L-Aljenazzjoni

Il-Ġimgħa, 29 ta’ Novembru 2021: Riflessjoni ta’ Fr Hayden dwar l-aljenazzjoni f’ħajjitna. Ara t-test tagħha taħt il-vidjo …

MUR GĦAL-LISTA SĦIĦA TAT-TAĦDIDIET TA’ FR HAYDEN

Il-Paċi magħkom għeżież tiegħi u minn qalbi nixtieq nilqagħkom għal darb’oħra għal dal-mument ta’ riflessjoni fejn inħallu l-qlub tagħna jiltaqgħu t-tnejn flimkien fid-dawl tal-Kelma t’Alla li kif jgħidilna wieħed mis-salmi hija fanal għal riġlejna, jiġifieri hija dik li turina t-triq, dik li turina fejn għandna nagħmlu l-pass li jmiss fil-ħajja tagħna. U l-Kelma t’Alla qatt m’hi kontra l-bniedem għeżież tiegħi anke jekk forsi xi drabi naħsbu illi l-Kelma t’Alla hija kontra tagħna jew il-Kelma t’Alla tneħħilna l-liberta’, jew il-Kelma t’Alla ma tħallinix nagħmlu dak li nkunu nixtiequ aħna, naħsbu li l-Kelma t’Alla hija xi għadu tagħna, xi wħud hekk jaħsbu. Dik hija gidba. Il-Kelma t’Alla hija dejjem magħna u dejjem favurina. Dejjem man-naħa tagħna għax Alla qatt ma jista’ jkun kontra l-bniedem għeżież tiegħi.

Nixtieq insellem lil dawk kollha li tinsabu fil-Faċilita’ korrettiva ta’ Kordin, insellmilkom minn qalbi fid-divisions kollha li tinsabu, il-familjari tagħkom, ‘il dawk li huma forsi għaddejjin minn żmien iebes fil-ħajja tagħhom, li huma vittmi ta’ ċirkustanzi iebsa fil-ħajja, ‘il dawk li jsegwuna anke b’mezzi ta’ komunikazzjoni differenti kemm f’Malta kif ukoll barra minn Malta. Insellem bil-qalb lill-Maltin kollha li huma barra f’pajjiżi oħrajn li huma emigranti, insellmilkom u hekk inwegħedkom ħafna li nitlob għalikom, waqt li nitlob anke lilkom sabiex lil hinn minn xtutna titolbu għalina għalkemm id-distanzi llum qsaru ħafna permezz tat-teknoloġija li aħna nħaddnu.

Illum nixtieq nitkellem ftit magħkom, naqsmu ftit ħsibijiet ta bejnietna flimkien, dwar tema illi hija l-Aljenazzjoni. Naħseb ilkoll kemm aħna xi darba jew oħra għaddejna minn esperjenza minn mument fejn konna aljenati, fejn naf jien:

  • Qed tfittex in-nuċċali mbagħad tinduna li n-nuċċali qiegħed fuqek jiena ġieli ġratli din ‘il ħaġa.
  • Qed tfittex xi ħaġa fil-kamra u tkun taħt imnieħrek, taħt għajnejk u ma tarahiex, jiġi xi ħadd u jgħidlek ħa din li qed tfittex? Hawn hi. Imma kif ma rajthiex?
  • Għaddej qed issuq qed tfittex it-tabella biex tasal x’imkien tgħaddi minn quddiemha u ma tarax propju dik it-tabella li tkun ilek tant tfittex saħansitra.
  • Trid tmur tagħmel xirja u taf xi trid tagħmel u propju taljena ruħek minn dik l-iktar ħaġa li forsi xtaqt tixtri meta mort biex tixtri.

Jiena ntqajt ma’ nies illi bl-aljenazzjoni kellhom sitwazzjonijiet anki ftit iktar serji għeżież tiegħi fejn naf jien…

  • Naf wieħed illi kien aljenat u nesa’ jmur għall-eżami darba minnhom. Eżami tal-O level.
  • Naf persuna li kien aljenat u nesa’ l-flight tal-ajruplan.
  • Naf persuna oħra li kien aljenat u mar b’karozza over land u nesa l-karozza u ġie b’mezz ieħor lura.

