Determinat!

Is-Sibt, 15 ta’ Ġunju 2019: Riflessjoni ta’ Fr Hayden dwar Lq 9:51-62, il-Vanġelu tat-13-il Ħadd matul is-Sena (Sena Ċ). Ara t-test tagħha taħt il-vidjo …

MUR GĦAL-LISTA SĦIĦA TAT-TAĦDIDIET TA’ FR HAYDEN

Il-Paċi magħkom għeżież tiegħi. Minn qalbi nilqagħkom għal darb’oħra għal dan il-programm ‘Ejjew Għandi’ li huwa stedina ħajja tal-Mulej Ġesu’, illi jgħidilna biex niġu għandu mhux biex iħallina b’idejna vojta tafux imma biex jagħtina l-imħabba tiegħu, il-ħniena tiegħu, il-Kelma tiegħu anke jekk inkunu għaxxaqniha ħbieb tiegħi, anke jekk inkunu żbaljana, għamilna x’għamilna, konna x’konna, kien x’kien il-passat tagħna. Ġesu’ qalilna min jiġi għandi ma nkeċċihx ‘l barra. Din hija stedina ħajja ta’ Ġesu’ li qed jagħmillek biex inti taċċettah fil-ħajja tiegħek biex tibqa’ timxi warajh bħala l-uniku Sid, bħala l-uniku Salvatur ta’ ħajtek.

Nixtieq insellem mill-qalb għeżież tiegħi lil sħabi kollha fil-Faċilita’ korrettiva ta’ Kordin, il-familjari tagħkom anke n-nies li huma forsi vittma ta’ xi ħadd għeżież tiegħi, ta’ xi reat kriminali, insellmilkom ilkoll minn qalbi fit-tbatijiet tagħkom. Nixtieq insellem għeżież tiegħi wkoll anke lill-morda, lill-anzjani, lil ħuti fis-saċerdozju, fil-ħajja kkonsagrata. Is-saċerdoti anzjani fid-dar tal-Kleru nsellmilkom mill-qalb li naf li tkunu qegħdin isegwu b’xi mod jew b’ieħor dal-programm, u nsellem mill-qalb lil dawk kollha li jsegwuna minn barra minn Malta permezz tal-komunikazzjoni soċjali.

Illum il-Kelma li se naqsam magħkom meħuda mill-Vanġelu skont San Luqa kapitlu 9 minn vers 51 sa 62. Nisimgħu x’jgħidilna l-Vanġelu:

Meta qorob għalih iż-żmien li fih kellu jittieħed mid-dinja, b’rieda sħiħa dar u telaq lejn Ġerusalemm. U bagħat xi messaġġiera qablu li, huma u sejrin, daħlu f’raħal tas-Samarija biex iħejjulu fejn joqgħod. Iżda hemmhekk ma laqgħuhx, billi hu kien sejjer Ġerusalemm. Meta raw dan, id-dixxipli Ġakbu u Ġwanni qalulu: “Mulej, tridx ngħidu lin-nar jinżel mis-sema u jeqridhom?” Iżda hu dar fuqhom u ċanfarhom. U marru f’raħal ieħor. Huma u miexja fit-triq kien hemm wieħed li qallu: “Tmur fejn tmur, jiena niġi warajk.” U qallu Ġesù: “Il-volpijiet għandhom l-għerien tagħhom u l-għasafar tal-ajru l-bejtiet, iżda Bin il-bniedem ma għandux fejn imidd rasu.” Lil wieħed ieħor qallu: “Imxi warajja.” Iżda dak wieġbu: “Ħallini l-ewwel immur nidfen lil missieri.” Iżda hu wieġbu: “Ħalli l-mejtin jidfnu l-mejtin tagħhom; iżda int mur u xandar is-Saltna ta’ Alla.” U ieħor ukoll qallu: “Jien niġi, Mulej, warajk, imma l-ewwel ħallini nsellem lil tad-dar.” Qallu Ġesù: “Min iqiegħed idu fuq il-moħriet u jħares lura mhuwiex tajjeb għas-Saltna ta’ Alla.”

