Nitħassru u nieqfu!

It-Tnejn, 1 ta’ Lulju 2019: Riflessjoni ta’ Fr Hayden dwar Lq 10: 25-37, il-Vanġelu tal-15-il Ħadd matul is-Sena (Sena Ċ). Ara t-test tagħha taħt il-vidjo …

MUR GĦAL-LISTA SĦIĦA TAT-TAĦDIDIET TA’ FR HAYDEN

Il-Paċi magħkom għeżież tiegħi! Minn qalbi nilqagħkom għal darb’oħra għal dan il-programm ‘Ejjew Għandi’ fejn matul dal-programm sejrin nirriflettu ftit fuq parabbola illi lkoll kemm aħna smajnieha diversi drabi pero’ nħalluha tagħtina dawl fil-ħajja tagħna – il-parabbola tas-Samaritan il-ħanin għeżież tiegħi. Pero’ qabel ma naqrawha flimkien nixtieq insellem lil dawk kollha illi ssegwuna b’diversi mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali Malta u barra. Nixtieq

  • insellem anke lil dawk kollha li huma fil-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin,
  • insellem lil dawk kollha li huma morda,
  • dawk li għaddejjin minn żmien iebes fil-ħajja tagħhom,
  • dawk li forsi għaddejjin minn qtigħ il-qalb,
  • dawk li jħossuhom vojta ma jafux x’se jaqbdu jagħmlu,
  • dawk li jħossuhom waħedhom u imwarrbin mill-oħrajn.

Din il-Kelma hija b’mod speċjali għalikom maħbubin tiegħi għaliex Ġesu’ lilna f’dawn is-sitwazzjonijiet iktar jiġi jiġri warajna.

Il-parabbola tas-Samaritan it-tajjeb insibuha fil-Vanġelu skont San Luqa propju f’kapitlu 10 vrus 25 sa 37. Ħa nisimgħuha u mbagħad nirriflettu fuqha.

Mela jqum wieħed għaref fil-Liġi u, biex iġarrbu, staqsieh: “Mgħallem, x’nagħmel biex niret il-ħajja ta’ dejjem?” Qallu Ġesù: “Fil-Liġi x’hemm miktub? Inti x’taqra fiha?” U dak wieġeb: “Int għandek tħobb il-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, u b’ruħek kollha, bil-qawwa tiegħek kollha, u b’moħħok kollu, u lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek.” “Sewwa weġibt,” qallu Ġesù, “agħmel hekk u tgħix.”

Iżda dak, biex juri li kellu raġun, qal lil Ġesù: “U l-proxxmu tiegħi min hu?” U Ġesù raġa’ qabad jgħidlu: “Wieħed raġel kien nieżel Ġeriko minn Ġerusalemm, u waqa’ f’idejn il-ħallelin; dawn neżżgħuh, biċċruh bis-swat u telqu, u ħallewh nofsu mejjet. Inzerta kien nieżel qassis minn dik it-triq u rah, għadda minn mal-ġenb u baqa’ sejjer. Hekk ukoll wieħed levita, meta wasal hemm u rah, għadda minn mal-ġenb u baqa’ sejjer. Imma kien għaddej minn hemm wieħed Samaritan, wasal ħdejh, rah u tħassru. Resaq lejh, dewwielu l-ġrieħi biż-żejt u l-inbid u rabathomlu, u mbagħad tellgħu fuq il-bhima tiegħu, wasslu f’lukanda u ħa ħsiebu. L-għada ħareġ biċċtejn flus, tahom lil tal-lukanda u qallu, “Ħu ħsiebu; jekk tonfoq xi ħaġa iżjed, irroddhielek jien meta nerġa’ ngħaddi.’ Minn dawn it-tlieta, int min jidhirlek li ġieb ruħu ta’ proxxmu ma’ dak li waqa’ f’idejn il-ħallelin?” “Min ħenn għalih,” wieġbu dak. “Mur,” qallu Ġesù, “u agħmel hekk int ukoll.”

