbagħad niżel l-Ispirtu s-Santu.
  • Ġesu’ jitlob qabel ma jagħżel l-appostli, jqatta’ lejl sħiħ fit-talb għeżież tiegħi hekk jgħidilna l-Vanġelu.
  • Ġesu’ jitlob billi jfaħħar lil Alla meta l-appostli jiġu lura wara li jibgħathom jippriedkaw, ikeċċu x-xjaten, ifejqu l-morda biex ngħidu hekk ifaħħar ‘l Alla meta jiġu lura u jgħidulu hekk, bis-sabiħ ta’ dawk li wettqu tal-Evanġelizzazzjoni.
  • Ġesu’ narawh illi jitlob f’dan il-mument. Ġesu’ l-Vanġelu jgħidilna kien iqatta’ ljieli sħaħ fit-talb.
  • Ġesu’ narawh kemm ‘il darba jmur jitlob filgħodu kmieni għeżież tiegħi.
  • Ġesu’ nsibuh illi anke jitlob fl-Aħħar Ċena, jitlob għall-għaqda tagħna l-Insara, jitlob għall-appostli.
  • Ġesu’ jitlob fil-Ġetsemani.
  • Ġesu’ jmut jitlob għax fuq is-Salib jgħidlu: ‘Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?’ u ‘Missier nerħi ruħi f’idejk.’ Dak huwa talb għeżież tiegħi.

Ġesu’ narawh allura li kien jitlob. Issa jekk Ġesu’ kien jitlob min aħna, aħna biex ma nitolbux? Ċioe’ t-talb x’inhu fl-aħħar mill-aħħar? It-talb huwa relazzjoni, it-talb hu relazzjoni. Relazzjoni ma’ Ġesu’ Kristu. Relazzjoni ma’ dan Alla tagħna, Missier, Iben, Spirtu s-Santu, u nenfasizza li t-talb huwa relazzjoni u relazzjoni t’Alla magħna qabel m’aħna miegħu għeżież tiegħi. Għax it-talb mhux daqskemm qed tgħid talb minn xi santa, it-talb mhux daqskemm ma nafx xiex qed taqra l-Bibbja wkoll li ċertament dawn huma affarijiet sbieħ u importanti pero’ huma f’kuntest ta’ relazzjoni li huma sbieħ. Dawn huma affarijiet li jżommu relazzjoni, joħolqu relazzjoni, imma importanti li f’qalbek inti tħossok engaged m’Alla. F’qalbek inti tħossok engaged ma’ Ġesu’. Engaged fis-sens li inti m’intix waħdek, kull ma’ qed tagħmel qed tagħmlu miegħu.

  • Sew jekk tifraħ,
  • sew jekk tiddejjaq,
  • sew jekk taħdem,
  • sew jekk tistrieħ,
  • sew jekk tiekol,
  • sew jekk tixrob,
  • sew jekk int rieqed,
  • sew jekk int imqajjem,
  • sew jekk qiegħed id-dar,
  • sew jekk qiegħed fuq il-post tax-xogħol,
  • sew jekk qed tiddeverti,
  • sew jekk qiegħed il-Knisja,

int qiegħed f’relazzjoni mal-Mulej. Ġesu’ miegħek il-ħin kollu.

Ir-realta’ tat-talb mhix għax darba fil-ġimgħa morna l-Quddies maħbubin tiegħi, mhux għax filgħodu raddejt is-salib u għedt talba u qabel ma rqadt għedt talba oħra. Ċertament dawk huma affarijiet li huma importanti pero’ huma importanti jekk qegħdin f’relazzjoni għax inkella jsiru ġesti li ma jagħmlux sens kemm ħa ddum tagħmilhom fl-aħħar mill-aħħar? Fl-aħħar tixba’ tagħmilhom. Ħeqq, inti meta ma għandekx relazzjoni mal-mara u mat-tfal dak li tagħmel għalihom fl-aħħar mill-aħħar jibda jdejjqek, ma jagħmilx sens u tixba’ u titlaq ‘l hemm. Imma jekk ir-relazzjonijiet huma tajbin, is-sagrifiċċji huma worth it, jekk ir-relazzjonijiet tajbin nagħmel ħiltli li niltaqa’ miegħek kuljum mhux darba fil għax għandna relazzjoni tajba. Meta rrid niltaqa’ miegħek darba fil irrid naħarbek, meta ma rridx niltaqa’ miegħek għax għandna relazzjoni żbaljata, għandna relazzjoni li mhix f’postha.

