Biex il-ferħ tagħkom ikun sħiħ! (It-Tieni Parti)

It-Tlieta, 21 ta’ Diċembru 2021: Biex il-ferħ tagħkom ikun sħiħ! Riflessjoni ta’ Fr Hayden dwar il-ferħ fil-ħajja tagħna. (It-Tieni Parti) Ara t-test tagħha taħt il-vidjo …

Għal-Ewwel Parti mur hawn: L-1 Parti.

MUR GĦAL-LISTA SĦIĦA TAT-TAĦDIDIET TA’ FR HAYDEN

Il-Paċi magħkom għeżież tiegħi! Minn qalbi nselmilkom ilkoll intom li qegħdin issegwuna f’dawn il-programmi li nagħmlu minn ġimgħa għall-oħra. Huma mumenti fejn inkunu nistgħu nirriflettu ftit fuq temi tal-ħajja tagħna, fuq l-eżistenza tagħna, fuq xi ħaġa li tkun relevanti nittama għall-ħajja tagħna f’dawl ta’ tfittxija, f’dawl ta’ mixja, f’dawl ta’ riflessjoni, ta’ mistoqsijet, f’dawl fuq kollox tal-Kelma t’Alla, il-Mulej x’jurina fil-ħajja tagħna, Alla li jixtieqilna l-akbar ġid tagħna fil-ħajja tagħna.

Nixtieq insellem lil dawk kollha li ssegwuna mill-ambjenti differenti hekk mill-feedback li nieħu għeżież tiegħi fuq dawn il-programmi b’modi differenti ta’ teknoloġija ħafna drabi fejn in-nies jarawhom. Hekk naf li hemm oqsma differenti ta’ realtajiet ta’ persuni. Min qiegħed ifittex, nies anka li forsi ma tantx intom midħla tal-Knisja imma b’xi mod dan il-programm isegwuh u nselmilkom ħafna, intom ħafna għall-qalb tiegħi u nixtieqkom tgħidu lil ħaddieħor anzi saħansittra biex ikompli jsegwi dawn il-programmi.

Insellem lil dawk li jsegwuna barra minn Malta li napprezzhom ħafna, il-Maltin emigranti tagħna. Anki s-saċerdoti li jaħdmu barra minn Malta illi xi drabi anka tibgħatu l-messaġġi tagħkom.

Insellem mill-qalb anka lil dawk li huma residenti fil-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin u l-ħaddiema hemmhekk. Insellemilkom mill-qalb, taħdmu fejn taħdmu, qegħdin f’liema division tinsabu bħalissa bħala immates. Insellmilkom mill-qalb. Naf li dal-programm ħafna drabi huma mument li intom issegwu, tkunu looking forward. Hija kelma li anki tista’ tkun ta’ ġid ħafna għalikom. Insellem anka lil dawk għaddejjin minn żmien iebes forsi huma vittma ta’ xi reat ukoll, dawk li għaddejjin minn mumenti li m’humiex faċli fil-ħajja imma dan il-programm, din il-Kelma ta’ Alla għalikom tista’ tkun anka mument ta’ faraġ minkejja dak li aħna għaddejjin minnu.

L-aħħar darba jekk tiftakru, u jekk ma segwejtux sibu mod kif issegwu, araw dak li tkellimna fuqu l-aħħar darba li kien dwar il-ferħ mill-aspett uman tagħna u rajna kif ilkoll kemm aħna qegħdin infittxu li nkunu ferħana għeżież tiegħi. U rajna wkoll illi xi drabi anka l-iżbalji li nagħmlu fil-ħajja għax qegħdin infittxu l-ferħ imma f’post żbaljat. Pero’ fl-aħħar mill-aħħar il-ferħ qegħdin infittxu. U rajt anka aspetti differenti tal-ferħ mill-aspett uman.