Dal-Vanġelu għeżież tiegħi jibda billi qisu jpoġġilna lil Ġesu’ li jaf li wasal mument partikulari f’ħajtu. Ċioe’ l-mumenti li jittieħed minn din id-dinja għal għand il-Missier f’kelma waħda l-mument tal-passjoni u Ġesu’ meta f’qalbu jagħraf quddiem Alla missieru li dan huwa l-mument li wasal, il-Vanġelu jgħidilna li Ġesu’ dar b’rieda sħiħa u telaq lejn Ġerusalemm. Ġerusalemm il-post fejn Ġesu’ kellu jagħti ħajtu għalina fuq is-salib għeżież tiegħi. Ġesu’ donnu kien miexi lejn direzzjoni f’daqqa waħda għaraf illi dan huwa l-mument tiegħu u jibdel id-direzzjoni ħalli jmur lejn il-post fejn kellu jbati għalina Ġerusalemm.

U għeżież tiegħi dal-Vanġelu lilna jista’ jsibna f’diċ-ċirkustanza fil-ħajja tagħna. Jista’ jkun li aħna għaddejjin f’mixja f’ħajjtna qegħdin nibnu l-ħajja tagħna, pero’ f’daqqa waħda nqala’ xi ħaġa li qed turina li għandna bżonn nibdlu d-direzzjoni, li għandna bżonn induru ma nibqgħux sejrin fejn konna sejrin u din id-deċiżjoni li għandna bżonn nagħmlu li nibdlu d-direzzjoni għeżież tiegħi tista’ tkun fuq livelli differenti. Tista’ tkun fuq livelli illi għaliex qiegħed ngħaffiġha u għandi bżonn nibdel id-direzzjoni tiegħi, ma nistax nibqa’ ngħaffiġha fil-ħajja. Ma nistax nibqa’ nkisser ħajti, ma nistax nibqa’ nkisser lil marti, lil żewġi, lil uliedi, il-familja tiegħi u neqred lili nnifsi. Ma nistax wasal iż-żmien illi jiena nagħmel bidla fil-ħajja tiegħi. Ma nistax nibqa’ nieħu d-droga, nilgħab il-flus, nipprostitwixxi ruħi, ninqered bl-alkoħol. Kemm se ndum nitkisser u nkisser lil ħaddieħor?

Wasal il-mument illi rrid nibdel ħajti. Irid naqbad triq oħra, il-mument li jrid iwassalni biex nieħu deċiżjoni. Jista’ jkun anke għandna bżonn hekk nagħmlu din id-dawra għeżież tiegħi fil-ħajja tagħna, nagħmlu u nibdlu għeżież tiegħi affarijiet mhux li huma ħżiena fihom infushom pero’ forsi għandek bżonn tieħu deċiżjonijiet biex mit-tajjeb tkun aħjar, mill-aħjar issir qaddis għaliex le? Il-Mulej isejħilna għall-qdusija għeżież tiegħi u ma rridux biex ngħidu hekk naċċettaw standards inqas milli nkunu qaddisin.

Fil-fraġilita’ tagħna kemm irridu pero’ maħbubin tiegħi l-Mulej isejħilna sabiex aħna nkunu nixbhu lilu dik il-qdusija għeżież tiegħi li nħobbu kif iħobb hu anzi nħobbu bil-qawwa tiegħu stess. U allura importanti ħafna li isma’ jekk inti f’qalbek taf li għandek bżonn tieħu deċiżjonijiet trid tibdel ċerta affarijiet f’ħajtek tibqax tkaxkar bihom, tibqax tkaxkar bihom. Pero’ Ġesu’ meta jibdel id-direzzjoni biex imur lejn Ġerusalemm u ngħiduha din nirrepettiha f’kuntest ta’ tbatija, Ġesu’ jmur determinat, b’rieda sħiħa tgħidilna l-Kelma t’Alla. U propju nixtieq nieqaf nenfasizza din id-determinazzjoni għeżież tiegħi. Għaliex din id-determinazzjoni xi drabi nsibuha tant nieqsa fil-ħajja tagħna. Xi drabi nħossuna tant dgħajfin, inħossuna pendlu

  • nilgħabu bejn pożizzjoni u oħra,
  • bejn naħa u oħra,
  • bejn dik id-deċiżjoni u oħra,
  • pass ‘il quddiem mija lura.

Għandna bżonn għeżież tiegħi jkollna l-qawwa tal-Ispirtu t’Alla ġewwa fina li jagħmilna nies determinati għeżież tiegħi. Min mhux determinat ma jimxix ‘il quddiem fil-ħajja tiegħu f’kull aspett u nixtieq naqsam magħkom xi areas fejn inħoss li għandna bżonn inkunu determinati fi żminijietna għeżież tiegħi, fil-ħajja tagħna.

