Il-Laqgħat “Ejjew Għandi” mmexxija minn Fr Hayden

Il-Ħadd, 12 ta’ Ġunju 2022: Fr Hayden jispjega dwar il-Laqgħat “Ejjew Għandi” mmexxija minnu. Ara t-test tagħha taħt il-vidjo …

MUR GĦAL-LISTA SĦIĦA TAT-TAĦDIDIET TA’ FR HAYDEN

Il-Paċi magħkom għeżież tiegħi minn qalbi nilqagħkom għal dan il-mument ta’ riflessjoni fejn inħallu l-qlub tagħna jiltaqgħu flimkien. Illum nixtieq minn qalbi nsellem qabel ma nibda b’mod speċjali lil dawk kollha li jsegwuna anke minn barra minn Malta bil-mezzi differenti ta’ komunikazzjoni soċjali. Insellem mill-qalb lil dawk kollha li jsegwuna mill-Faċilita’ korrettiva ta’ Kordin, familjari tagħhom, dawk li anke huma vittmi għeżież tiegħi ta’ realta’ kriminali li mhijix faċli fil-ħajja. Insellem lill-ħaddiema kollha tal-Faċilita’ korrettiva ta’ Kordin. Insellem lil dawk kollha li huma morda li jinsabu f’xi sptar jew dar tal-anzjani, dawk jħossuhom waħedhom. Iż-żgħażagħ li naf li ssegwu li naf li tkunu qed tistennew anke dal-mument fil-mixja tagħkom kemm umana kif ukoll spiritwali. Insomma nsellem mill-qalb lil kulħadd.

Illum nixtieq naqsam magħkom kelma u mmorru daqsxejn fejn irid neħodkom biha għax irid nagħmlilkom stedina permezz ta’ din il-kelma. Il-kelma li nixtieq naqra għeżież tiegħi hija meħuda mill-Vanġelu skont San Mark fl-ewwel kapitlu tiegħu minn vers 29-il quddiem. Mela qabel dan li ħa naqra x’hemm? Għandna lil Ġesu’ nsibuh jippriedka fis-sinagoga ġewwa Kafarnahum għeżież tiegħi u jkeċċi xitan minn ġo persuna li kienet hemmhekk. Imbagħad x’jiġri?

Ħarġu mis-sinagoga u baqa’ sejjer ma’ Ġakbu u Ġwanni għand Xmun u Indrì. Issa omm il-mara ta’ Xmun (Xmur huwa San Pietru) kienet fis-sodda bid-deni, u malajr qalulu biha. Resaq lejha, qabadha minn idha u qajjimha. U d-deni ħallieha, u bdiet isservihom.

Filgħaxija, imbagħad, fi nżul ix-xemx, ħadulu quddiemu lil dawk kollha li kienu morda jew li kienu maħkuma mix-xitan. U quddiem il-bieb inġabret il-belt bi ħġarha. U fejjaq ħafna morda minn kull xorta ta’ mard, u ħareġ għadd kbir ta’ xjaten li hu ma kienx iħallihom jitkellmu, għax huma kienu jafu min kien.

Dak li laqatni u li mmottivani biex naqsam magħkom din il-kelma għeżież tiegħi hija l-preżenza ta’ Ġesu’ illi jfejjaq u jfejjaq f’ġiex kuntesti partikulari. L-ewwel ħaġa naraw li Ġesu’ mis-sinagoga jmur għal ġod-dar u Ġesu’ jfejjaq fid-dar. Ir-realta’ għeżież tiegħi hi illi Ġesu’ jagħmel qabża mis-sinagoga jiġifieri fejn il-Komunita’ hija miġbura għalina nistgħu nsejħulha l-Knisja u minn hemmhekk imur ġo familja. U kemm hu sabiħ dan il-passaġġ li jagħmel Ġesu’, kemm hu sabiħ il-passaġġ illi jieħdu lil Ġesu’ magħhom id-dar ma jħalluhx maqful fis-sinagoga. Hu jrid imur u huma jieħduh magħhom. Din hi l-istedina li l-Mulej irid jagħmel fil-ħajja tagħna għeżież tiegħi. Ġesu’ ma jridx jibqa’ maqful fil-Komunita’ tal-Insara fil-Knisja rrid illi jiġi fid-djar tagħna. Irid ukoll li aħna noħduh fid-djar tagħna.