  • Ta’ malajr, rajna li wħud iħossuhom ferħana minn dak li jiġrilhom u għidna isma’ għandna bżonn nagħmlu daqsxejn bidla u l-ferħ tagħna norbtuh ukoll ma’ dan li aħna nikkawżaw lil ħaddieħor b’mod sabiħ.
  • Rajna oħrajn il-ferħ tagħhom idur madwar dak li għandhom u x’ditta għandhom u kemm jippossedu u rajna l-bidla li hemm bżonn nagħmlu li l-ferħ jorbtuh ma’ dak li jagħtu u mhux ma’ dak li jippossedu.
  • Umbagħad rajna wkoll li għal xi wħud il-ferħ idur madwar il-bżonn li jkunu ammirati, approvati, affermati, popolari u rajna li l-ferħ għandu jintrabat aktar mhux ma’ dak li jagħmilna popolari imma ma’ dak li huwa sewwa.
  • Rajna li wħud jorbtu l-ferħ ma’ dak li huma suċċess jew falliment li jagħmlilhom id-dwejjaq u allura hemmhekk rajna l-bżonn illi l-ferħ norbtuh ma’ dan li jagħmilna aktar fidili, f’sens ta’ fedelta’ lejn dak li jien kelli nagħmel anki jekk ma rnexxejtx.
  • Umbagħad rajna wkoll u domna ftit fuqha, li xi wħud il-ferħ jorbtuh ma’ sustanzi li jibilgħu bħalma huma alkoħol, droga. Anki rajna li qiegħed jeqridhom mhux qed jibnihom u rajna kif din tista’ tkun the way forward tas-soċjeta’ tagħna li l-ferħ nibnuh ma’ dak li jeqridna?

Illum nixtieq nibni ftit aktar mill-aspett tal-ferħ bħala Nsara u jekk inti forsi m’intix Nisrani u m’intix Nisrani daqshekk prattikanti, m’intix iffissat fil-Knisja u fi Kristu jew f’Alla, għidt li trid, nixtieqek xorta tisma’ ftit. Xi ħaġa tista’ tkun utli għalik u jien dak li hu utli għalik irridek tgħix aħjar, inkun kuntent bih jiena wkoll.

Hekk l-ewwel ħaġa għeżież tiegħi li meta naraw ftit qabel ma nsemmi, l-aħħar darba semmejt ħames kwalitajiet tal-ferħ mill-aspett uman, illum ħa nsemmi ħames kwalitajiet tal-ferħ mill-aspett spiritwali tiegħu. Imma qabel, l-ewwel ħaġa li rrid ngħid huwa li Alla m’huwiex l-għadu tal-ferħ tal-bniedem. Ġesu’ Kristu m’huwiex l-għadu tal-ferħ tal-bniedem. Ġesu’ Kristu jridna ferħana. Saħansittra darba minnhom Ġesu’ jgħidilna qabel ma jmur għall-passjoni:

“Jiena ġejt biex il-ferħ tiegħi ikun fikom u biex il-ferħ tagħkom ikun sħiħ.” (Ġwanni 15: 11)

Kelma qawwija, ma nafx intom pero’ lili tolqotni ħafna u tolqotni għal dar-raġunijiet. L-ewwel ħaġa, Ġesu’ jgħid: Jiena ġejt biex il-ferħ tiegħi ikun fikom, mela number one, Ġesu’ ferħan. He is a happy guy, qed jitkellem mill-ferħ tiegħu mhux jitkellem mid-dwejjaq tiegħu u anzi qed jgħid: biex il-ferħ tiegħi jkun fikom. Issa dina, m’għandnix programm fuqha imma nista’ ngħidilkom, li kieku kellna nagħmlu programm sħiħ fuq dil-kelma biss ‘il-ferħ tiegħi’ iġifieri Kristu x’inhu l-ferħ tiegħu vera u Kristu hu ferħan u dal-ferħ ma jridx iżommu għalih. Irid jagħtih lilna għeżież tiegħi. ‘..biex il-ferħ tiegħi ikun fikom’ u jkompli jgħid ‘u biex il-ferħ tagħkom ikun sħiħ.’

  1. Mela l-ewwel ħaġa Ġesu’ l-ferħ tagħna jirrikonoxxih.
  2. It-tieni ħaġa jaf li l-ferħ tagħna m’huwiex fil-milja tiegħu.
  3. U t-tielet il-ferħ tagħna jkun fil-milja tiegħu, meta l-ferħ ta’ Ġesu’ jkun f’qalbna, b’hekk ikollna l-ferħ sħiħ maħbubin tiegħi.

U allura, jekk nazzarda ngħid, il-bniedem qed ifittex il-ferħ, il-Kristjan, in-Nisrani, id-dixxiplu ta’ Ġesu’ Kristu jista’ jkollu mhux biss il-ferħ imma il-ferħ sħiħ għeżież tiegħi. Kemm hija sabiħa! Kieku kellna aħna nħarsu lejn il-Mulej li huwa l-allejat tal-ferħ tagħna u mhux l-għadu tal-ferħ tagħna. Xi drabi wħud tismagħhom hekk iħossu li ‘jekk timxi wara Kristu, jekk tmur il-knisja, uff xi dwejjaq’ jew ‘il-kmandamenti ma tistax tagħmel hekk, ma tistax tagħmel hekk, ma tistax tagħmel hekk!’ Donnu dak li jogħġobna, dak li jagħmilna ferħana, kollox huwa dnub. Mhux hekk għeżież tiegħi. Id-dnub huwa li dak il-ferħ tagħna nfittxuh f’post żbaljat. Umbagħad il-Mulej jiftħilna għajnejna anki meta ma jogħġobnix. Għax irid jipproteġi l-ferħ li jrid jagħtina. Ma jridnix nitilfu l-ferħ vera.