1. Determinati li nkunu nies ta’ talb

L-ewwel ħaġa li nixtieqkom tkunu determinati fit-talb. Tkunu determinati li tkunu nies ta’ talb. Għaliex xi drabi għeżież tiegħi jista’ jiġrilna li nibdew nitolbu forsi dak li nibdew nitolbu ma naqilgħux, naqtgħu qalbna, ngħid Alla ma jħobbnix, Alla ma jridx jismagħni, u naqbdu għeżież tiegħi u naqtgħu qalbna mit-talb. Għeżież tiegħi nixtieq inħeġġiġkom ilkoll kemm intom sabiex ma tibirdux milli titolbu. Li tibqgħu determinati li tkunu nies ta’ talb. Ġesu’ meta jmur Ġerusalemm hawnhekk kif iddeċieda li jagħmel fl-Ort tal-Ġetsemani skont dan l-istess Vanġelu ta’ San Luqa jgħidilna illi Ġesu’ iktar ma’ ra illi l-passjoni ġejja fuqu, aktar jitlob b’ħerqa ikbar. Ġesu’ jitlob b’ħerqa ikbar iġifieri huwa determinat fit-talb. Mhux

  • meta jara l-affarijiet ġejjin ħżiena jitlob inqas,
  • mhux meta jarah dgħajjef jitlob inqas,
  • mhux meta jegħreq l-għaraq tad-demm jitlob inqas,

imma jitlob iktar. Iktar talb ma ħelislux il-passjoni pero’ tah id-determinazzjoni u l-qawwa tal-Ispirtu biex jgħaddi mill-passjoni.

Aħna għandna bżonn inkunu determinati fil-ħajja ta’ talb. Jekk xi ħadd minnkom waqaf jitlob, erġa’ ibda itlob qalbi. Il-bieraħ għadda, ibda mil-lum. Erġa’ ibda itlob! Jekk ilek ma tmur il-quddies għandek iċ-ċans ħija u oħti li tista’ terġa’ tibda u tkun determinat fiha. Jekk ilek ma tqerr għandek ċans li terġa’ tibda u kun determinat fiha forsi għandek bżonn min jgħinnek, min jippuxxjak ftit, min jgħinnek anke għand min tmur u kif tagħmel imma taqtax qalbek. Il-Mulej fidil u ħanin u ħa jiġri warajk iktar milli inti tiġri warajh għax jekk hemm xi ħadd li hu determinat huwa Alla għalik u mhux int għal Alla.

  • Ġesu’ determinat li lilek ma jitilfekx.
  • Ġesu’ determinat li lilek jagħtik il-ħajja.
  • Ġesu’ determinat li lilek irid jaħfirlek.
  • Ġesu’ determinat li lilek irid ifejqek,

irid ittik il-paċi mill-ġdid fil-moħħ u fil-qalb tiegħek li d-dnub kissrek ma tistax tibqa’ tgħix f’dal-ħażen. Il-Mulej determinat, int taqtax qalbek kun determinat li tkun persuna ta’ talb. Li tibqa’ tgħidlu: ‘Mulej ħenn għalija; għax jiena midneb.’

2. Determinati li nkunu dixxipli ta’ Ġesu’

Imbagħad ħaġ’oħra li għandna bżonn inkunu determinati fiha marbuta ma’ din. Determinati li nkunu dixxipli ta’ Ġesu’. Determinati li nibqgħu nimxu wara Ġesu’. Determinati illi nkunu fidili lejn il-Mulej Ġesu’ fil-ħajja tagħna. Għax faċilment, għaliex inti temmen fi Kristu

  • fuq ix-xogħol jgħadduk biż-żmien,
  • sħabek iwarbuk,
  • iwaqqgħuk għaċ-ċajt,
  • jaħsbuk li inti antikwat,
  • jaħsbuk li inti ma tifhimx,
  • jaħsbuk li inti bniedem li moħħok mhux f’postu,
  • jaħsbuk li inti nnerdjat

u faċilment inti tibda temmen dawn l-affarijiet u tiġik it-tentazzjoni li tgħid jien ħa nibqa’ nemmen sħabi m’għadhomx, nitlaq il-fidi, ‘il Ġesu’ nwarbu m’għandix x’nambih iktar, din hija kollha fairytale. Le! maħbubin tiegħi Ġesu’ mhux fairytale. Ġesu’ xerred demm ta’ vera fuq is-salib għalija u għalik għeżież tiegħi. Ejjew nibqgħu determinati fi żminijietna li nibqgħu nimxu wara Ġesu’ ta’ vera u ejja nkunu determinati li nimxu wara Ġesu’ bis-serjeta’.