Meta jiġi fid-dar Ġesu’ jsib ċirkustanza partikulari ta’ persuna li hija marida. Dil-persuna ma kinitx fis-sinagoga kienet fid-dar marida. Issa fil-kas tagħha din kienet il-kunjata ta’ Pietru u l-mard tagħha kien id-deni. Pero’ aħna jista’ jkun li għandna persuni għeżież tiegħi illi m’humiex preżenti fil-Komunita’ Kristjana, m’humiex preżenti fil-Knisja biex niftehmu, ma jiġux il-Quddies biex niftehmu u r-raġuni l-għaliex huma morda. Morda fis-sens li

  • jista’ jkun hemm weġgħa,
  • jista’ jkun hemm rabja,
  • jista’ jkun anke weġgħa minn naħa tal-Knisja,
  • weġgħahom xi ħadd tal-Knisja,
  • weġġgħahom xi qassis,
  • jew weġġgħathom xi kelma li ħarġet minn fomm il-Knisja,
  • anke forsi ma fehmux l-affarijiet u ħaduha hekk.

Il-punt li jista’ jkun hemm persuni illi għandhom id-deni tagħhom u għalhekk ma jersqux lejn il-Knisja.

Lil dil-persuna Ġesu’ ma jgħidilhiex għalfejn ma kontx is-sinagoga, hemmhekk kont qiegħed infejjaq u neħles anke ftit qabel? Imma Ġesu’ propju jmur isibha lill-kunjata ta’ Pietru fl-ambjent tagħha u jfejjaqha hemmhekk. Id-djar tagħna għeżież tiegħi, iż-żwieġ tagħna, il-familji tagħna għandhom bżonn il-preżenza ta’ Kristu li jfejjaq. Fid-dar, fil-post tagħna u ħafna drabi għalina li nemmnu l-Mulej irid jinqeda bina biex iġib dan il-fejqan li huwa jixtieq iwassal. Allura importanti ħafna illi aħna nħallu lil Ġesu’ jiġi magħna d-dar, noħduh magħna fid-dar, jużana fid-dar tagħna biex iġib il-fejqan tiegħu. Kemm għandna feriti fil-familji tagħna! Kemm għandna wġigħ fid-djar tagħna għeżież tiegħi! Hekk illi xi drabi s-soluzzjoni xi tkun?

  • Ir-rabja,
  • nidgħu,
  • inqattgħu l-karti ,
  • niddivorjzaw,
  • nibgħatu lil xulxin ‘l hemm,
  • ma nitkellmux aktar,
  • separati taħt saqaf wieħed,
  • nitgħajru,
  • nibqgħu nsemmu l-passat,
  • nibqgħu ngħawwru fil-feriti,
  • nimpikkaw?

Għamlu lista kemm tridu.. Għandna way out -Ġesu’ jrid jiġi fid-djar tagħna u jfejjaq, iftħulu qalbkom maħbubin tiegħi u ma ningħalqux fil-weġgħat tagħna.

Il-familji li jwarrbu ‘l Kristu ‘l barra ħa jispiċċaw bla tama. Kemm ma nixtieqkomx! Ġesu’ jrid jidħol fil-familji tagħna mhux biex iħossu tajjeb imma biex aħna nkunu tajbin. Għaliex Kristu tant huwa mħabba illi biex ngħid hekk jinsa aħna x’nistgħu nagħmlu lilu. Iffissat fuq hu xi jrid jagħmel lilna, iħobbna, ifejjaqna, minn qalbi ngħidilkom tuh iċ-ċans.

Pero’ l-Vanġelu jagħlaq għeżież tiegħi billi din il-familja li tagħmel din l-esperjenza f’daqqa waħda d-dar tagħha titbiddel post minn fejn Ġesu’ jfejjaq mhux biss dak li hemm fid-dar il-mard li hemm imma jfejjaq in-nies tar-raħal, in-nies ta’ madwar.

Filgħaxija, imbagħad, fi nżul ix-xemx, ħadulu quddiem dawk kollha li kienu morda jew li kienu maħkuma mix-xitan u quddiem il-bieb inġabret il-belt bi ħġarha. U fejjaq ħafna morda.