1. Il-ferħ tal-Kristjan huwa marbut mal-preżenza ta’ Ġesu’ bħala s-Salvatur tagħna

Il-ferħ tad-dixxipli tal-Mulej, il-ferħ Kristjan ma xiex inhu marbut? L-Ewwel ħaġa huwa marbut mal-preżenza ta’ Ġesu’ bħala s-Salvatur tagħna. Naraw illi meta Ġesu’ twieled għeżież tiegħi, l-anġli jagħtu aħbar ta’ ferħ. Meta Ġesu’ jqum mill-mewt lil min jidher jilqgħuh bil-ferħ. Per eżempju n-nisa ntlew bil-ferħ u marru jiġru għand l-appostli meta l-anġli dehrulhom. Madwar Ġesu’ għeżież tiegħi naraw din il-preżenza illi tferraħ anka darba minnhom San Pawl jgħidilna illi l-ferħ huwa frott tal-Ispirtu s-Santu illi jgħammar ġewwa fina, mela l-ferħ huwa marbut mal-preżenza ta’ Alla. Il-preżenza ta’ Alla illi hi anka fil-qalb tagħna. Aħna l-imgħammdin intlejna bil-preżenza tal-Ispirtu s-Santu għeżież tiegħi. Wieħed mis-Salmi jgħid li ‘fil-preżenza tiegħek hemm il-milja tal-ferħ.’ Il-preżenza ta’ Alla ġġib il-ferħ f’qalb il-bniedem.

Ċertament għeżież tiegħi min m’għamilx din l-esperjenza, min m’għandux din il-fidi, dan jista’ jkun diskors fl-arju, dan jista’ jkun mhux relevanti, dan jista’ jkun ma jfisser xejn. Pero’ ma jfissirx illi mhux vera! Intom forsi xi ħadd minnkom għamel din l-esperjenza. Jiena ltqajt ma’ diversi nies anka fil-laqgħat li norganizza ta’ kull xahar, il-laqgħat ta’ talb ‘Ejjew Għandi’. Persuni li xi drabi jiġu u jkunu ‘l bogħod mill-Knisja u għax jiltaqgħu ma’ Ġesu’ tara l-ferħ li jidħol fil-ħajja tagħhom, tara l-ferħ ġdid li jidħol f’għajnejhom, fil-ħarsa tagħhom. Tara nies illi għax iltaqgħu ma’ Kristu qalbhom intliet bil-ferħ li ħadd ma seta’ jimlieh. M’inhiex se nipprova nikkonvinċikom minn dan għaliex Ġesu’ qatt ma qalilna biex nikkonvinċu lil ħadd. Ġesu’ qalilna biex inkunu xhieda tiegħu, biex inkunu xhieda ta’ din ir-realta’ u jien nixtieq ngħidilkom illi din hi verita’. Jiena stess nista’ nixhed għaliha għeżież tiegħi fil-ħajja tiegħi. Il-ferħ li jġib il-preżenza ta’ Alla fil-qalb tagħna.

Is-Salmi jgħidulna ‘duqu u taraw kemm hu tajjeb il-Mulej’. Ġesu’ darba lill-appostli qalilhom: ‘Ejjew u araw’ cioe’ l-Mulej jistedinna biex nagħmlu esperjenza tiegħu. Issa jista’ jkun illi aħna din ir-realta’ ma norbtux il-ferħ mal-preżenza ta’ Alla. Għaliex jista’ jkun dak li f’għajnejna ħa ngħidu hekk, jgħenna nidħlu fil-preżenza ta’ Alla, ma kellix esperjenzi pożittivi fil-ħajja tagħna jew għax ma kellnix dik l-esperjenza partikolari. Jiena nixtieq nistedinkom illi anka fil-Knisja nfittxu l-ambjenti li anka jistgħu jiftħu l-qalb tagħna aktar għal dil-preżenza tal-Mulej għaliex aħna umanament jista’ jkollna ċerta blockages biex nitolbu, biex nidħlu fil-preżenza t’Alla, biex nilqgħu il-fidi. U fuq l-aspett uman jista’ jkun li ċerti ambjenti, fejn naf jien, jista’ jkun illi

  • f’dik il-laqgħa ta’ talb,
  • f’din il-komunita’ partikolari,
  • f’dik il-parroċċa partikolari,
  • f’din il-Knisja partikolari lilek tgħinnek aktar biex tinfetaħ għal dil-preżenza ta’ Alla.