U għalhekk irridu noqgħodu attenti għeżież tiegħi. Il-ħajja tat-talb hija l-ħajja tar-relazzjoni tagħna m’Alla, mhux biss dawk il-mumenti li jiena nitlob ħames minuti, kwarta, nofs siegħa, siegħa kuljum, darba fil-ġimgħa. Hija relazzjoni għeżież tiegħi. Relazzjoni hija meta jiena m’inix single, imma jien kull ma’ qed nagħmlu qed nagħmlu miegħek jekk qiegħed f’relazzjoni u hekk it-talb għeżież tiegħi

  • li aħna nagħmlu kollox ma’ Ġesu’,
  • li aħna nitkellmu miegħu dwar kollox,
  • nikkonsultawh dwar kollox,
  • niftħu qalbna miegħu dwar kollox,
  • nirringrazzjawh għal kollox.
  • Meta ma nifhmuhx u nirrabjaw xi waħda miegħu hija parti mit-talb tagħna.

Il-Vanġelu jibda b’Ġesu’ jitlob. Issa interessanti għax raw lil Ġesu’ jitlob jitolbuh jgħallimhom jitolbu. Dan iġifieri raw xi ħaġa dwar Ġesu’ illi qanqlithom għeżież tiegħi u b’mod speċjali ħuti fis-saċerdozju, in-nies jarawk titlob? Il-mod kif tqaddes il-quddies iħossuk li int bniedem t’Alla? Jekk in-nies jarawk li int bniedem t’Alla, li int bniedem ta’ talb se jgħidulek għallimni nitlob Fr. Pero’ jekk qatt ma jgħidulna għallimni nitlob ejjew ma nwaħħlux fin-nies għeżież tiegħi. Jista’ jkun għax minna ma jismgħuniex nitkellmu fuq t-talb. Lilna ma jarawniex nies ta’ talb. Jarawna nies ta’ xogħol, ta’ ħidma, t’affarijiet soċjali pero’ ma jarawniex nies ta’ talb. Jekk jarawna bħal Ġesu’ nies ta’ talb se jiġu f’mument li jgħidulna: ‘Fr, għallimni nitlob.’

Għeżież tiegħi  li nitolbu hawnhekk l-appostli jgħidulu: ‘Għallimna.” Mela t-talb mhux xi ħaġa li nħossha jien irrid nitgħallimha? Iva, għeżież tiegħi r-relazzjoni trid titgħallimha mhux kif tħossha biss. Ħudu intom il-miżżewġin u kull min qiegħed f’xi relazzjoni t’għerusija. Kemm trid titgħallem affarijiet fiż-żwieġ dwar ir-raġel, dwar il-mara? Fil-familja dwar it-tfal għaliex biex iġib ruħek magħhom skont kif ikun l-aħjar għax kulħadd għandu l-karattru tiegħu, allura trid titgħallem mhux biżżejjed tgħid għax jien għandi l-feelings għalik, irrid nitgħallem inħobbok għax ħadd ma jħossu maħbub bl-istess mod. U jekk jiena nħobb lilek tgħallem kif int tkun maħbub, int tkun maħbuba. Mela l-imħabba hija spontanja pero’ trid titgħallimha u hekk hu t-talb. It-talb hu spontanju kif joħroġ minn qalbi pero’ rrid nitgħallem kif inġib ruħi ma’ dan Alla, kif ngħix fil-preżenza ta’ Ġesu’. Irrid insir nafu, irrid nara kif jaħsibha, dan permezz tal-Bibbja, permezz tal-Kelma tiegħu, permezz tat-tgħallim tal-Knisja. Maħbubin tiegħi minn qalbi nitlobkom, ejjew nitgħallmu nitolbu. F’kelma waħda ejjew nitgħallmu ngħixu m’Alla.

