Ħaġa waħda meħtieġa!

It-Tnejn, 1 ta’ Lulju 2019: Riflessjoni ta’ Fr Hayden dwar Lq 10:38–42, il-Vanġelu tas-16-il Ħadd matul is-Sena (Sena Ċ). Ara t-test tagħha taħt il-vidjo …

MUR GĦAL-LISTA SĦIĦA TAT-TAĦDIDIET TA’ FR HAYDEN

Il-Paċi magħkom għeżież tiegħi. Minn qalbi nilqagħkom għal darb’oħra għal dan il-programm ‘Ejjew Għandi’ sabiex ilkoll kemm aħna flimkien jiena magħkom immorru għand il-Mulej Ġesu’ li dejjem jgħidilna: ‘Ejjew Għandi’ għaliex għeżież tiegħi, aħna kemm ħa ndumu? Xi kultant qatt għedt ‘Ma nafx fejn se nħabbat rasi?’ Qatt għedt din l-espressjoni? U Ġesu’ jaf li aħna ngħiduha u għalhekk qalilna ‘ejjew għandi’ u ħabbtuha miegħi qed jgħidilna. Issa Ġesu’ rasu iebsa ta! Pero’ rasu iebsa fl-imħabba. Determinat il-Mulej li jibqa’ jħobbna, li jibqa’ jiġri warajna. Alla qatt m’hu se jaqta’ qalbu minnek, minn martek, minn żewġek, u mill-għeżież uliedek qatt! Qatt! Qatt! u Qatt! lanqas jekk aħna naqgħtu qalbna u nqattgħuha miegħu hu ma jqattagħhiex magħna.

Lanqas jekk aħna nħossuna li ddeċidejna li nkunu ‘il bogħod minn Alla, Alla qatt m’hu ‘l bogħod minna, qatt! L-imħabba tiegħu ma tiddependix minna. L-imħabba tiegħu tiddependi minn dak li hu Hu, mhux minn dak li aħna aħna għeżież tiegħi. L-imħabba tiegħu tiddependi mill-karattru tiegħu u mhux minna nfusna. Kemm hi sabiħa meta aħna nirrealizzawha din ‘il ħaġa. Alla tagħna hu bħal ilma, l-ilma huwa mxarrab u kull ma’ jmiss ixxarrbu. Alla huwa mħabba u kull ma’ jmiss jagħmlu mħabba. Għalhekk jgħidilna ‘Ejjew Għandi’ b’mod speċjali intom li forsi għaddejjin minn żmien iebes fil-ħajja. Intom li forsi, forsi tbegħedu minn Ġesu’ u kumbinazzjoni qegħdin issegwu għalkemm mhux b’kumbinazzjoni ta’, il-Mulej isib ‘il mod tiegħu kif jiltaqa’ magħkom.

Intom li ssegwuna minn barra minn Malta, il-morda, l-anzjani, is-saċerdoti anzjani, il-koppji miżżewġin, hekk l-aħwa fil-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin għeżież tiegħi, insellmilkom ilkoll kemm intom li ssegwuna u minn qalbi nilqagħkom. Ħa nisimgħu l-Kelma ta’ Ġesu’ llum meħuda mill-Vanġelu skont San Luqa kapitlu 10 vrus 38 sa 42.

Huma u sejrin, daħal f’raħal, u laqgħetu għandha waħda mara jisimha Marta. Din kellha oħtha, jisimha Marija, li niżlet bilqiegħda f’riġlejn il-Mulej tisimgħu x’kien qiegħed jgħid. Iżda Marta kienet moħħha fuq il-ħafna xogħol tad-dar. Imbagħad resqet u qaltlu: “Mulej, m’intix tara kif oħti ħalliet ix-xogħol kollu fuqi biss? Mela għidilha taqbad tagħmel xi ħaġa miegħi!” Qabeż il-Mulej u qalilha: “Marta Marta! Inti taħseb wisq u tinkwieta fuq ħafna ħwejjeġ; imma waħda hi meħtieġa. U Marija għażlet l-aħjar sehem, li ma jitteħdilhiex.”