Ma nibżgħux immorru fejn aħna nħossuna umanament komdi b’mod speċjali fil-bidu tal-mixja tagħna. Għax meta nimxu ‘l quddiem forsi dak ikun inqas bżonnjuż. Imma fil-bidu jista’ jkun bżonnjuż għeżież tiegħi.

Jiena nixtieqkom verament niftħu l-qalb tagħna, li nixtiequ, li nemmnu, li nafdaw, illi l-preżenza ta’ Ġesu’ ġġib ferħ ġdid fil-ħajja tagħna. Li l-aħbar illi l-anġli taw lir-rgħajja ‘illum inħabbrulkom ferħ kbir għax tweldilkom is-Salvatur, Kristu l-Mulej.’ Ejjew ma nibżgħux inħallu lil Ġesu’ jidħol f’ħajjitna. Taħsibx li jekk tħalli lil Ġesu’ jidħol f’ħajtek se titlef xi ħaġa, jista’ jkun li titlef xi ħaġa, imma ħdejn dak li takkwista, dak li titlef m’hu xejn, m’hu xejn. Ħdejn dak li takkwista f’qalbek meta tiftaħ qalbek għal Kristu m’hu xejn ħdejn dak li possibilment tista’ titlef. U aħna nafu, ejjew inkunu onesti, aħna nafu illi meta niftħu qalbna beraħ għal Kristu, għal Ġesu’, nafu lid-dnub ħa jkollna nitilqgħuh u ħafna drabi huwa d-dnub li lilna jagħmilna ferħana. Il-qalb tagħna rbatniha xi drabi ma affarijiet li m’humiex f’posthom, li m’humiex sewwa u nafu li dawk il-Mulej se jneħħihom minn ħajjitna. Pero’ mhux se jneħħihom biex inkunu vojta. Se jitlobna nitilqgħuhom u nitilqgħuhom bil-qawwa tiegħu biex jagħtina ferħ ikbar li s’issa għadna qatt ma doqna.

2. Il-ferħ tal-Kristjan huwa marbut mall-maħfra

It-tieni aspett tal-ferħ Kristjan għeżież tiegħi wara li hu marbut mal-preżenza ta’ Kristu, huwa marbut mal-maħfra. In-Nisrani huwa midneb bħal kull bniedem ieħor li hawn fid-dinja. Jien midneb daqs kull midneb ieħor li hawn fid-dinja. Aħna l-Insara midinbin bħan-nies kollha ta’ din l-art. Id-differenza hija li aħna nġorru l-ferħ li aħna maħfura. Li aħna midinbin hija komuni għall-bnedmin kollha. Pero’ li aħna nagħmlu l-esperjenza tal-ferħ li jien maħfur, dik hija esperjenza ħafna partikolari. Meta naqraw il-Vanġelu naraw per eżempju l-parabbola tal-iben il-ħali, dak it-tifel li telaq lil missieru, berbaqlu ġidu umbagħad meta ġie għas-si u n-no u ftaqar u ma kellu xejn, jerġa’ jmur għand il-missier u l-missier jilqgħu b’tgħannieqa ta’ ferħ, ibusu, jagħmillu party, jifraħ hu u jrid lil kulħadd jifraħ miegħu. Araw, dan it-tifel żbalja kif żbaljaw ħafna oħrajn pero’ dan isib il-ferħ li hu maħfur għaliex ġie lura. Kieku ma ġiex lura, kieku ma daħalx f’dan il-ferħ tal-missier għalih, ma daħalx f’din ir-relazzjoni mill-ġdid, kien jibqa’ jġorr il-faqar u l-miżerja li daħal fiha. Aħna għeżież tiegħi lkoll nidinbu, ilkoll ngħaxquha, ilkoll tafġugħha pero’ m’aħnix ikkundannati li nibqgħu hemm.