Dawn għeżież tiegħi marru fi nżul ix-xemx qed nassumi li wara l-ġurnata tax-xogħol. Hekk inżul ix-xemx meta aħna nistgħu biex ngħidu hekk niġu f’din il-preżenza ta’ Ġesu’ biex jagħtina l-fejqan tiegħu. Inżul ix-xemx jista’ jkun wara ġurnata, wara l-għejja tax-xogħol, inżul ix-xemx tista’ tkun meta jibda jidħol id-dlam fil-ħajja tagħna, jista’ jkun il-qtigħ ta’ qalb li aħna nġorru ġewwa fina. Jista’ jkun li ppruvajna kollox ħadna l-pariri, morna għall-għajnuna, u ma nafx xiex u qtajna qalbna minn kollox u forsi l-Mulej ngħidulu: ‘Ġejt għandek wara li falla kulħadd.’ Ma jimpurtax! Mhux se jkeċċik anke jekk Ġesu’ huwa l-aħħar persuna li ħa tiġi għandu, mhux ħa jgħidlek: ‘Għalfejn ma ġejtx mill-bidu għandi?’ Le! għeżież tiegħi aħna lkoll għandna l-inżul ix-xemx. L-inżul ix-xemx jista’ jkun l-għażż tiegħek illi dejjem toqgħod titbiegħed mill-Knisja, iġġib l-iskużi jew għandek raġunijiet validi. Ma jimpurtax! Fl-inżul ix-xemx il-ġurnata tagħna ejjew ma nitilfuhiex għad għandna ċ-ċans.

Dawn marru nġabru għeżież tiegħi fil-post fejn Ġesu’ kien u propju f’dan il-kuntest nixtieq li nagħmlilkom stedina jien illi fi nżul ix-xemx tiġu tinġabru għall-mumenti ta’ laqgħat ta’ talb jisimhom ‘Ejjew Għandi’ li norganizza minn żmien għall-ieħor. Huma mumenti li norganizzahom flimkien mal-Fraternita’ Franġiskana ta’ Ġesu’ u Marija hija Komunita’ ta’ lajċi, approvata mill-Knisja lokali f’Malta li tagħmel mixja ta’ formazzjoni u ta’ evanġelizzazzjoni, illi flimkien nitolbu anke

  • għall-grazzja tal-fejqan spiritwali,
  • għall-fejqan tal-emozzjonijiet tagħna,
  • għall-fejqan tal-passat tagħna,
  • għall-fejqan fiżiku tagħna,
  • għall-fejqan mill-biżgħat tagħna,
  • għall-fejqan mid-dnub tagħna.

Hija esperjenza sħiħa li jiena qed nistedinkom sabiex tiġu għaliha.

Dawn il-laqgħat għeżież tiegħi li ili norganizzahom flimkien ma’ din il-Fraternita’ ħallew ħafna frott għall-grazzja t’Alla. Rajna diversi persuni li l-Mulej misshom fl-ħajja tagħhom. Rajna diversi nies li jistgħu jgħidu ltqajt ma’ Ġesu’ illi miss il-ħajja tiegħi, li fejjaqni, li qed jibdilni bil-mod ‘il mod. Ma nista’ nwiegħed lil ħadd illi ħa jsir xi miraklu miegħu għeżież tiegħi pero’ nista’ nwegħedkom li jekk tiltaqgħu ma’ Ġesu’ ma titilqux kif dħaltu. Kif? F’liema qasam tal-ħajja tagħkom se jmisskom, x’se jagħmel fil-ħajja tagħkom ma nistax inwegħedkom jien  li nista’ nwegħedkom biss hija ħaġa waħda li Ġesu’ huwa preżenti, li l-laqgħa tagħna miegħu li tiegħu magħna jekk niftħulu u nagħtuh ċans se jagħmel xi ħaġa fil-ħajja tagħna.

Għalhekk nistedinkom sabiex tfittxu daqsxejn ftit minn mument għall-ieħor jekk intom tidħlu fil-Facebook page tiegħi Fr Hayden issibu l-avviżi dejjem ta’ dawn il-laqgħat ‘Ejjew Għandi’ anke xi kultant issibu reklami u avviżi f’mumenti oħrajn, f’mezzi tax-xandir. Meta tisimgħu li jkun hemm dawn il-laqgħat ejjew, ġibu lill-ħaddieħor magħkom, organizzaw trasport, hawn min jorganizza Mini Bus per eżempju u jġibu grupp ta’ nies miegħu. Ejjew għaliex meta niġu flimkien, il-qawwa tat-talb flimkien li mhix qawwa maġika hija l-imħabba. Meta nitolbu flimkien hu att ta’ mħabba. U anke intom ‘il bogħod mill-Knisja. Jiena naf nies illi l-Quddies ma jiġux imma għal dil-laqgħa jiġu hija l-ewwel point of contact minn x’imkien ma tridx tibda? Allura, kuraġġ! Ħeq, Ġesu’ ma jiltaqax magħna kif jixtieqna jiltaqa’ magħna fejn aħna għeżież tiegħi fil-ħajja tagħna, u għalhekk nixtieq nagħmel minn qalbi stedina verament lil kulħadd.