Hekk f’dal-Vanġelu għeżież tiegħi ninnutaw is-sbuħija l-ewwel ħaġa l-fatt li Ġesu’ kien iħobb iżur din il-familja ta’ Marija, Marta u ħuhom Lazzru. Kemm hi sabiħa għeżież tiegħi li Ġesu’ kien isib il-ħin għall-folol, għall-masses, kien isib il-ħin għall-individwi, kien isib il-ħin għall-appostli, għat-tnax, ħin għal dawn it-tlieta pero’ kien isib ħin ukoll li jmur iżur xi familja. Hekk Marija, Marta u ħuhom Lazzru. Hekk din il-familja għeżież tiegħi, illi hekk insibuha f’mumenti oħrajn li Ġesu’ kien imur għandhom. U din hija ta’ mudell u t’ispirazzjoni għalina li forsi anke aħna għeżież tiegħi l-ewwel mistqosija li rridu nagħmlu hija: ‘X’post Ġesu’ għandu fil-familji tagħna?’

Mhux min naħa tiegħu ċertament għax Ġesu’ qiegħed fil-familji tagħna anke jekk aħna ma rriduhx. He’s a pest m’hemmx x’tagħmel, ma jieħux għalih. Xi ħadd li jdejjqek ħafna anke jekk m’għandekx grazzja miegħu jibqa’ jkollu grazzja miegħek. Qatt iltqajtu ma’ xi ħadd hekk fil-ħajja u verament ixebbgħek, idejqek? Imma Ġesu’ hekk hu. Ġesu’ jibqa’ jiġri warajna, Ġesu’ ma jridx jitlaqna. Ġesu’ jrid jibqa’ jimxi warajna anke fil-familji tagħna qiegħed hemm anke jekk aħna ma rriduhx, pero’ kemm hu isbaħ meta aħna rriduh. Kemm hu isbaħ meta aħna niftħu qalbna għalih bħala familja u kemm saret diffiċli għeżież tiegħi xi drabi biex niftħu qalbna għall-preżenza ta’ Ġesu’ bħala familja. Illi

  • bħala familja mmorru l-quddies flimkien,
  • bħala familja nieklu flimkien,
  • ngħidu talba flimkien qabel l-ikel wara l-ikel,
  • bħala familja nitolbu ftit flimkien,
  • bħala familja nemmnu,
  • naqsmu l-fidi tagħna bejnietna.

Kemm saret diffiċli għal uħud minna għeżież tiegħi meta sirna lkoll sparpaljati.

Minn naħa l-oħra għandna eżempji sbieħ ta’ familji għeżież tiegħi illi għadhom iżommu b’mod sabiħ huma t’eżempju, hekk jiena nogħxa narahom meta tarahom familji jmorru jisimgħu l-Quddies tal-Ħadd flimkien, togħxa meta tarahom familji per eżempju għeżież tiegħi illi qegħdin f’xi għaqda flimkien, qegħdin f’xi Komunita’, flimkien forsi huma involuti f’ħidma t’Evanġeliżazzjoni fi ħdan il-Knisja bħala familja flimkien. Ċertament bl-ups and downs ma jfissirx li kollox imur tajjeb u ma jkunx hemm diżgwit xi kultant, ngħixu flimkien dak nistennew pero’ għalinqas hemm ix-xewqa li bħala familja nkunu familja t’Alla, bħala familja inkunu familja Nisranija. U jiena nħeġġiġkom għeżież tiegħi biex anke ma taqtgħux qalbkom li tgħaddu l-fidi, tgħaddu lil Ġesu’ fil-familja tagħkom.

Ħbieb tiegħi llum ejjew ma nserrħux rasna b’mod speċjali lill-ġenituri qed ngħidha dina sserrħux raskom lit-tfal immorru l-M.U.S.E.U.M., jmorru d-Duttrina jew jitgħallmu r-reliġjon l-iskola, isserrħux raskom b’dawn l-affarijiet. Dawn l-affarijiet qegħdin jitbidlu ħafna. Dawn l-affarijiet qed jitbidlu ħafna jiġifieri l-ħin per eżempju lit-tfal għandhom għat-tagħlim tad-Duttrina per eżempju l-M.U.S.E.U.M. jew il-Katekiżmu offrut mill-parroċċa, jew f’ambjenti oħrajn ma għadux kif kont jiena qabel erbgħa t’ijiem fil-ġimgħa, it-Tnejn, it-Tlieta, il-Ħamis u l-Ġimgħa. L-Erbgħa ma kienx ikollna għax is-soċi jkollhom il-laqgħa l-Blata l-Bajda tal-M.U.S.E.U.M. M’għadux hekk forsi darba fil-ġimgħa qed immorru darbtejn għeżież tiegħi lkoll tafu l-verita’ li qed ngħid. Fl-iskejjel tagħna ma għandniex inserrħu rasna li t-tgħallim tar-reliġjon Kattolika ħa jibqa’ jiġi mgħallem, ma nistgħux inserrħu moħħna b’hekk għeżież tiegħi.