Ejjew nitgħallmu! Id-dinja din insietha ta! Id-dinja lil Ġesu’ nesietulna,

  • il-materjaliżmu, il-flus,
  • il-kilba għall-poter,
  • il-kilba għas-suċċess,
  • il-ħin ikkunsmat fit-teknoloġija,
  • fl-Internet,
  • il-ħin ikkunsmat it-televiżjoni għeżież tiegħi

ħafna drabi qegħdin inixxfuna, joqtlu dir-relazzjoni tagħna m’Alla għeżież tiegħi. Sempliċiment niddakru u nittieħdu minn dan kollu. Ejjew nagħmlu ħilitna kollha, ejjew nagħmlu ħilitna u minn qalbna għeżież tiegħi nitgħallmu ngħixu m’Alla. Forsi wħud minna rridu nitgħallmu mill-ġdid ngħixu ma’ Ġesu’. Irridu nirrealizzaw li aħna qegħdin f’kontinwament miegħu. Inħeġġiġkom mill-qalb tagħmlu dan. Għalfejn għandek tħossok waħdek, imkisser, meta Ġesu’ huwa miegħek? Meta tista’ ssibu fil-Qrar, fit-Tqarbin, fil-Knisja, fit-talb. It-talb m’huwiex ħela ta’ ħin tafux! It-talb huwa l-iktar ħaġa essenzjali, importanti li aħna qegħdin nagħmlu suppost. Ir-relazzjoni m’Alla hi dik li ħa tibqa’ għal dejjem il-bqija kollox se jispiċċa. Ejjew ninvestu f’dak li ħa jibqa’ għal dejjem maħbubin tiegħi għax kollox se jispiċċa.

Meta qalulu biex jgħallimhom jitolbu Ġesu’ tahom it-talba tal-Missierna għeżież tiegħi. Hawnhekk għandna l-Vanġelu ta’ San Luqa. F’San Mattew għandna l-verżjoni tal-Missierna b’xi dettalji differenti minn San Luqa pero’ s-sugu u s-sutanza huma l-istess. L-ewwel ħaġa l-fatt illi meta qed titolbu qed titlobu lil Alla li hu Missier. Itolbu lil Alla li hu Missier. Aħna nħossu li għandna relazzjoni m’Alla li hu Missier? Jew relazzjoni m’Alla fl-ajru hekk speċi ta’ ma nafx kif nimmaġinah? Imma li hu Missier li jħobbni, li ħalaqni, li jagħti kasi, li jifraħ miegħi, li jinteressah mid-dettalji kollha, illi m’huwiex Missier żorr. Missier irid ikun jaf lill-uliedu, li jiċċelebra għal kull rebħa li nagħmel, li jaħfirli għal kull waqgħa li nagħmel.

Alla hu Missier pero’ hu Missierna mhux Missieri għaliex aħna lkoll aħwa. F’Ġesu’ aħna lkoll aħwa. Allura nħeġġiġkom minn qalbi għeżież tiegħi sabiex ilkoll kemm aħna niskopru din ir-realta’ li jien ma jistax ikun li jkolli lil Alla f’ħajti mbagħad jien ma ngħix ta’ xi ħadd li għandu ħuħ u oħtu. Ma nistax jiena jkolli lil Alla f’ħajti, ma nistax inkun bniedem ta’ talb imma mbagħad ma ngħixx din il-fraternita’ mal-oħrajn, ma nqisx il-bnedmin l-oħrajn ħuti. Ma nistax jiena nkun bniedem ta’ talb imbagħad indaħħal ideat razzisti, ma nistax inkun bniedem ta’ talb u ndaħħal ideat illi jfergħu d-dinjita’ tal-bniedem hu min hu, hu min hu, hu min hu. Ma nistax dawn huma ħuti rrid ngħix maqgħud ma’ ħuti għeżież tiegħi biex inkun bniedem ta’ talb ovvjament dejjem il-verita’, il-verita’. Il-bniedem ta’ talb ifittex il-verita’ fil-ħajja tiegħu ma tistax int ikollok relazzjoni m’Alla u tgħix fil-gidba.