Iġifieri ċirkustanzi għeżież tiegħi illi xi drabi l-aljenazzjoni tista’ tkun ftit kbira fil-ħajja tagħna. Dawn jistgħu jkunu joħolqulek tbissima għalkemm tirrabja fiċ-ċirkustanzi. Pero’ hemm aljenazzjoni oħra li jien xtaqt inkellimkom dwarha mhux fuq dawn li semmejt. Dawn just xi eżempji biex naraw kemm aħna faċilment inkunu aljenati kemm f’affarijiet żgħar, kemm f’affarijiet kbar. Imma l-iktar ħaġa li xtaqt inkellimkom dwarha hija, l-aljenazzjoni fuq affarijiet li huma serji fil-ħajja tagħna, li jmissu mal-istess sens ta’ ħajjitna. Mal-meaning, mar-raġuni għalfejn neżistu, għalfejn qed ngħixu. Dawk li jmissu mal-imħabba tagħna, ma’ dak li jagħti tifsira l-ħajja vera tagħna għeżież tiegħi.

Hemm silta fit-Testament il-Ġdid, fil-ktieb tal-Apokalissi illi hija interessanti dwar din it-tema. Hija kelma illi Ġesu’ jagħti l-Knisja jiġifieri l-komunita’ Nisranija illi tgħix ġewwa Laodiċija. Għandna sezzjoni f’dan il-ktieb fejn Ġesu’ jagħti  lil sebgħa Knejjes differenti, sebgħa messaġġi differenti li jgħinhom jifhmu ċ-ċirkustanzi li qegħdin jgħixu fihom fid-dawl tiegħu, tal-Kelma tiegħu u lil din il-Knisja lil din il-komunita’ nisranija partikulari, isimgħu x’jgħidilha:

Int tgħid,”‘Jiena għani, jiena stagħnejt u ma jonqosni xejn,” bla ma taf li l-imsejken huwa int, ta’ min jitħassrek, fqir, agħma u għeri. (Apokalissi 3:17)

Mela f’din il-Kelma Ġesu’ x’inhu jagħmel?

Lil din il-komunita’, lil dil-Knisja, ‘il dawn id-dixxipli tiegħu qed jgħidilhom, intom tgħidu u jgħidu li huma għonja u ma jonqoshom xejn. Dan hu ‘l mod kif huma jħarsu lejhom infushom u jaħsbu li din hija l-verita’, imma fid-dawl ta’ Kristu dak kollu li għalihom huwa għana, Ġesu’ qed jgħidlu li huwa faqar. Ġesu’ qed jgħidilhom: ‘Intom foqra, intom ta’ min jitħassarkom!’ Għeżież tiegħi, aħna jista’ jkun li nkunu għaddejjin hekk fil-ħajja tagħna?

  • Jista’ jkun li aħna qed niftaħru b’affarijiet f’ħajjitna li fil-verita’ jmissna nistħu minnhom?
  • Jista’ jkun li aħna qed ngħixu f’illużjoni?
  • Jista’ jkun li aħna minn għalina mexjin ‘il quddiem imma fil-verita’ qed nitilfu ħafna affarijiet fil-proċess u fit-triq?
  • Jista’ jkun li xi drabi qegħdin nagħmu b’mod kollettiv, iġifieri b’mod sħiħ?
  • Nistgħu nagħmu bħala nazzjon,
  • nistgħu nagħmlu bħala poplu għeżież tiegħi,
  • nistgħu nagħmu bħala familja.
  • Nistgħu niġu aljenati għeżież tiegħi.

U llum iridu nagħmlu riflessjoni serja u riflessjoni din illi għandha livelli differenti.

  • Għandha livelli personali
  • livelli ta’ familja
  • livelli ta’ xogħol
  • livelli ta’ komunita’
  • livell ta’ Knisja
  • livell ta’ soċjeta’
  • livell ta’ pajjiż

Livelli li nibqgħu għaddejjin għaliex l-aljenazzjoni fil-ħajja tiġi fuq livelli u ċirkustanzi differenti.

1. Aljenat b’ħafna xogħol biex taqla’ iżjed flus imma l-familja nieqsa mill-preżenza tiegħek?

Per eżempju jekk nieħdu fuq livell personali ħudu livell personali, fejn naf jien il-livell li jista’ jkun il-familja. Jista’ jkun li int qed tistgħana permezz tax-xogħol qed iġġib flus għall-familja. Sew ir-raġel, sew il-mara, sew min jaħdem, min jikkontribwixxi. Imma jista’ jkun illi xi drabi b’dan kollu qed taljena lilek innfisek, m’intix tinduna:

  • Hija l-flus qegħdin jidħlu imma x’inhuwa l-prezz vera li qed inħallas?
  • M’intix tinduna illi forsi qed tnaqqar ir-relazzjoni mal-mara, mar-raġel, mat-tfal, bejnietkom?
  • M’intix tinduna illi għaddej minn xogħol għal part-time, minn ħaġa għall-oħra u l-ħin dejjem qed jonqos bejnietna fil-familja?
  • M’intix tinduna illi minkejja l-flus qegħdin jiżdiedu, imma l-qlub qegħdin jiftaqru?
  • M’intix tinduna li l-flus jgħollew u l-ħinjiet jinżlu li għandna flimkien?