Irridu niskopru dejjem aktar illi l-post fejn uliedna jridu jirċievu lil Ġesu’ l-ewwel u qabel kollox hu l-familja. Ħafna drabi għeżież tiegħi dir-responsabbilta’ li ngħaddu l-fidi, lil Ġesu’ Kristu fil-familji tagħna forsi mhux dejjem fhimnieha, forsi farfarnieha fuq ħaddieħor, forsi ma nafux kif ukoll xi kultant, forsi nixtiequ u tkun diffiċli hemm diversi affarijiet, pero’ hemm x’hemm alinqas għandu jkollna x-xewqa. Int tixtieq li tgħaddi lil Ġesu’ fil-familja tiegħek? Fit-trobbija t’uliedek tħoss li inti flimkien mall-għixien materjali int responsabbli li tgħaddilhom il-ħajja spiritwali, il-ħajja t’Alla, il-ħajja ta’ Ġesu’ Kristu, il-Kelma t’Alla f’ħajjithom, is-Sagramenti? Għeżież tiegħi, fil-familji tagħna jrid ikollna din ix-xewqa, dan il-ftuħ illi aħna verament inwasslu lil Ġesu’ fil-familji tagħna kif dil-familja għeżież tiegħi ta’ Marta u Marija dawn kienu miftuħa għall-preżenza t’Alla.

Jiena nħeġġiġkom forsi tibżgħux tagħmlu dak il-mument qasir ta’ talb flimkien. Tibżgħux ġenituri tfakkru lil uliedkom dwar Ġesu’! M’hemmx għalfejn tiffittawhom u taqtgħulhom qalbhom pero’ tajjeb li tfakkruhom. Xi drabi għeżież tiegħi anke t-tfal nagħmlulhom pressure għal kollox għal Drama, għall-Isports, għall-istudju u nagħmlu sew pero’ ħafna drabi nnaqrulhom il-ħajja spiritwali tagħhom, inaqru l-affarijiet t’Alla ma nirrealizzawx li qed nibnu fuq ix-xejn! Fuq ix-xejn, fuq it-tafal li dan kollu mal-ewwel maltempata fil-ħajja t-tfal se jikkrollaw. U issa jekk inti tkun rabbejthom għaxar snin hekk f’dil-mentalita’ flus, studja, aħkem, għamel l-affarijiet tiegħek, imma qatt ma tkellimhom fuq Alla mhux bilfors se jitilgħu u jkonna ġenerazzjoni hekk? Jekk mhux se jaraw lilek temmen, jekk mhux se jaraw lilek tipprattika l-fidi mhux bilfors se jitilgħu hekk? Għeżież tiegħi u dak li niżirgħu naħsdu sfortunatament pero’ ejjew aħna fejn aħna nagħmlu pass ‘il quddiem illum.

Ejjew verament niftħu qalb il-familji tagħna għal Alla mill-ġdid. Ejjew nitolbu għall-konverżjoni fil-familji taqtgħux qalbkom, il-Mulej jisma’ t-talb tagħna. Itolbu ‘l Ommna Marija u lil San Ġużepp biex jinterċiedu ħafna għall-familji tagħna. Itolbu ħafna ‘l Ommna Marija u lil San Ġużepp li hu missier spiritwali għalina kif kien missier putattiv ta’ Ġesu’ għeżież tiegħi. Itolbuh mill-qalb lil San Ġużepp fil-familji ħalli l-familji tagħna jiftħu qalbhom għal Alla kif San Ġużepp fetaħ qalbu għal Ġesu’ għeżież tiegħi, bit-trouble kollu li Ġesu’ ġablu tafux! Għax kellu jispiċċa refuġjat l-Epittu biex jipproteġi lil Ġesu’ pero’ huwa worth it li jkollna l-ferħ ta’ Kristu fil-familji tagħna.