Kemm nixtieqkom ilkoll kemm intom anki f’dan iż-żmien li qegħdin ngħixu nagħmlu din l-esperjenza tal-ferħ li jien maħfur. Dan hu ferħ partikolarment tan-Nisrani li ħadd ma jista’ jagħtihulek. Il-maħfra ta’ Alla, Alla biss jista’ jagħtihielek. Jagħtihielna l-Mulej permezz tas-saċerdoti permezz tas-sagrament tal-Qrar. Sagrament x’inhu? Huwa realta’ li tidher iġifieri l-qassis qed jgħidli ‘dnubietek maħfura’, jien qed nitlob il-maħfra ta’ grazzja spiritwali li ma tidhirx imma qegħda fil-qalb tal-bniedem. Il-maħfra illi ma narawiex, ma nirċevux xi telegramma, xi sentenza ta’ qorti li aħna maħfura. Imma fil-qalb tagħna, l-Ispirtu s-Santu, daqs kemm jagħtina l-konvinzjoni li żbaljajna, l-Ispirtu s-Santu jagħtina l-konvinzjoni li aħna maħfura, li aħna wlied il-Missier, li aħna rċevejna il-maħfra.

Kemm persuni għeżież tiegħi ltqajt magħhom fis-sagrament tal-Qrar anki jkunu ilhom ma jqerru, tawhom jiġu b’ċerta toqol u jitilqgħu b’ċerta paċi u ferħ xi drabi jekk mhux b’demgħa. Kemm hu mument qaddis, mument li mhu se ssibu mkien. Ħafna jistgħu jisimgħuk, ħafna jistgħu jagħtuk pariri, ħafna jistgħu jgħidulek x’għandek tagħmel pero’ f’dak il-post biss fil-Qrar inti toħroġ maħfur. Tista’ tmur f’kull uffiċċju, tista’ tmur tiltaqa’ ma min trid biex jgħinnek u nagħmlu tajjeb pero’ l-uniku post illi noħorġu minnu maħfura huwa fil-mument li aħna nqerru, nitolbu maħfra.

Il-maħfra hija bżonn għalina għeżież tiegħi biex inkunu kuntenti għax aħna dgħajfin, aħna niżbaljaw. Jekk ħa nippretendu minna li ma niżbaljawx, jekk nippretendu minn kulħadd li ma jiżbaljax forsi qegħdin nippretendu xi ħaġa għeżież tiegħi li umanament mhux possibli. U anki meta nimxu wara Ġesu’ nibqgħu nagħmlu l-iżbalji pero’ dik mhux l-aħħar kelma. L-aħħar kelma hija l-maħfra.

  • Jista’ jkun li int fil-qalb tiegħek m’għandekx ferħ għax qed iġġorr guilt tad-dnub?
  • Jista’ jkun li m’għandekx ferħ għax ilek ma tqerr?
  • Jista’ jkun li m’għandekx ferħ u tibqa’ ġġorr dwejjaq, rabja għaliex għandek ċerta suppervja u m’intix tkun umli u titlob il-Mulej jaħfirlek?
  • Jista’ jkun illi f’qalbek qed tħoss imbuttatura illi inti għandek tersaq lejn il-Qrar imma forsi hemm il-biża’, hemm il-mistħija?
  • Jew forsi kellek xi esperjenza negattiva tal-Qrar, ma tixtieqx tmur imma qed titlef inti?
  • Jista’ jkun li l-Mulej qed jiġri warajk biex iferħek meta jaħfirlek imma int qed tingħalaq?

Jien nixtieq nagħmillek kuraġġ. Nixtieq ngħidlek ‘taqtax qalbek’. Sib dak is-saċerdot li jista’ jifhmek. Sib il-mument li huwa ta’ grazzja għalik. Iftaħ il-qalb beraħ u ħalli dan il-mument ta’ ferħ jidħol mill-ġdid fil-ħajja tiegħek permezz tal-maħfra.

3. Il-ferħ tal-Kristjan huwa marbut mall-fejqan u l-ħelsien illi Ġesu’ jagħtina

Il-ferħ Nisrani, huwa marbut mela mall-preżenza ta’ Alla, huwa marbut mal-maħfra tad-dnub tagħna u hawa marbut ukoll mall-fejqan u l-ħelsien illi Ġesu’ jagħtina. Jolqotni jiena fil-ktieb tal-Atti tal-Appostli, jiġifieri l-ewwel ġrajjiet tal-Knisja, meta Filippu jmur jippriedka fis-Sammarija. Jippriedka, il-Mulej jużah biex iġib ħafna fejqan, mirakli, ħelsien mix-Xitan u l-ktieb tal-Atti jgħid:

“U kien hemm ferħ kbir f’dik il-belt.” (Atti 8: 8)