Imma xi drabi għeżież tiegħi meta niffissaw fuq xi ħaġa u mhux qed ngħidu li hija xi ħaġa ħażina għax li taħdem mhux ħażin, iġġib il-flus għall-familja mhux ħażin, imma meta din taljenak minn affarijiet oħrajn li hemm fil-ħajja, allura għeżież tiegħi qegħdin f’sitwazzjoni li hija gravi, qed nistgħanu f’ħaġa u qed niftaqru f’oħra. Għax inti jista’ jkun moħħok mistrieħ iġġib il-flus għall-familja:

  • U min qallek illi m’hix imxebba’ minħabba n-nuqqas tiegħek?
  • U min qallek illi ma bdietx relazzjoni oħra martek jew żewġek u tinsab f’adulterju għaliex inti il-ħin kollu taħdem u traskurajtha d-dar?

Għeżież tiegħi xi drabi l-aljenazzjoni ma tħalliniex naraw. Meta nkunu bħal żwiemel ma narawx dak li hemm taħt imneħirna, dak li qed jiġri taħt is-saqaf tad-dar tagħna stess, għeżież tiegħi għaliex aljenati.

2. Aljenat b’ħafna pjaċir u divertiment imma xi prezz qed ikollok tħallas?

Jista’ jkun hawn min ukoll hu aljenat bil-pjaċir iġifieri moħħok biex toħroġ, moħħok biex tieħu pjaċir, moħħok biex tidderverti. Issa li toħroġ, tieħu pjaċir u tiddeverti m’hemm xejn ħażin fih innifsu, imma m’intix qed tinduna li dan qed tieħdu minn saħħtek per eżempju? Iġifieri toħroġ billejl u tagħmel sigħat twal tiġi l-għada filgħodu. Toħroġ tard u trid tagħmel illejl kollu barra u forsi tiddamdam bl-alkoħol, tieħu d-droga. M’intix tinduna li qiegħed tkisser lilek innifsek? Qed tieħu pjaċir tajjeb! At what cost imma? Qed taljena lilek innifsek minn saħħtek. M’intix tinduna?

Għeżież tiegħi xi drabi hekk niffissaw fuq il-pjaċir, il-kumpanija, id-divertiment u li qed neqirdu saħħitna u li qed inkissru lil min inħobbu għaliex idum jistenniena u jinkwieta għalina, dak qisu m’hu xejn! Naljenaw lilna nfusna basta jien qed nieħu pjaċir, basta jien kuntent b’dak li qed nagħmel.

Dawn it-tip t’aljenazzjonijiet nistgħu nibqgħu nagħmlu listi sħaħ għeżież tiegħi fil-ħajja tagħna. Jista’ jkollna t-tip t’aljenazzjoni anke min ikun qed imexxi per eżempju. Min hu f’responsabbilta’ ta’ tmexxija tista’ tkun

  • qed tmexxi familja,
  • qed tmexxi x-xogħol,
  • qed tmexxi grupp anke grupp tal-Knisja,
  • qed tmexxi Knisja,
  • qed tmexxi komunita’,
  • qed tmexxi nazzjon,
  • qed tmexxi pajjiż,
  • qed tmexxi f’pożizzjoni ta’ tmexxija.

3. Aljenati mill-mexxejja biex idaħħlu xi ħaġa qalb il-poplu b’mod fin?

Xi drabi l-mexxejja għandhom il-potenzjal, għandhom il-qawwa li jaljenaw lill-bniedem, li jaljenaw lin-nies, illi jitfgħu pressure fuq ċirkustanza biex inesgħu oħra per eżempju. Naqbdu ma’ tema niddibattu lilha u fl-istess ħin ninsew temi oħrajn li huma ħafna importanti u mbagħad nibdew niddiskutuhom, indaħħluhom minn wara l-bieb ta’ malajr, malajr, malajr kollox bil-ġenn. Min imexxi għeżież tiegħi għandu kapaċita’ li jaljena lill-bniedem. Tafu li anke pajjiżi sħaħ jistgħu jiġu aljenati? Pajjiżi sħaħ, nazzjonjiet sħaħ, popli sħaħ jistgħu jiġu aljenati minn affarijiet. Ma narawx il-verita’ għaliex nitkellmu biss fuq ħaġa waħda u ninsew l-istampa ikbar, ninsew l-affarijiet oħrajn.