Imbagħad dan il-Vanġelu wkoll jurina li isma’ dawn l-aħwa kellhom relazzjoni differenti ma’ Ġesu’. Waħda riedet taħdem ħafna għal Ġesu’ riedet issajjarlu u l-oħra riedet toqgħod ma’ Ġesu’ tisimgħu. Pero’ t-tnejn li huma huma f’relazzjoni ma’ Ġesu’. Waħda qed tagħmel xi ħaġa għalih u l-oħra trid tagħmel xi ħaġa billi toqgħod f’riġlejh. L-importanti huwa li t-tnejn l-ewwel ħaġa għandhom dir-relazzjoni ma’ Kristu u hawnhekk nirrealizzaw li aħna għandna relazzjoni differenti ma’ Ġesu’ – m’aħniex lkoll kemm aħna l-istess. Il-fidi tagħna ma nesprimuhiex lkoll bl-istess mod għandna doni differenti, spiritwalita’ differenti, kariżmi differenti. Pero’ hawnhekk Ġesu’ jikxef għeżież tiegħi xi ħaġa li hija importanti. Importanti m’huwiex dak li tagħmel għal Ġesu’, imma dak li tagħmel ma’ Ġesu’. Marta riedet tagħmel xi ħaġa għal Ġesu’ ssajjarlu, ix-xogħol tad-dar, sabiħa mhux qed ngħidu ħażina pero’ Ġesu’ qalilha: Isma’ Marija  għażlet l-aħjar sehem li toqgħod f’riġlejh tisimgħu.

Għeżież tiegħi issa dan Ġesu’ mhux qed jgħidilna ma x-xogħol tad-dar, ma naħdmux, ma nagħmlux ix-xogħol ta’ kuljum biex noqgħodu biss nitolbu… Le! Imma Ġesu’ x’kienet il-problema ta’ Marta? Int tinkwieta… il-problema mhux ix-xogħol, il-problema mhux ix-xogħol tad-dar, il-problema huwa meta l-affarijiet materjali anke l-affarijiet li huma essenzjali tant taqbadna anxiety, anzjeta’ illi kważi fihom nibdew niddettaw ‘l Alla x’għandu jagħmel. Għaliex? Għax inpoġġu lilna nfusna fiċ-ċentru. Niddettaw lil Alla x’għandu jagħmel, dak li Marta ppruvat tagħmel. Tgħid lil Ġesu’ hu x’għandu jagħmel. Marija qagħdet tisma’ ħa tara hi x’għandha tagħmel imma Marta lil Ġesu’ hi tgħidlu x’għandu jagħmel. U hawnhekk huwa għeżież tiegħi fejn xi drabi niżbaljaw fil-mixja tagħna tal-ħajja tagħna. Tant niġu ppanikjati bix-xogħol tagħna, tant niġu mgħaddsin f’dak li aħna rridu nagħmlu, jista’ jkun xogħol, sports, anything illi aħna mbagħad neħduha kontra Alla għax ma jagħmilx dak li rrid jien. L-ewwel m’inhix miegħu mbagħad nieħu għalih, imbagħad neħodha kontrih, imbagħad nikkrittikah. Jista’ jkun li aħna għaddejjin gas down pero’ m’aħniex nieqfu bħal Marija, nieqfu nitolbu, f’riġlejn il-Mulej tisma’ dak li Ġesu’ x’kellu xi jgħid. Kemm għandna bżonn maħbubin tiegħi li aħna jkollna din il-qalb li tisma’ lil Ġesu’ x’għandu xi jgħid.

Kieku ngħidlek bħalissa Ġesu’ x’qed jgħidlek lilek f’ħajtek? U malajr tgħid mela Alla lili jkellimni? Dażgur li Alla jkellmek.

  • Mela ma tafx li l-Missier iħobbhom lil uliedu?
  • Ma tafx li l-Missier jixtieqhom lil uliedu?
  • Ikellmek fil-qiegħ nett ta’ qalbek,
  • ikellmek bil-Bibbja,
  • ikellmek biċ-ċirkustanzi,
  • ikellmek permezz tal-oħrajn,
  • ikellmek permezz tal-Knisja.