Dil-parabbola għeżież tiegħi hija sempliċi, nafuha pero’ profonda. L-ewwel ħaġa din il-parabbola tibda bi djalogu bejn Ġesu’ u wieħed għaref tal-liġi, illi jistaqsih x’għandu jagħmel biex jikseb il-ħajja ta’ dejjem u Ġesu’ jgħidlu, ‘Imma x’hemm fiha?’ U Ġesu’ l-ewwel ħaġa li jgħidlu, jikkowtalu, dan ir-raġel, l-għaref tal-liġi propju l-Kmandament tal-imħabba. ‘Ħobb lil Alla bil-qawwa tiegħek kollha, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha mbagħad ħobb lil għajrek, ħobb lill-proxxmu tiegħek bħalek inifsek.

Mela l-ewwel ħaġa li Ġesu’ qed jgħidilna biex niksbu l-ħajja ta’ dejjem hija l-imħabba tagħna lejn Alla u l-imħabba tagħna lejn il-proxxmu li fil-verita’ din hija fil-Kristjaneżmu, għad-dixxipli ta’ Ġesu’, li tħobb lil Alla u tħobb lill-proxxmu hija l-istess ħaġa. Lil Alla tħobbu permezz tal-proxxmu u l-proxxmu tħobbu permezz t’Alla. Lil Alla tħobbu permezz tal-proxxmu u l-proxxmu tħobbu permezz t’Alla, għeżież tiegħi. Ma nistgħux niddivorzjaw, nisseparaw l-imħabba t’Alla mill-imħabba tal-proxxmu. Jiena minn qalbi għeżież tiegħi nixtieq inħeġġeġ lilna l-Insara li ma nifirdux dawn it-tnejn minn xulxin, għax aħna jista’ jkollna

  • nies li huma devoti, nies li huma spiritwali,
  • nies li jorganizzaw festi fil-Knejjes tagħna,
  • nies li jorganizzaw laqgħat ta’ talb,
  • li jagħmlu ċelebrazzjonijiet sbieħ

pero’ mbagħad huma aljenati mill-proxxmu tagħhom, mit-tbatija tal-oħrajn.

Minn banda l-oħra jista’ jkollna persuni anke fil-Knisja illi dejjem lesti li jgħinnu u jagħmlu l-karita’ pero’ mbagħad aljenati mit-talb, mir-relazzjoni tagħhom m’Alla, mill-Qrar, mit-Tqarbin, mill-qari tal-Kelma. Għeżież tiegħi ma nistgħux nagħmlu waħda minflok l-oħra, ma nistgħux naqtgħu l-imħabba t’Alla minn mall-proxxmu. Propju jekk irridu nkunu dixxipli ta’ Ġesu’ dawn it-tnejn irridu nintegrawhom, dawn it-tnejn irridu ngħaqqduhom flimkien kif għamlu tant u tant qaddisin. Għeżież tiegħi, il-qaddisin l-imħabba tagħhom lejn Ġesu’ u lejn il-proxxmu għaqduha flimkien.

Ħarsu lejn Madre Tereża fi żminijietna per eżempju li riedet lis-sorijiet tagħha, il-missjunarji tal-karita’ jqattgħu tant ħin fit-talb – siegħa, sagħtejn adorazzjoni Ewkaristika kuljum quddiem Ġesu’ Sagramentat, imbagħad iħobbu tant u tant foqra, l-ifqar fost il-fqar. Għaliex Madre Tereża kienet tgħid illi dak kollu li nagħmlu, li qalilna Ġesu’ fl-aħħar mill-aħħar dak li nagħmlu miegħu, mall-oħrajn qed nagħmluh miegħu, allura dak li lilu nadurawh fl-Ewkaristija mbagħad inħobbuh fil-qadi tal-foqra għeżież tiegħi.

L-istess San Franġisk t’Assisi, San Franġisk t’Assisi li kellu mħabba kbira lejn Ġesu’ kien iqatta’ tant ħin fit-talb kellu mħabba enormi lejn l-Ewkaristija pero’ daqs tant ieħor kellu imħabba kbira lejn il-lebbrużi li kienu l-foqra ta’ żminijietu li ħadd ma kien jagħti kashom, li hu stess ma kienx jagħti kashom qabel ma kkonverta. Franġisku meta kkonverta jmur juri ħniena mal-lebbrużi maħbubin tiegħi, hekk fi żminijietu. U għalhekk

  • aħna rridu noqgħodu attenti illi ma nifirdux l-imħabba t’Alla mill-imħabba tal-proxxmu.
  • Ma nifirdux il-Liturġija mid-Djakonija.
  • Ma nifirdux il-Quddies milli ngħinu lill-fqir u l-batut.
  • Ma nifirdux li ngħinu lill-fqir u lil batut mill-Quddies u mit-talb.