  • Ma jistax ikollok relazzjoni m’Alla u tippriedka l-gideb.
  • Ma jistax ikollok relazzjoni m’Alla u tqarraq bin-nies.
  • Ma jistax ikollok relazzjoni m’Alla u timpromovi l-gideb, Il-gideb ġej mix-xitan.
  • Ma jistax ikun min jigdeb relazzjoni max-xitan jispiċċa għeżież tiegħi mhux relazzjoni m’Alla.
  • Il-bniedem ta’ talb huwa l-bniedem li hu fil-verita’, fil-verita’ għeżież tiegħi, u l-verita’ t’Alla li huwa Missierna.

Qed ngħidulu l-Missier ħa tiġi Saltnatek. Iġifieri isma’ s-Saltna x’inhija? Is-Saltna hija Ġesu’ fl-aħħar mill-aħħar għaliex Alla jsaltan kompletament f’Ġesu’, fl-imħabba tiegħu. Qed ngħidulu: ‘Agħmel li s-Saltna tal-imħabba tiegħek tieħu over il-qalb tiegħi.’ Li s-Saltna tal-imħabba tiegħek tieħu over lid-dinja, is-Saltna tal-imħabba tiegħek tieħu over iċ-ċirkustanzi tal-ħajja tiegħi. Ejjew ngħidulu Mulej ħa tiġi Saltnatek fiż-żwieġ, fil-familja, fix-xogħol tiegħi, fil-Knisja tagħna.

Jitqaddes Ismek. Lil Alla nfaħħruh, imberkuh, nadurawh, nagħtuh ġieħ mhux nidgħu, mhux inżejjnu d-dagħa, mhux min jidgħi l-aktar, mhux nidħku b’min jidgħi u nkomplulu, mhux nipprovokaw lil min jidgħi, mhux nagħmlu l-imħatri min jidgħi l-aktar. Fejn hi l-imħabba tagħna lejn Alla? Dan huwa kollu qerq u ngann tax-xitan li tinsab fih meta inti tgħix hekk. Il-Mulej trid tfaħħru, trid tadurah, trid tilqa’ l-imħabba tiegħu għeżież tiegħi dan hu Alla Missierna.

  • Nixtieqkom mill-qalb intom lesti li tgħixu t’ulied?
  • Lesti li lil Alla l-Missier taċċettawh fil-verita’ fil-qiegħ nett ta’ qalbkom?
  • Lesti li tħobbu lill-Mulej akkost ta’ kollox?
  • Lesti li tagħmlu kollox miegħu?

Dan huwa t-talb. Ir-relazzjoni ħajja m’Alla f’kollox mhux biss fil-mumenti illi nieqfu nitolbu.

Jiena nħeġġiġkom sabiex tiġu għall-mument ta’ talb għeżież tiegħi. Il-laqgħa ta’ talb ‘Ejjew Għandi’ li jmiss idħlu fil-Facebook page tiegħi Fr Hayden u ssibu l-avviżi kollha li għandkom bżonn. Ejjew intom hu mument li tistgħu titolbu ma’ komunita’ anke jekk ma tafx kif ħa jgħinnek żgur. Mument fejn nirċievu l-faraġ, il-fejqan fir-ruħ u fil-ġisem, il-Kelma t’Alla. Ejjew intom ġibu l-morda, ġibu lill-ħaddieħor magħkom. Ejjew itolbu għall-bżonnijiet tal-oħrajn pero’ ejjew u toqgħodux ‘il bogħod għeżież tiegħi ħalli tirċievu l-qawwa, il-benna u d-duwa t’Alla Missierna meta nduru lejh u mill-qalb nitolbuh. Ejja nitolbuha flimkien illum f’dal-programm u nagħlqu biha.

Missierna li inti fis-Smewwiet,

jitqaddes Ismek,

tiġi Saltnatek

ikun li trid Int, kif fis-sema hekkda fl-art.

Ħobżna ta’ kuljum agħtina llum,

aħfrilna dnubietna bħalma naħfru lil min hu ħati għalina.

u la ddaħħalniex fit-tiġrib, iżda eħlisna mid-deni.

Il-Paċi magħkom! Kunu imberkin u nitolbu għal xulxin. Alla magħkom!

MUR GĦAL-LISTA SĦIĦA TAT-TAĦDIDIET TA’ FR HAYDEN

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s