Dan huwa kollu leħen Ġesu’ li San Ġorġ Preca kien jgħidlu Leħen il-Maħbub. Dak li lilna jħobbna, irid ikellimna, irid jiltaqa’ magħna. Ejjew nagħmlu ħilitna għeżież tiegħi li aħna ma nibqgħux għaddejin sparati u ma nieqfux nisimgħu lil Ġesu’ x’għandu x’jgħidilna.

  • Forsi għandek bżonn tieħu break bħalissa,
  • forsi għandek bżonn tqatta’ ftit sigħat irtir iġifieri x’imkien waħdek għal kwiet int u l-Mulej waħdek,
  • forsi għandek bżonn tmur f’kappella,
  • forsi għandek bżonn taqbad il-Vanġelu u taqrah ftit,
  • forsi għandek bżonn tqerr jekk ilek ma tqerr, u tisma’ l-Mulej x’għandu x’jgħidlek permezz tas-saċerdot,
  • forsi għandek bżonn tmur il-Quddies, tisma’ l-Kelma t’Alla, tisma’ Omelija tajba, tisma’ l-Mulej ikellmek x’għandu xi jgħidlek.

Għandek bżonn tieqaf ftit u kemm għandna bżonnha din għeżież tiegħi. Għaliex għandna esteremi, għandna persuni li l-ħin kollu għaddejjin gas down minn xogħol għall-ieħor, minn realta’ għall-oħra u ma għandhomx ħin għal Alla. Għandna persuni li forsi minħabba training, sports, gym, drama, kant, żfin li m’humiex ħżiena fihom infushom pero’ wara x-xogħol dawn isirulek prijorita’ u tispiċċa li isma’ ħin biex titlob għandek? Ħin biex tmur il-Quddies għandek?

Għeżież tiegħi aħna l-Insara ma rridux nitkaxkru minn din d-dinja. Il-qafas tad-dinja, il-qafas tax-xogħol, id-dinja kif is-soċjeta’ kif qed tibni lilha nnfisha hija soċjeta’ ateja. Tibni lilha nnfisha b’tali mod illi Ġesu’ mhux relevanti, lil Ġesu’ m’għandniex bżonnu. Allura ma jinteressahomx jekk int għandekx ħin biex titlob, ma jinteressahomx jekk għandekx ħin biex tqerr, għandekx ħin biex tmur il-Quddies, għandekx ħin biex tkun mal-Mulej u ħafna drabi min irid jimxi wara Ġesu’ jkollu jgħix f’tip ta’ soċjeta’ u kultura u realta’ fejn ma tagħtix spazju għal Alla għeżież tiegħi u allura lilek tifgak, toħonqok, tkissrek anke l-istess mentalita’, kliem li inti tisma’.

Kemm għandna bżonn nagħmlu kuraġġ lil xulxin pero’ nħeġġiġkom ukoll biex nagħmlu deċiżjonijiet. Biex nisimgħu lill-Mulej u nkunu miegħu wkoll fil-ħajja tagħna, xi drabi rridu niddeċiedu forsi li nbaxxi l-livell tal-lifestyle tiegħi, inbaxxi l-istandard soċjali tiegħi, għax għeżież tiegħi kemm ħa ddum tgħolli l-istandards, tgħolli l-istandards, tgħolli l-istandards, trid aktar flus, timxi ‘l quddiem aktar, aktar, aktar, fl-aħħar aktar, aktar, aktar, aktar ħa jkisser lilek. Fl-aħħar se jkissrek! Se jkissirlek iż-żwieġ, se jkissirlek familtek, se jkissirlek il-futur għax iktar ma trid dejjem trid iktar imbagħad tibda tagħmel affarijiet ħżiena biex ikollok aktar, imbagħad tagħmel affarijiet ħżiena biex ma tinqabadx, imbagħad tagħmel affarijiet ħżiena biex ma jaqbdukx, għax dejjem trid, tidħol f’xibka. Tidħol f’xibka ta’ ħażen għaliex ma tieqafx tirrifletti u tara ħajtek fejn hija sejra.