Dawn it-tnejn iridu jesprimu lil xulxin. Il-Quddies trid teħodna għand il-fqir u l-batut u l-fqir u l-batut irid jeħodna mill-ġdid il-Quddies għand Ġesu’. Għeżież tiegħi t-talb jeħodna għand il-foqra u l-foqra jeħduna għand it-talb.

Issa hawn min jibda bl-imħabba lejn Alla biex jasal għand il-proxxmu, hawn min jibda bl-imħabba tal-proxxmu u jasal lejn Alla. Nibdew minn fejn nibdew aħna m’aħniex l-istess, il-grazzja t’Alla ma taħdimx fina l-istess, is-seħjat tagħna m’humiex l-istess pero’ ma jimpurtax. Importanti li dawn it-tnejn inżewwġuhom u mhux niddivorzjawhom għeżież tiegħi. Iġifieri ssib min jgħidlek mhux l-aqwa li mhux tgħin lill-fqir x’hemm għalfejn tmur titlob? Aħjar minn dawk li jitolbu u ma jgħinux lill-foqra. Mhux argument għax meta tagħmel hekk int stess tkun qed tagħmel Vanġelu kif tridu int. Mhux il-Vanġelu ta’ Ġesu’ u forsi ma tagħmilx hekk b’ħażen forsi tagħmilha b’ritaljazzjoni u nifhmek, pero’ aħna mhux kif nifhmuha aħna, Ġesu’ xi jrid minna. Jien ma nistax ngħid l-importanti li ngħin lill-fqir u ma nitlobx imma l-importanti li qed ngħin lill-fqir, le! għażiż ħija. Ħobb lil Alla u ħobb lill-proxxmu dawn it-tnejn ma jinfirdux huma tewmin għeżież tiegħi, inseparabbli huma identiċi ma jinfirdux.

Imbagħad Ġesu’ f’dal-Vanġelu wkoll jiġi mistoqsi: Min hu l-proxxmu tiegħi? Pero’ Ġesu’ ma jweġibx għall-mistoqsija min hu l-proxxmu tiegħi? Ġesu’ jwieġeb kif iġġib ruħek ta’ proxxmu. Mela, Ġesu’ l-mistoqsija jibdilha. L-għaref tal-liġi jgħidlu: Min hu l-proxxmu? Isaqsih fuq l-ieħor. Ġesu’ jgħidlu kif int iġġib ruħek ta’ proxxmu. Tant drabi aħna l-mistoqsijiet tagħna huma fuq l-oħrajn, imma Ġesu’ jitfa’ l-mistoqsija dejjem lura fuqna. Kif jien inġib ruħi ta’ proxxmu. Kif jien… u hawn hekk importanti nħallu lil Ġesu’ dejjem jitfagħalna lura dejjem dil-mistoqsija ma’ wiċċna għax xi drabi aħna ngħidu: Imma, ara l-oħrajn x’inhuma jagħmlu, ara dak, ara l-ieħor, ara l-oħra x’mhumiex jagħmlu. Ġesu’ qed jgħidlek mhux l-oħrajn x’mhumiex jagħmlu imma int x’qed tagħmel. Ieqaf, tħares lejn l-oħrajn ibda ħares lejk inifsek. Int qed iġġib ruħek ta’ proxxmu?

U propju fil-parabbola li jagħtina Ġesu’ ta’ dan is-Samaritan għeżież tiegħi. Hekk Ġesu’ x’qed jgħidilna? L-ewwel ħaġa li qed jgħidilna li isma’ l-proxxmu vera, iġġib ruħek ta’ proxxmu meta int mhux tara s-sitwazzjonijiet għax fl-aħħar mill-aħħar tliet minn nies hawnhekk raw is-sitwazzjoni ta’ dan ir-raġel mixħut mal-art imsawwat mill-ħallelin għeżież tiegħi. Kollha raw pero’ s-sigriet ta’ min ġab ruħu proxxmu kien tas-Samaritan huwa rah u tħassru. Rah, tħassru u għamel xi ħaġa. Dak huwa dak li jġi ruħu ta’ proxxmu, b’hekk inġibu ruħna ta’ proxxmu għeżież tiegħi.