Kemm hi sabiħa għeżież tiegħi illi meta aħna nħallu lill-Mulej ifejjaqna, il-Mulej jeħlisna mill-ħakma tax-Xitan u mill-ħakma tad-dnub, mill-ħakma tal-ħażen, hemmhekk aħna nsibu ferħ ġdid fil-ħajja tagħna – il-ferħ li jiena mfejjaq, il-ferħ li jiena meħlus. U dina kemm għandna bżonnha u b’mod speċjali għeżież tiegħi, il-fejqan u mhux neċessarjament il-fejqan tal-ġisem tagħna, għalkemm il-Mulej ġieli jfejjaqna anka fiżikament, imma anka l-fejqan tal-qalb, b’mod speċjali minn nuqqas ta’ maħfra. Meta m’hemmx maħfra fil-qalb tagħna, meta ma nħallux lill-Mulej ifejjaq il-weġgħat tal-qalb tagħna, xi drabi nibqgħu fid-dieqa, fin-niket. Nitilfu l-ferħ li jiġi mal-fejqan.

Ejjew niftħu l-qalb tagħna beraħ maħbubin tiegħi u nħallu lill-Mulej verament ifejjaqna. Alla mhux se jiddejjaq mill-uġigħ tagħna anzi jrid ipoġġi jdejh fuq l-uġigħ tagħna biex ifejjaq. Pero’ xi drabi fl-uġigħ tagħna aħna x’nagħmlu? Nidgħu hu! Flok induru lejn Alla, nikkalpestawh! Flok induru lejn Ġesu’, induru kontra Ġesu’. Flok infittxu l-għajnuna tiegħu, noħduha kontra tiegħu. Ejjew inkunu ftit umli, anki jekk ma nifhmux kollox, inħallu lill-Mulej jagħtina l-fejqan fil-qalb tagħna għaliex b’hekk insibu l-ferħ mill-ġdid f’ħajjitna. Għandek għażla, jew ħa nibqa’ tgħix fil-weġgħat tiegħek jew tiftaħ qalbek għal Kristu fil-weġgħat tiegħek bi process u bit-talb u ssib il-ferħ mill-ġdid meta tkun imfejjaq.

4. Il-ferħ Kristjan ma jeskludix it-tbatija

Umbagħad il-ferħ Kristjan għandu aspett ieħor għeżież tiegħi. Il-ferħ Kristjan ma jeskludix it-tbatija. Għal wħud ġieli jaħsbu xi kultant, hekk tisma’ n-nies jitkellmu jiġifieri jekk inbati, allura ma nistax inkun ferħan – il-ferħ u t-tbatija ma jmorrux flimkien. Waħda hija kontra l-oħra. Jew jekk inbati jien m’inhix ferħan, jekk m’hemmx tbatija jien ferħan. Il-ferħ Kristjan, il-ferħ tagħna l-Insara, dawn it-tnejn ma joħloqx divorzju bejniethom. Propju l-ferħ tad-dixxiplu ta’ Kristu jinsab illi jista’ jkun ferħan anka fil-mumenti diffiċli, anka fil-mumenti tas-salib, anka fil-mumenti tat-tbatija, hi x’inhi t-tbatija li nistgħu ngħaddu minnha, fiha u mhux bilfors mingħajrha, aħna nistgħu nkunu ferħana fit-tbatijiet tagħna, mhux ferħana mingħajr it-tbatijiet tagħna. U dan huwa ferħ tipikament għeżież tiegħi illi jagħtina Kristu. Huwa ferħ marbut mall-preżenza ta’ Alla f’ħajjitna fit-tbatija tagħna. U nerġa’ ngħid, din irridu nagħmlu esperjenza tagħha għaliex minn barra tidher bluha, minn barra tista’ tidher mhux vera mhux kredibli din ir-realta’. Imma meta aħna nkunu magħqudin mal-Mulej, anka fit-tbatijiet tagħna, aħna nistgħu nsibu għeżież tiegħi, anka l-ferħ tagħna.