Kemm għandna bżonn nieqfu għeżież tiegħi u noqgħodu f’riġlejn Ġesu’. ‘Mulej x’qed tgħidli fuq ħajti?’ Jekk int ma tieqafx tisma’ l-leħen tal-Mulej. Id-dnub għal bidu tibda tħossok għamilt xi ħaġa ħażina pero’ mbagħad mhux kulħadd hekk? Imbagħad qisek m’għamilt xejn, imbagħad il-ħażin isir tajjeb saħansitra. Tibda tħossok ħażin meta tagħmel xi ħaġa tajba. Aħna qegħdin ngħixu f’dawn il-mumenti, f’dawn iż-żmnjiet għeżież tiegħi fejn xi drabi dak li hu ħażin sar tajjeb u t-tajjeb sar ħażin. Min jagħmel ħażin jiftaħar li qed jagħmel is-sewwa u min jagħmel is-sewwa jgħġġeluh jiddubita jekk hu hux qed jiżbalja.

Għeżież tiegħi jekk mhux ħa nieqfu u nisimgħu l-Mulej se jħawwduna, se nidħlu f’kurrent illi se jkaxkarna miegħu għeżież tiegħi. Għandna bżonn illi aħna nieqfu ftit u noqgħodu ma’ Ġesu’ u nisimgħu hu x’għandu x’jgħid. Ċertament meta tagħmel hekk, toqgħod ma’ Ġesu’ se ssib min ħa jakkużak kif Marta akkużat lil Marija. Minn jaf Marija kif ħassitha meta Marta takkużaha, iġifieri ‘għidilha tiġi.’ Iġifieri, oħroġ mit-talb, tieqafx titlob! Kemm aħna nisimgħu din il-vuċi tippjana li tmur u titlob u mhux aħjar flok titlob tmur tgħin? Mhux aħjar flok titlob tmur issajjar, tmur taħsel, tmur tonxor, tmur tixtri, tmur tieħu ħsieb it-tfal issa, tmur tagħmel dik il-ħaġa?

Għeżież tiegħi dejjem hemm raġuni biex ma titlobx mhux biex titlob, dejjem hemm raġuni biex inti tieqaf tisma’ lil Ġesu’, biex inti titlaq lil Ġesu’. Dawk huma r-raġunijiet li jiġuna f’moħħna lix-xitan jgħidilna u lid-dinja tgħidilna u lin-nies ta’ madwarna jgħidulna. Imberkin jekk għandkom lil xi ħadd li jgħidilkom għandek x’tagħmel pero’ jekk tmur titlob il-Mulej se jtik il-qawwa biex tagħmel iktar dak li għandek tagħmel u fl-istess ħin qed tisma’ leħnu. Għandna bżonn li nkunu mal-Mulej li jiftħilna għajnejna għeżież tiegħi u nieqfu nkunu mkaxkrin minn kurrent li ħakimna, li fl-aħħar mill-aħħar se jdur biss kontra tagħna.

Jalla ma niftħux għajnejna tard, iftaħ għajnejk illum, issa, jekk għandek iċ-ċans. Il-Mulej qed jagħtik dil-grazzja. Il-Kelma t’Alla tgħidilna: “Jekk illum tisimgħu leħnu la twebbsux qalbkom.” (Salm 95: 8)

Jiena nistednikom biex tiġu l-laqgħa ‘Ejjew Għandi’ darba fix-xahar li tistgħu toqgħodu f’riġlejn il-Mulej tisimgħu l-Kelma tiegħu, tħalluh ifejjaqkom, ifarraġkom. Ejjew intom, ġibu lil ħaddieħor magħkom, ġibu l-morda magħkom. Idħlu fil-Facebook page tiegħi Fr Hayden għeżież tiegħi u ssibu l-avviżi ta’ kull laqgħa. Ejjew! Toqgħodux lura għeżież tiegħi ħalli flimkien nistgħu nagħmlu din l-esperjenza f’riġlejn Ġesu’ illi jagħtina l-Kelma tiegħu, jagħtina l-fejqan tiegħu, u l-faraġ tiegħu. Sa ma narakom jiena nitlob għalikom, minn qalbi nitlobkom titolbu ħafna għalija. Il-Paċi magħkom u kunu mberkin. 

MUR GĦAL-LISTA SĦIĦA TAT-TAĦDIDIET TA’ FR HAYDEN

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s