Ħadd ma jista’ jgħid

  • jien daqshekk ħażin,
  • jien qed ngħix fid-dnub,
  • jien daqshekk għaxxaqtha,
  • jien daqshekk minix tajjeb li ma jistħoqqlix niġi.

Le! inti iktar għandek tiġi għaliex inti l-mimmi ta’ għajnejh Ġesu’. Jekk tgħidli għalhekk ma tistax tiġi l-Mulej qed toffendih u jiena min jiena biex inkeċċik ‘il barra? Qatt ma nista’ nagħmilha. Ġesu’ qalilna: ‘Min jiġi għandi jien ma nkeċċihx ‘il barra.’ Kieku nista’ din niktibha fuq l-għatba tal-kunvent jiena u fuq il-kamra fejn nara n-nies jiena. ‘Min jiġi għandi jiena ma nkeċċihx ‘il barra.’ Il-Mulej ma jkeċċi lil ħadd! Għeżież tiegħi għalhekk ejja kif int, ejja b’min trid, ġib lil min trid miegħek jekk tiddejjaq itlaq ‘il barra x’ħin jogħġbok ukoll, jekk trid tiġi tard ejja wkoll imma nixtieq illi tiġi.

Biex indewwaqkom ftit hekk din l-esperjenza b’mod sempliċi ta’ dawn il-laqgħat ħalli forsi min qatt ma ġie biex jitħajjar jiġi ħa nurikom anke ftit mumenti mill-laqgħa, waħda mill-laqgħat illi kellna dan l-aħħar sabiex ikollkom ftit idea, daqsxejn appitizer ta’ dawn il-mumenti sempliċi ta’ Kelma t’Alla u ta’ talb li aħna jkollna l-laqgħat ‘Ejjew Għandi’. Jiena nixtieqkom mill-qalb illi tagħmlu ħilitkom illi tiġu, tfittxu, taraw meta jkunu u ma tiġux waħdekom. Ġesu’ se jkun qed jistenniekom. In-nies li marru għeżież tiegħi fi nżul ix-xemx tahom il-fejqan li kellhom bżonn. Ejjew f’din id-dar li hija l-Knisja, ejjew jekk trid toqgħod wara ħdejn il-bieb ma jimpurtax hawnhekk ħdejn il-bieb inġabru n-nies mhux ġod-dar, quddiem il-bieb. Id-dar kienet privata Ġesu’ fejjaq in-nies fit-triq. Jekk trid toqgħod ħdejn il-bieb ta’ barra, ejja oqgħod ħdejn il-bieb ta’ barra wkoll. Ejja oqgħod komdu kif trid u kif tixtieq inti, pero’ ċċaħħadx lilek innifsek minn din l-opportunita’ tad-deheb li jista’ jkollok li Ġesu’ lilek jagħtik tama ġdida, jagħtik fejqan ġdid. Ġesu’ qed jgħidlek ‘Ejja Għandi’ – titlifx din l-opportunita’. Ġesu’ qed jistenniek, qalilna min jiġi għandi jiena ma nkeċċihx ‘il barra. Segwu din il-laqgħa ‘Ejjew Għandi’ u ddeċiedu illi tiġu.

Ejjew Għandi – 13 ta’ Mejju, 2022

‘Wara dan nerġa’ niġi u nibni d-dar ta’ David, li ġġarrfet u nerġa’ ntella’ l-ħerba tagħha u nwaqqafha mill-ġdid.’ (Atti 15 :16)

Alla jwiegħed għeżież tiegħi, illi meta l-poplu jiġġarraf jerġa’ jibnieh mill-ġdid mit-tifrik tiegħu. Mhux li jibnieh mill-ġdid, li jibnieh mill-ġdid mit-tifrik tiegħu u aħna għeżież tiegħi fil-ħajja tagħna għad-diversi ċirkustanzi jista’ jkun li aħna bħalissa għandna t-tifrik, il-fdal fil-ħajja tagħna.