Sfortunatament għeżież tiegħi xi drabi aħna rridu lil Alla u lix-xitan f’ħajjitna.

  • Irridu nimxu wara Ġesu’ pero’ rridu nibqgħu nagħmlu fattina.
  • Irridu nimxu wara Ġesu’ u rridu ngħawwġu l-kliem ta’ Ġesu’ biex noqgħodu komdi.
  • Irridu lil Ġesu’ fil-ħajja tagħna u fejn ma naqblux miegħu nqasqsulu l-Vanġelu.
  • Irridu nimxu wara Ġesu’ pero’ fl-istess ħin irridu nagħtu kas x’jgħid ħaddieħor u nimxu skont x’jgħidu n-nies jew x’jgħidu in-nies influwenti fil-ħajja.

Għeżież tiegħi kun determinat illi fejn Ġesu’ ma joqgħod ħadd! Kun determinat li l-Kelma tal-Mulej ma tagħmilx adulterju minnha, ma taqlibilux. Li l-Kelma tal-Mulej ma tibdilhiex għall-Kelma ta’ bniedem. Li l-Kelma t’Alla ma tibdilhiex għall-kelma ta’ bniedem hu min hu fuq din l-art għeżież tiegħi.

Għandna bżonn din id-determinazzjoni, illi nimxu wara Ġesu’ radikati fil-Kelma tiegħu għeżież tiegħi u nibqgħu ngħidulu: Iva, Mulej naċċettak sal-aħħar anke meta ma nifhmekx. Kun determinati li anke jekk lil Ġesu’ ma tifhmux tibqa’ timxi warajh għax hu biss huwa t-Triq, hu biss huwa l-Verita’, hu biss huwa l-Ħajja. Hekk qalilna u hekk hu.

3. Determinati fiż-żwieġ u l-familji tagħna

Determinati li nitolbu. Determinati li nimxu wara Ġesu’. Determinati fiż-żwieġ u l-familji tagħna.

Kemm nixtieqkom u nħeġġiġkom għeżież tiegħi,

  • kull koppja tgħaddi mill-ġlied,
  • kull koppja tgħaddi mill-iebes,
  • kull koppja tgħaddi mid-diżgwit,
  • tgħaddi mill-ups and downs u
  • xi drabi sitwazzjonijiet vera iebsa.

Pero’ ejja ma naqbdux mill-ewwel inqattgħu l-karti, ma naqbdux mill-ewwel u mmorru għas-separazzjoni, ma naqbdux mill-ewwel immorru għad-divorzju, ma naqbdux mill-ewwel ma nafux lil xulxin aktar. Xi darbi wara sitt xhur, disa’ xhur, sena ta’ ħajja miżżewwġa għeżież tiegħi għax ma naqblux fuq xi ħaġa jikkrolla kollox. Ejja nkunu determinati li rridu nsalvaw iż-żwieġ tagħna at all costs.

Hemm sitwazzjonijiet li huma li huma ma tistax tibqa’ tgħix taħt saqaf wieħed hija vera għeżież tiegħi. Hemm sitwazzjonijiet li vera ma tistax tibqa’ tgħix taħt saqaf wieħed

  • meta hemm vjolenza,
  • meta hemm tkissir tal-moħħ,
  • meta hemm moħqrija,
  • tkissir emozzjonali qawwi

Nifimhom dawn iċ-ċirkustanzi pero’ dik għandha tkun verament l-aħħar għażla wara li nkunu talbna u rajna li verament m’hemmx aktar x’tagħmel, pero’ mhux inqattgħu l-karti mill-ewwel maħbubin tiegħi. Biex ngħidu hekk l-impostazzjoni tagħna, l-imbuttatura tagħna, ix-xewqa tagħna għandha tkun li jiena rrid insalva ż-żwieġ tiegħi u nagħmel l-aħjar mezz possibli. Ilkoll kemm aħna dejjem bil-għajnuna t’Alla għeżież tiegħi għalhekk bdejt bit-talb u bdejt b’Ġesu’ tajjeb?