Għaliex? Għaliex ma’ Alla, magħqudin ma’ Ġesu’, it-tbatija tagħna tieħu sens differenti. It-tbatija m’hiex it-tmiem ta’ kollox. Xi drabi aħna it-tbatija narawha it-tmiem ta’ kollox, jispiċċa kollox. Mentri għan-Nisrani, għad-dixxiplu ta’ Kristu, it-tbatija mhux it-tmiem, it-tbatija hija passaġġ biex mir-realta’ li qiegħed fiha noħloq realta’ oħra. It-tbatija hi passaġġ fil-ħajja tagħna. Bħalma żerriegħa taqa’ fl-art u tmut huwa passaġġ biex minnha jitwieled xi ħaġa ġdida. Bħalma hi tbatija ta’ mara li qed twelled hija passaġġ biex toħroġ ħajja ġdida għeżież tiegħi. Hija tbatija li hija passaġġ, m’hiex it-tmiem ta’ kollox. Anzi xi drabi t-tbatija hija fil-bidu ta’ xi ħaġa ġdida. U aħna l-Insara hija din it-tip ta’ ferħ li nsibu meta t-tbatija tibda tieħu sens differenti fil-ħajja tagħna. Aħna l-Insara nbatu kif ibati kulħadd. Ara ma naħsbux li

  • għax aħna Nsara,
  • għax nimxu wara Ġesu’,
  • għax nitolbu,
  • għax immorru l-Knisja,
  • għax inqerru,
  • għax nitqarbnu,
  • għax ngħidu r-rużarju,
  • għax naqraw il-Bibbja,
  • għax nagħmlu l-karita’,

aħna mhu se jiġrilna xejn. Din hija mentalita’ żbaljata. Ġesu’ jgħid illi anka min jibni ħajtu fuq il-Kelma tiegħu, il-maltemp jiġi fuq kulħadd. Id-differenza hija li min jibni ħajtu fuq Kristu, meta jiġi l-maltemp ma jitkissirx. Min ma jibnix ħajtu fuq Ġesu’, meta jiġi l-maltemp jitkaxkar, jitkaxkax ma’ kollox u jispiċċa jitkisser.

Il-Mulej għeżież tiegħi huwa l-Blata tagħna, il-Blata tal-ferħ tagħna, il-Blata tas-Salvazzjoni tagħna, li anka fiż-żmien ta’ iebes, it-tbatija jtiha sens differenti u allura nibqgħu nsibu l-ferħ Fih għax jgħinna ngħaddu minn dawn il-passaġġi fil-ħajja tagħna. Insibu l-ferħ li Alla huma magħna fis-sofferenzi tagħna. M’aħniex waħedna.

Kemm inbati għal min ma jemminx u jgħaddi minn żmien ta’ iebes u jiddispra. Għaliex meta ma temminx għeżież tiegħi, fl-iebes ma tarax tama. Il-ferħ fit-tbatija tan-Nisrani huwa marbut ma’ dan – mat-tama. Għax fil-passaġġ tas-sofferenza, int għandek tama ta’ ħajja ġdida, tama illi se jkun hem xi ħaġ’oħra wara, tama li allura m’intix waħdek anka jekk m’intix tifhem dak li għaddej minnu, hemm xi ħadd li akbar minnek, Ġesu’ Kristu li jaf dak li qed jiġri, illi ħajtek m’hiex bl-addoċċ. Li ħajjitna hija f’idejn il-Mulej anki meta ma nifhmuhiex għeżież tiegħi. Minn hawnhekk joħroġ il-ferħ tan-Nisrani.

Hawnhekk joħroġ il-ferħ tal-martri illi qed jagħtu xhieda għal Kristu, qegħdin joqtluhom pero’ fil-qalb tagħhom għandhom il-ferħ – il-ferħ tal-Ispirtu s-Santu fil-ħajja tagħhom. U kemm għandna bżonn minn dan il-ferħ għeżież tiegħi fit-tbatijiet tagħna, fid-dinja, fil-Knisja, fil-familji tagħna, fuq ix-xogħol tagħna, fil-ħajja personali tagħna, fiż-żminijiet li aħna qegħdin ngħixu. Kemm nixtieq illi nerrealizzaw illi l-ferħ u t-tbatija ma jmorrux kontra xulxin fil-ħajja tan-Nisrani, anzi jista’ jkollna l-ferħ fit-tbatija.

5. Il-ferħ Krisjan huwa marbut mal-eternita’

U l-ħames u l-aħħar ħaġa illi l-ferħ Kristjan hu marbut magħha huwa, li hu marbut mal-eternita’. Min ma jemminx u l-ħajja tiegħu hi marbuta biss ma’ din id-dinja, ma’ din l-art, mall-mewt jispiċċa kollox, daqshekk. Aħna l-Isara nafu li l-ferħ tagħna marbut mall-eternita’. Il-ħajja tagħna ma tispiċċax mal-mewt, u allura anki jekk jien nista’ nara li fuq din l-art ma kellix success, jew l-affarijiet ma ġewx kif ridt jien, jew ma spiċċajthomx kif ridt jien, jew mitt f’eta’ żgħira saħansitra, allura x’gawdejt minn din il-ħajja?