1. Li nara

L-ewwel ħaġa illi naraw. Ikollna għajnejna miftuħa għas-sitwazzjonijiet tal-proxxmu tagħna u biex tara ma tridx tkun aljenat fik inifsek. Xi drabi anke magħna nfusna nkunu aljenati għeżież tiegħi. Miexi fit-triq moħħok fil-mobajl aljenat u taqa’ inti stess f’xi ħaġa, jiġifieri mhux il-proxxmu miegħek innifsek. Aħseb u ara kemm għandek il-ħin biex tara l-problemi, it-tbatija tal-oħrajn għeżież tiegħi. Noqgħodu attenti li aħna ma ngħamewx għat-tbatija tan-nies ta’ madwarna.

Aħna nistgħu ngħamew għax ningħalqu fl-egoiżmu, aħna nistgħu ngħamew għax ningħalqu fl-affarijiet spiritwali stess xi drabi.

  • Jiena ningħalaq fil-Knisja,
  • jiena ningħalaq fiċ-ċelebrazzjonijiet tal-Liturġija,
  • jiena ningħalaq fil-Kunvent tiegħi,
  • jiena ningħalaq fil-Komunita’,
  • fil-Prayer group tiegħi,
  • fl-għaqda ta’ talb fejn immur,
  • ningħalaq fit-tagħlim li jiena nirċievi,

u dan isir għelqu li ma jħallinix nara t-tbatija li hemm fid-dinja t’hemm barra. Xi drabi maħbubin tiegħi nogħoqdu attenti għax l-istess ħitan ta’ Knisja, l-istess festi, liturġija, ċelebrazzjonijiet, talb tagħna jista’ flok ittina nuċċali biex naraw x’hemm ‘il barra minna ttelgħalna ħitan u swar u ma narawx x’hemm barra minna u naħsbu li l-problemi tad-dinja huma l-problemi tal-parroċċa tiegħi, naħseb li l-problemi tan-nies huma l-problemi ta’ kumitat li hemm li għandu l-inkwiet bejnietu imma dan jinteressah verament mit-tbatija li hemm fil-parroċċa tiegħi? Naħseb illi l-problemi tal-Knisja huma l-problemi żgħar tal-Komunita’ tiegħi, il-problemi tan-nies, il-faqar tan-nies huwa l-problemi tal-Kunvent tiegħi, le! maħbubin tiegħi. Għandna bżonn illi jkollna din il-qalb iktar wisgħa, qalb iktar kbira li nistgħu naraw. Ma nħallux

  • la l-egoiżmu,
  • la d-dnub,
  • la l-fissazzjonijiet tagħna,
  • la r-rebgħa għal-flus,
  • la l-kilba għall-poter jgħalquna,

jgħamuna, ma jħallunix naraw għeżież tiegħi. Irridu noqgħdu ħafna attenti, ħafna attenti! Għax xi drabi mhux biss il-ħażen li jgħalqilna għajnejna jgħamina, imma anke it-tajjeb noqgħodu attenti, kemm hija fina.

Dana fiż-żwieġ din tista’ tkun b’intenzjoni tajba taħdem ħafna għall-familja, imma x-xogħol

  • jgħamik għall-problemi tal-familja,
  • jgħamik li matrek, żewġek, uliedek qed iħossuhom waħedhom,
  • jgħamik li m’għadx għandek ħin sabiħ t’intimita’ għall-familja tiegħek,
  • jgħamik li m’għadx għandek ħin biex titlob fil-familja, titlob bħala familja,
  • jgħamik ix-xogħol għall-familja tajjeb kemm hu tajjeb li lanqas għandek ħin biex tmur iktar il-Quddies il-Ħadd,
  • jgħamik għeżież tiegħi.

Xi drabi t-tajjeb jgħamik fil-ħajja. Kemm noqgħodu attenti l-kapaċita’ li naraw. Ejjew nitolbu l-Mulej jiftaħli għajnejja ħa nara.