  • Il-fdal tar-relazzjoni.
  • Il-fdal tal-imħabba. 
  • Il-fdal tat-tama.
  • Il-fdal tal-familja.
  • Il-fdal taż-żwieġ.
  • Il-fdal tar-relazzjoni tal-ġenituri u l-ulied.

X’fadal fik? Il-fdal għeżież tiegħi, it-tifrik li faċilment it-tentazzjoni tagħna tkun li narmuh. Imma Alla dak li xi drabi aħna rridu narmu barra mill-ħajja tagħna jrid jużah biex jibnina mill-ġdid, anke it-tgħaffiġ tagħna stess. Il-Mulej jibnina mill-ġdid għeżież tiegħi mit-tgħaffiġ tagħna, mid-dnub tagħna, mit-tkissir, mit-taħwid anke jekk dħalna ġol-ħajt, minn hemmhekk jerġa’ jibnina.

(Kant ta’ adorazzjoni fl-isfond)

Mulej Ġesu’, illejla ġejna lkoll hawnhekk quddiemek; ġejna b’dak kollu li aħna.

  • Ġejna bil-mard tagħna,
  • bil-qtigħ il-qalb tagħna,
  • bit-tifrik fiż-żwieġ u fil-familja,
  • fis-soċjeta’,
  • fil-Knisja,
  • it-tifrik f’moħħna,
  • it-tifrik fl-emozzjonijiet tagħna,
  • it-tifrik fil-gwerra li qed ngħixu.

Ġejna nħallu kollox hawn f’riġlejk għaliex aħna konvinti Mulej li int se tibnina mill-ġdid. Illum mhux il-qtigħ il-qalb Ġesu’ qed imexxina, imma l-fiduċja għamja fik u fil-Madonna Ommna. Ibgħat lil Marija fostna llejla, għidilna mill-ġdid ‘Hawn hi Ommkom.’ Għidilha ‘Dawk huma wliedek,’ kun magħna Ma, adura lil Ġesu’ fostna.

Ħares lejn il-Kurċifiss,

  • inti daqshekk tiswa.
  • Inti m’intix cheap,
  • inti m’intix biex jużawk u jarmuk,
  • inti m’intix biex jieħdu minnek il-pjaċir sesswali u jużawk,
  • int m’intix biex jieħdu l-flus u jarmuk,
  • il-valur tiegħek m’huwiex li jinqdew bik.

Il-valur tiegħek hu dak li Ġesu’ jagħtik. Int tiswa daqskemm jiswa d-demm ta’ Kristu mċarċar fuq is-salib.

Ħares lejh u għidt ‘Dak imsallab għalija, mhux għalina, għalija, għalija! Just feel it in your heart. He died for you!

  • Int anke jekk qed tidgħi bih,
  • int anke jekk toffendieh,
  • int anke jekk tiddubitah,
  • int anke jekk abbandunajtu u ċħadtu,
  • int anke jekk ma temminx.

Int – għax lilek ħabb, għax ma jiddependix minnek, jiddependi minnu għax għażel li jħobbok! Emmen fl-imħabba ħija u oħti, int maħbub/ maħbuba fit-tifrik tiegħek biex jibniek mill-ġdid.

(Kant ta’ adorazzjoni fl-isfond)

Kull tifrik li hemm f’qalbek u f’ħajtek ċedihielu lil Ġesu’ bħalissa. Għidlu

  • dan hu jien,
  • dan hu moħħi,
  • din hija qalbi,
  • din hi saħħti,
  • dan hu ż-żwieġ tiegħi,
  • din hi familti,
  • ċedihielu.

Just surrender all to Jesus.

(Kant lill-Ispirtu s-Santu fl-isfond)

Ejja nsejħu l-Ispirtu t’Alla li hu qawwa. Ejja Spirtu Qaddis! Ejja fejjaq lill-poplu tiegħek. Spirtu s-Santu nitolbok f’Isem Ġesu’ ejja fejjaq u eħles lil dal-poplu f’riġlejn Kristu. Minn qalbkom say Come Holy Spirit! Ejja Spirtu Qaddis! Ejja Spirtu s-Santu! Ejja eħles Spirtu Qaddis ta’ Alla. Ejja fostna u fejjaq lil kull wieħed u waħda minna Spirtu Qaddis. Come Holy Spirit and heal us!