Il-ferħ tagħna meta marbut biss ma’ din l-art, imut ma’ din l-art. Imma inti ikbar minn hekk. Int f’qalbek tixtieq tgħix għal dejjem. Min minna jrid imut? Ħadd minna ma jrid imut. U bir-raġun għax aħna maħluqin għall-eternita’. Il-Kristjan, id-dixxiplu ta’ Kristu jgħix bil-lenti tal-eternita’, bil-perspettiva tal-eternita’, mill-ħajja ta’ dejjem. Realta’ li forsi ftit nisimgħu dwarha sfortunatament anki fil-Knisja xi drabi. Pero’ din hija l-verita’. Hija d-direzzjoni li aħna qegħdin fiha għax min hu mgħammed, għandu lil Alla fih, għandu l-eternita’ ġewwa fih diġa’. Aħna ż-żerriegħa tal-eternita’. Aħna qegħdin fl-eternita’ diġa’ għeżież tiegħi. Wara l-mewt ngħixuha differenti. Imma l-eternita’ m’hiex żmien, m’hiex spazju, m’hiex dimensjoni. L-eternita’ hija Alla nnifsu. L-eternita’ hija Alla nnifsu għeżież tiegħi. Li aħna, li aħna mimlija Bih għax ġejna mgħammdin Fih, mgħazzin Fih, aħna l-ħajja tagħna tieħu direzzjoni differenti. Il-mewt mhux it-tmiem. Il-mewt hi passaġġ.

Dak li aħna, ix-xewqat li m’humiex maqtugħin hawnhekk to the full, m’hemmx għalfejn li jiġu maqtugħin ix-xewqat kollha tal-bniedem fuq din l-art għax se jiġu maqtugħin kollha fil-ħajja ta’ dejjem fl-eternita’ li hu Alla. Pero’ meta l-bniedem jitlef il-perspettiva tal-eternita’, jidħol fit-tbatija illi ħadd ma jfejjaqha. In-nuqqas ta’ perspettiva tal-eternita’ toħloq kundizzjoni ta’ sofferenza fl-umanita’ li ħadd ma jfejjaqha ħlief li nħallu lil Ġesu’ Kristu jdaħħalna f’din id-dimensjoni. L-eternita’ hija l-quċċata tal-ferħ u tal-fejqan illi f’din l-art m’aħniex se nsibuha. Min m’għandux din il-lenti, allura l-ħajja tiegħu tista’ tkun morra, limitata u jara li kollox jispiċċa. Pero’ min qed jgħix fiha jaf li għandu orizzonti ġodda fil-ħajja tiegħu li huwa wiesa u kbar, ferħana u profondi daqskemm huwa Alla nnifsu. Kemm hi sabiħa l-fidi tagħna. Mhux biex jikkritikaw jew inkissru lil min ma jemminx ta’ – xejn minn dan. Imma biex is-sabiħ li għandna nixtiequ li tant oħrajn igawduh magħna.

  • Mhux għax aħna wasalna ta’,
  • mhux għax nafu kollox,
  • mhux għax doqna dan kollu,
  • mhux għax nifhmu dan kollu li qed ngħidilkom

imma bi grazzja ta’ Alla u bi sforz tagħna, u bl-għajnuna flimkien bħala komunita’ Nisranija f’mixja ta’ fidi, aħna dan jista’ jkun verament

  • il-perspettiva tagħna,
  • l-oġġettivita’ tagħna,
  • is-sbuħija tagħna,
  • l-esperjenza tagħna.

J’Alla għeżież tiegħi dan il-ferħ Kristjan nibdew induquh, nibdew inxandruh, nibdew nagħtuh u nħallu dan il-ferħ isir xibka li ħafna oħrajn jistgħu jinqabdu fiha ħalli jesperjenzaw is-salvazzjoni li ġabilna Sidna Ġesu’ Kristu li l-frott tagħha huwa l-ferħ vera tal-bniedem. U nagħlaq kif bdejt. Ġesu’ mhux l-għadu tal-ferħ tagħna. Huwa l-allejat tal-ferħ tagħna. Hu li qalilna ‘Jiena ġejt biex il-ferħ tiegħi ikun fikom ħalli il-ferħ tagħkom ikun sħiħ.’

Il-Paċi magħkom. Nitolbu għal xulxin u kunu mberkin.

Għal-Ewwel Parti mur hawn: L-1 Parti.

MUR GĦAL-LISTA SĦIĦA TAT-TAĦDIDIET TA’ FR HAYDEN

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s