Aħna l-Insara u anke min mhux Nisrani: Insejjaħlek biex tiftaħ qalbek għal Ġesu’ Kristu, anke jekk m’intix Nisrani u qed tisma’ dan il-programm, iftaħ qalbek għall-qawwa t’Alla li jħobbok, li ma jwarbekx anke jekk int ‘il bogħod minnu kull ma trid tgħidlu: ‘Ġesu’, idħol fil-ħajja tiegħi, naċċettak mill-ġdid f’ħajti u naċċettak għall-ewwel darba saħansitra. Għinni nsir nafek, I’ve messed it up! U ma nistax nibqa’ ngħix f’dal-mess. Għandi bżonn lilek Mulej, aqlgħani int, salvani int għax jien ma nistax naqla’ u nsalva lili nnifsi, iż-żwieġ, lill-familiti, lil uliedi.’ Inkunu determinati maħbubin tiegħi f’dak li huwa ż-żwieġ tagħkom, minn qalbi nħeġġiġkom għal dan.

4. Determinati fit-trobbija tat-tfal

Determinati r-raba’ ħaġa. Determinati li nitolbu. Determinati li nimxu wara Ġesu’. Determinati fiż-Żwieġ. Determinati fit-trobbija tat-tfal. Għeżież tiegħi t-trobbija t’uliedna f’kull fażi għandha l-isfidi u s-sabiħ tagħha. F’kull fażi għandha s-sabiħ tagħha, għandha l-ferħ tagħha pero’ għandha l-isfidi tagħha. Xi drabi għeżież tiegħi meta l-isfidi jsiru kbar meta donnhom it-tfal

  • ma jridux jisimgħu,
  • ma jridux jemmnux,
  • ma jridux jitolbu,
  • ma jridux immorru l-Knisja,
  • ma jridux iqerru u jitqarbnu,
  • ma jridux jiżżewwġu,
  • ma jridu jafu b’xejn.
  • Iridu biss il-flus,
  • ix-xalar,
  • id-divertiment,
  • ħinijiet li huma bla rażan ta’ xejn,
  • ikissru l-ħajja tagħhom,
  • ma jisimgħux milli tgħidilhom meta int qed tgħidilhom għall-ġid tagħhom,
  • jaħsbu li int ma tifhimx imma issa huma jifhmu f’kollox!

Tħossok faċilment u tiġik it-tentazzjoni li taqta’ qalbek minn uliedek. Jien qed ngħidilkom f’isem Ġesu’ Kristu taqtgħux qalbkom! Kunu determinati m’uliedkom anke meta jgħaffġuha, anke jekk jagħmlu l-iktar affarijiet koroh fil-ħajja għeżież tiegħi, anke jekk isiru kriminali jibqgħu wliedkom, jibqgħu wliedkom. Ġesu’ miet bejn żewġ kriminali għeżież tiegħi. Ġesu’ waħda mill-aħħar kliem sabiħ li jgħid huwa lill-kriminal ‘Ilejla inti tkun il-ġenna miegħi.’ Taqgħtux qalbkom! Anke jekk uliedkom qegħdin il-Faċilita’ korrettiva ta’ Kordin, anke jekk ġgħalukom tistħu fil-ħajja, anke jekk għaxxquha bil-kbir uliedkom jibqgħu. Taqtgħux qalbkom minnhom! Minn ħadd għeżież tiegħi, minn ħadd. Fejn jidħlu t-tfal tagħkom, jekk intom il-ġenituri taqtgħu qalbkom minnhom min se jibqa’ jemmen fihom? Min se jkun ta’ tama u kuraġġ?