2. Li titħassar

Imbagħad it-tieni ħaġa biex iġġib ruħek ta’ proxxmu vera jrid ikollok il-kapaċita’ li titħassar, li jkollok il-kompassjoni mhux biss li tara għax inti tista’ tara u tiġġudika u jekk toqgħod tiġġudika ma għandekx ħin biex tħoss għan-nies b’mod speċjali quddiem it-tbatija u quddiem l-iżbalji tal-persuni, quddiem il-faqar. Xi drabi dejjem hemm raġuni biex ma tgħinnx lil dak li jkun mhux biex tgħinnu. Dejjem issib raġuni biex ma tgħinnx mhux biex tgħin għeżież tiegħi u din irridu noqgħodu attenti ħafna għaliha, għax jekk aħna rridu naraw is-sitwazzjonijiet inkunu nanalizzawhom dejjem għandna raġuni biex ma ngħinnux il-fqir u l-batut. Imma jekk int trid tara mhux tiġġudika trid imbagħad tidħol fil-qalb tal-bniedem u tara x’hemm f’qalbu li ħaddieħor mhux kapaċi jara, x’waslu biex jiżbalja, x’waslu biex daħal f’dil-bawxati li fih hemm bżonn li waslitu hawn biex ikun imkisser u imfarrak.

Meta aħna naraw għeżież tiegħi kif nistgħu ma nitħassrux dinja li hi vojta minn Alla xi drabi.

  • Familji li jitkissru,
  • żgħażagħ imkissirn bid-droga,
  • żgħażagħ li huma mkissrin fir-relazzjonjiet,
  • koppji miżżewġin diġa’ mfarrkin fiż-żwieġ tagħhom,
  • persuni li jkissru l-familja għeżież tiegħi,
  • persuni li jkissirhom ħaddieħor fil-familja,
  • kif nistgħu ma nitħassrux realta’ bħal din?
  • Kif nistgħu ma nitħassrux tfal li qed jitilgħu mingħajr ġenituri tagħhom?
  • Tfal li forsi huma minsija u friżati għeżież tiegħi f’laboratorji tagħna.
  • Kif nistgħu aħna ma nitħassrux għeżież tiegħi nies li spiċċaw kriminali, imma meta tisma’ l-istorja tagħhom tirrealizza li hemm tant sofferenza li wħud minnhom sa minn ċkunithom?
  • Kif nistgħu ma nitħassrux nies li huma fil-prostituzzjoni u xi drabi hemm min jinqeda bihom għeżież tiegħi?
  • Kif nistgħu ma nitħassrux nies li jgħixu barra t-triq fi żminijietna?

Aħna qed ngħixu f’soċjeta’ f’Malta fejn in-numru ta’ homeless qiegħed jikber, qiegħed jiżdied, nies li ma għandhomx saqaf fuq rashom. Issa hi x’inhi r-raġuni l-punt hu li għandna nies li joħorġu per eżempju mill-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin u ma għandhomx fejn immorru. Mhux għax m’hemmx min irid jgħinnhom imma għax m’hemmx il-possibilta’ għeżież tiegħi, li għandna persuni li spiċċaw barra t-triq. Din mhix aċċettabbli fis-soċjeta’ tagħna, mhijiex!

Kif nistgħu nagħlqu għajnejna? Kif nistgħu ma nħossux għal tant nies illi jħossuhom waħedhom? Anzjani li jħossuhom mormija mis-soċjeta’ tagħna, minn persuni, mill-familjari tagħhom stess. Nies li jħossuhom lonely, is-solitudni għeżież tiegħi li tkisser il-qalb tal-bniedem. Kif nistgħu ma nitħassrux sitwazzjonijiet bħal dawn? Issa ċertament ċerti persuni jistgħu waqgħu l-ġebla fuq saqajhom u għandhom tort huma granted imma nitħassarhom iktar meta jagħmlu hekk, għax min jagħmel ħsara lilu nnifsu aktar nitħassru.

Dil-kapaċita’ li nħossu fil-qalb tagħna jew qalbna tant xriefet? Jew qed nitilfu r-ruħ soċjali? Il-Vanġelu soċjali, il-Vanġelu tal-karita’, il-Vanġelu tal-imħabba, tal-kompassjoni. Kif nistgħu ma nitħassrux nies li huma bla Alla f’ħajjithom? Għax min hu bla Alla għandu qalbu vojta anke jekk ma jirrealizzax. Għeżież tiegħi, ejjew ma jkollnix qalb iebsa, ejjew nitħassru pero’ ejja tkun kompassjoni li twassalna għall-azzjoni.