Mulej Ġesu’, nixtieq nitolbok

  • għal dawk li huma morda bil-cancer,
  • anke jekk m’humiex magħna,
  • jekk qegħdin id-dar,
  • jekk qegħdin l-isptar,
  • jekk qegħdin imsifrin.

Għalik m’hemmx distanzi, inti Alla tal-mirakli m’hemm xejn li ma tistax tagħmel. Jiena nemmen fik Ġesu’ u nafdak. Sawwab il-qawwa tal-Ispirtu tiegħek Mulej fuq kull cancer Mulej anke li hawn fil-Knisja, u nixxef iċ-ċelloli morda Mulej. I rebuke that cancer in Jesus Name.

Mulej nitolbuk biex inti tfejjaq is-side effects tal-mediċini u tbierek l-effetti pożittivi tal-mediċini. Agħti d-dawl lit-tobba. Lord, I ask you to heal cancer in patients tonight.

(Kant ta’ fidi fil-fejqan t’Alla)

Fil-Vanġelu nsibu wieħed raġel għama jismu Barilmew illi lil Ġesu’ kull ma’ talbu kien ‘Ġesu’ Bin David, ikollok ħniena minni!’ Ejjew nitolbu qabel ma nagħlqu din il-laqgħa lil Ġesu’ jkollu ħniena minna. Ratisbonne meta ħares lejn il-Madonna ra l-ħniena. Tereża meta l-Madonna tbissmitilha rat it-tenerezza. Ġesu’ għaddej minn hawn hu ħanin magħna. Il-ħniena tiegħu hi ikbar mit-tifrik tagħna u bil-ħniena jibnina mill-ġdid. Ejjew nitolbuh: Ħenn għalina! Ħenn għalina Ġesu’!

(Kant ta’ talb għall-fejqan u għall-ħniena t’Alla)

Nixtieqkom qabel nirċievu l-barka itlobu

  • għall-persuni fil-familja tagħkom,
  • ħbieb,
  • qraba,
  • kollegi,
  • ġirien,
  • f’Malta,
  • barra

li huma ‘l bogħod minn Ġesu’. Ma ngħidux li huma nies ħżiena. Kulħadd għandu t-tajjeb fil-qiegħ ta’ qalbu, nitolbu li jiskopru li hemm Ġesu’ li jħobbhom, nitolbu li jiskopru l-imħabba t’Alla. Għaliex il-bniedem ifieq meta huwa maħbub mhux meta huwa ġġudikat. It-tifrik tagħna l-Mulej ifejqu daqskemm inħalluh iħobbna u mhux daqskemm aħna nirranġaw ħajjitna. Itolbu għal min hu ‘l bogħod mis-Sagramenti, mill-Knisja, mill-Qrar, mill-Quddies, biex Ġesu’ permezz tal-Madonna jiġbdu lejh illejla. Semmuhom b’isimhom, b’att ta’ fidi, ħa nitolbuh iħenn għalihom.

Nittama għeżież tiegħi li hekk dan il-mument li qsamt magħkom ta’ din il-laqgħa ta’ talb ‘Ejjew Għandi’ kien mument li anke minn issa stess forsi beda jiżra’ xi ħaġa fil-qalb tagħkom, tinbet ix-xewqa li tiġu. Kunu determinati. Xi drabi meta tieħu deċiżjoni li ħa tagħmel pass ‘il quddiem jinqala’ minn kollox biex ma tiġix. Taqtax qalbek! Ibqa’ determinat. Ftakar illi l-Mulej qed jistenniek, għatxan biex jagħtik, għatxan biex imiss qalbek u ħajtek u tal-għeżież tiegħek iktar milli inti għatxan li tersaq lejh. Forsi tista’ tiġi anke f’isem xi ħadd li qiegħed l-isptar, xi ħadd li huwa msiefer, xi ħadd li ma jistax jattendi, tiġi f’ismu għax l-imħabba hekk tagħmel, niġu f’isem xulxin. Għalhekk filwaqt li nitlobkom sabiex minn qalbkom titolbu għalija, jiena nitlob għalikom sabiex il-Mulej anke jmisskom, iberikom, iħares il-ħajja tagħkom u jagħtikom kull fejqan li għandkom bżonn f’ħajjitkom.

Il-Paċi magħkom u kunu mberkin.

MUR GĦAL-LISTA SĦIĦA TAT-TAĦDIDIET TA’ FR HAYDEN

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s