Il-Mulej jista’ jqajjem xi qaddis u xi qaddisa ta, illi jibqgħu jagħtu t-tama lill-uliedna anke meta aħna naqtgħu qalbna pero’ intom tridu tkun dal-qaddisin. Int trid tkun dak il-qaddis u l-qaddisa li l-Mulej qed jagħżel. Lil uliedkom ibqgħu ħobbuhom, lil uliedkom ibqgħu aċċettawhom, lil uliedkom kunu determinati li titlobu għalihom anke meta ma jitolbux huma. Li temmnu intom u mhux tnaqqas il-fidi tagħkom anke jekk tara titlob u jseħħ bil-maqlub li qed titlob, ibqa’ itlob għall-uliedek. Ibqa’ hemmhekk hija taqbida max-xitan, hija ġlieda spiritwali maħbubin tiegħi pero’ jekk inkunu determinati għal uliedna fit-talb, fis-sagrifiċċji tagħna, fl-imħabba lejhom nirbħuhom għal Alla u nirbħuhom għall-ġid tagħhom stess biex ma jkissrux aktar ħajjithom għeżież tiegħi.

5. Determinati fuq il-post tax-xogħol

Determinati li nitolbu. Determinati li nimxu wara Ġesu’. Determinati nħobbu fiż-żwieġ tagħna. Determinati illi nibqgħu niġru wara wliedna anke meta jitbegħdu. U fl-aħħar determinati fuq il-post tax-xogħol. Kemm nixtieqkom maħbubin tiegħi lkoll imma b’mod speċjali bħala Nsara nkunu determinati fuq il-post tax-xogħol fil-ħajja tagħna.

  • Illi x-xogħol tagħna għeżież tiegħi nagħtuh dinjita’.
  • Ix-xogħol tagħna jkun verament bżulija.
  • Ix-xogħol tagħna jkun onest.
  • Ix-xogħol tagħna jagħti dinjita’ lil ħaddieħor.
  • Ix-xogħol tagħna mhux klassiżmu, illi ċerta kategorija ta’ nies għandhom jagħmlu xi xogħol u oħrajn ma jagħmlux xogħol għeżież tiegħi.
  • Illi l-barranin irridu nagħtuhom ix-xogħolijiet li forsi aħna ma rridux nagħmlu u forsi anqas nħallsuhom b’mod dinjituż.

Le! għeżież tiegħi determinati illi x-xogħol isir b’dinjita’. Li nħaddem in-nies b’dinjita’. Kun determinat illi inti isma’ akkost tal-materjaliżmu li hawn int ix-xogħol tiegħek mhux il-profitti, mhux flus biss kemm ħa taqla’ għalhekk qed tħaddem in-nies imma għad-dinjita’ tal-ħaddiema tiegħek, ir-rispett lejn il-ħaddiema li għandek.

Jekk inti mpjegat kun determinat illi mhux għax ħaddieħor nofs kedda, inti nofs kedda, ħaddieħor jiskarta inti tiskarta, dak serq lill-imgħallem tiegħek qalbi. Dak serq! Ejja nkunu determinati illi fuq il-post tax-xogħol aħna nkunu nies onesti. Inkunu Nsara ta’ vera, Insara t’eżempju, dixxipli ta’ Ġesu’ t’eżempju fuq il-post tax-xogħol għeżież tiegħi.

Jiena nħeġġiġkom mill-qalb. Ġesu’ tana l-qawwa tal-Ispirtu s-Santu biex bħalu jagħmilna determinati, nafu xi rridu, nafu fejn sejrin. Ma naqtgħux qalbna bil-kuraġġ kollu. Jiena nagħmlilkom ħafna kuraġġ għeżież tiegħi. Il-Mulej qiegħed magħna mhuwiex kontra tagħna ħalli bl-imħabba tiegħu nistgħu nħobbu lilu, nibqgħu nimxu warajh, inħobbu l-familji tagħna, inħobbu lil uliedna u naħdmu b’mod bieżel u b’mod dinjituż.

Jiena nħeġġiġkom għal laqgħa ta’ talb darba fix-xahar ‘Ejjew Għandi’ fittxu l-Facebook page tiegħi Fr Hayden nistedinkom għal kull laqgħa għal mument fejn tistgħu tiltaqgħu mal-Mulej Ġesu’ li jagħtikom l-qawwa tal-imħabba tiegħu, id-determinazzjoni tiegħu b’mod speċjali l-morda. Ejjew nitolbu magħkom taqgħtux qalbkom nitolbu għalikom li l-Mulej jagħtikom il-faraġ u l-fejqan tiegħu. Sa ma narakom nitlobkom sabiex titolbu ħafna għalija u minn qalbi jiena nitlob għalikom.

Il-Paċi magħkom u kunu imberkin.

MUR GĦAL-LISTA SĦIĦA TAT-TAĦDIDIET TA’ FR HAYDEN

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s