3. Li naġixxi

Naraw, nikkompatixxu, naġixxu għeżież tiegħi. Naraw, nikkompatixxu, naġixxu. Dak huwa l-pjan pastorali ta’ Ġesu’ tara, tħoss, taġixxi. Dak li trid tkun il-Knisja, tara. tħoss, taġixxi. Dak li jridu jkunu l-għaqdiet tagħna, jaraw, iħossu u jaġixxu għeżież tiegħi. Dan ir-raġel Samaritan aġixxa ma qagħadx jagħti kas ‘ee dak Lhudi u jien Samaritan aħna żewġ razzez differenti ma nitħalltux bejnietna’. M’hemmx razziżmu, m’hemmx lok għar-razziżmu fil-qalb tan-Nisrani, għax dak abjad għax dak iswed.

  • M’hemmx lok għal kliem li jiddiskrimina
  • għax persuna hija ta’ reliġjon differenti minni,
  • għax persuna hija ta’ kulur ta’ ġilda differenti minni,
  • għax persuna għandha orjentament sesswali differenti minn tiegħi.

M’hemmx lok għal diskriminazzjoni fl-imħabba tagħna, fil-karita’ tagħna għeżież tiegħi.

Ġesu’ qalilna: Kull ma tagħmlu mall-oħrajn tagħmluh miegħi u li ma tagħmlux mall-oħrajn ma tagħmluhx miegħi. Mela jridna naġixxu mhux inħarsu lejn it-Tv u naraw sitwazzjoni li titħassarha u fl-istess sekonda tagħfas buttuna u tara stazzjon ieħor fuq xi ħaġa li ma għandha xejn x’taqsam u tinsa dak li rajt qabel. Jew tagħmel find fuq l-Internet għeżież tiegħi u filli qed tara sitwazzjoni iebsa f’daqqa waħda tara xi ħaġ’oħra li togħġbok u nsejt it-tbatija ta’ qabel, għax aħna sirna naraw, nitħassru għal sekonda xi kultant jekk nitħassru u f’sekonda qisu qatt ma kien xejn għeżież tiegħi – il-ħajja tkompli. Jieħu l-azzjoni min jara u jitħassar, li jitqanqal li jgħid jien ma nistax! Kemm tant nies jaraw l-istess sitwazzjonijiet imma xi drabi persuna waħda taġixxi u tagħmel xi ħaġa, imbagħad tqanqal l-eżempju tal-oħrajn. Kun ‘INT’ dik il-persuna li mhux tgħid: ‘Ħadd m’hu qed jagħmel xejn,’ għidt ‘int x’tista’ tagħmel?’ b’mod speċjali jekk int Nisrani, jekk int qed timxi wara Ġesu’.

Ħalli l-laqgħa tiegħek mal-Mulej

  • tiftaħlek għajnejk,
  • tħoss għall-oħrajn u tagħmel xi ħaġa fil-prattika,
  • fil-familja tiegħek,
  • fuq ix-xogħol tiegħek,
  • fil-komunita’ tiegħek,
  • fil-lokalita’ fejn inti tgħix,
  • fir-raħal, fil-belt tiegħek,
  • fil-pajjiż tiegħek,
  • fil-Knisja tiegħek.

Ejjew ilkoll kemm aħna nġibu ruħna ta’ proxxmu. J’Alla l-imħabba t’Alla u l-imħabba tal-proxxmu qatt ma nifirduha fil-ħajja tagħna u j’Alla l-imħabba tagħna lejn Alla u lejn il-proxxmu timmaterjalizza ruħha f’affarijiet konkreti.

Jiena nħeġġiġkom tiġu għal-laqgħa ta’ ‘Ejjew Għandi’ li tista’ tgħinnkom f’din il-mixja għeżież tiegħi biex nikbru fl-imħabba lejn il-Mulej u l-imħabba lejn xulxin. Sa ma narakom insellmilkom. Idħlu fil-Facebook page tiegħi Fr Hayden, sibu l-avviżi għal-laqgħat tagħna kollha ‘Ejjew Għandi’ b’mod speċjali l-morda u dawk li qegħdin ibatu . Ejjew ħa nitolbu magħkom u ndewwqukom l-imħabba, il-faraġ, il-ħniena, il-fejqan tal-Mulej Ġesu’.

Il-Paċi magħkom u kunu imberkin.

MUR GĦAL-LISTA SĦIĦA TAT-TAĦDIDIET TA’ FR HAYDEN

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s