
Dan it-Talb Speċjali kollu miġbur f’dokument wieħed – PDF
MUR GĦAL-LISTA TA’ TALB SPEĊJALI
Għażiż Mulej Ġesu`, fil-lejl tal-Ħamis filgħaxija wara li qabduk, tefgħuk ukoll fil-ħabs taħt l-art u għalhekk int tista’ tifhem dak li jgħaddu minnu l-priġunieri fil-ħabsijiet: tbatija emozzjonali, mentali, fiżika eċċ.. Kun magħhom fil-mumenti kollha u agħtihom il-faraġ li jeħtieġu biex waqt li qed ipattu għal dak li għamlu, ma jiddisprawx. Inti biss taf il-għala tas-sitwazzjoni kollha u x’inhi r-realta’ li waslithom biex jispiċċaw hemm ġew.
Nitolbok ukoll għal dawk li minħabba fihom huma vittma sabiex tkun int it-Tabib li jfejjaq u jdewwi l-feriti li jieħdu fit-tul biex ifiqu. Aħna xi drabi ma nsibux kliem xi ngħidulhom lil dawn l-imsejkna.
Nitlob ukoll lilek o Marija sabiex tinterċedi għall-ħabsin kif ukoll għall-vittmi. Inti żgur taf kif għandek timxi magħhom għax tul il-passjoni kollha t’Ibnek int kont hemm għalih, l-akkużat u l-vittma per eċċellenza. Int qsamt miegħu fis-sofferenza tiegħu mill-bidu sal-aħħar u min seta’ jfarrġek quddiem dan kollu?
Nitlobkom ukoll għal dawk li jmexxu l-Faċilitajiet Korrettivi sabiex waqt li jħaddmu d-dixxiplina li hemm bżonn f’dawn il-postijiet, iżommu quddiem għajnejhom li r-residenti kienu, għadhom u jibqgħu xbieha t’Alla u li l-għan tal-ħabs mhuwiex li jiddispra lir-residenti imma li fiż-żmien li għandhom jgħaddu hemm, huma tassew jirriformaw lilhom infushom.
Mulej, sibilhom min jgħinhom fil-mixja spiritwali tagħhom ukoll u aktar nies li jissaportjawhom u ma jabbandunawhomx imma jagħtuhom dak li jeħtieġu bħala bnedmin issa li jinsabu maqtugħin mid-dinja ta’ barra. Agħti qalb ġeneruża lill-familjari u l-ħbieb tagħhom sabiex minbarra li jmorru jżuruhom, jagħtuhom l-għajnuna li jkunu jeħtieġu biex jerġgħu jinfiltraw lura fil-komunita’ bl-inqas problemi wara li jtemmu s-sentenza tagħhom. Ipprovdilhom int ix-xogħol u post diċenti fejn jgħixu.
Spirtu Qaddis, kun int li tittrasforma l-qalb ta’ kull wieħed u waħda minnhom skont ix-xewqa tiegħek u agħmel li Fik isibu t-tama biex ikomplu l-mixja tal-ħajja tagħhom fil-kwiet u t-tajjeb filwaqt li jfittxu li jgħixu b’mod ġust sal-aħħar ta’ ħajjithom.
Grazzi Ġesu’ u Marija talli smajtu u lqajtu dan it-talb kollu tiegħi. Ammen. Halleluia!