4. Aljenati meta affarijiet li m’humiex moralment tajbin inpenġuhom li huma tajbin

Nistgħu niġu aljenati għeżież tiegħi meta affarijiet li m’humiex moralment tajbin, affarijiet li huma ħżiena biex ngħiduha ċar u tond, inpenġuhom li huma tajbin u tant inkunu konvinti u nikkonvinċu lill-oħrajn minn din il-ħaġa li naljenaw lilna nfusna mill-verita’ ta’ xi ħaġa nagħmilha ħażin u xi ħaġa nagħmilha tajba. Dawn it-tip t’aljenazzjonijet għeżież tiegħi faċilment ngħaddu minnhom

  • fuq livell personali,
  • fuq livell ta’ familja,
  • fuq livell ta’ komunita’
  • fuq livelli differenti fil-ħajja tagħna.

Lil min jiftħilna għajnejna ma rridux nisimgħuh

Xi drabi meta xi ħadd jipprova jiġbdilna l-attenzjoni f’ħajjitna biex ma nibqgħux aljenati, biex xi ħadd jipprova jiftħilna għajnejna xi tkun ir-reazzjoni tagħna? Xi drabi ma nismgħux ma tridx tisma’. Ma tridx tisma’, ma tismax. Għaliex ma tridx tiftaħ għajnejk u forsi jaqbillek li tgħix aljenat, jaqbillek li ma taffrontax il-verita’ fil-ħajja, jaqbillek ma tpoġġix subgħajk fuq il-feriti, jaqbillek li ma tismax. U allura xi drabi nagħmlu shut down. Dan nista’ ngħid jista’ jiġri fuq livelli differenti.

  • Jista’ jkun illi l-mara qed tipprova tiġbidlek l-attenzjoni li qed tħoss in-nuqqas tiegħek fil-familja, fiż-żwieġ, id-dar imma inti ma tismax. Dejjem għajjien, dejjem għandek xi ħaġa u ma tismax.
  • Tista’ tkun leader, mexxej in-nies qed jiftħulek għajnejk imma inti ma tismax. Rasek iebsa u tibqa’ tgħix fl-aljenazzjoni.

Mela xi drabi meta xi ħadd jipprova jiftħilna għajnejna biex ma nibqgħux aljenati r-reazzjoni tagħna tkun li ma nisimgħux.

Lil min jiftħilna għajnejna nsibulu mezzi kif niġġustifkaw lilna nfusna

Xi drabi r-reazzjoni tagħna tkun meta nisimgħu u nibdew nitkellmu ma’ min jiftħilna għajnejna tkun li niġġustifikaw. Illi nsibu dejjem l-iskużi.

  • Iva, vera imma taf għaliex?
  • Vera mhux inkun id-dar imma mbagħad il-flus mhux kulħadd jieħu pjaċir bihom?
  • Vera mhux qed ikollna ħafna ħin flimkien imma mbagħad fis-sajf mhux safra tajba ħa nagħmlu?

Alinqas qabel il-Covid konna nagħmluha u forsi anke dan l-aħħar bdejna. Iġifieri niġġustifika u xi drabi nsibha diffiċli biex l-argument għax l-argumenti nġibuhom qrib il-likk.

  • Imma kemm ħa ndumu niġġustifikaw għeżież tiegħi?
  • Kemm ħa ndumu ma niftħux għajnejna?
  • Kemm ħa ndumu ma nħarsux lejn l-affarijiet?
  • Kemm ħa ndumu ma nisimgħux fil-verita’ lil min qed jifħilna għajnejna u nieqfu niġġustifikaw?
  • Xi drabi anke l-ħażin naslu biex niġġustifikaw. Iva, ħażin ta imma… u bl-imma niġġustifikaw mitt elf ħaġa għeżież tiegħi.

Lil min jiftħilna għajnejna nitfgħu l-ħtija fuqu

Uħud meta tipprova tiftħilhom għajnejhom jisimgħuk, ma jiġġustifkawx, x’jagħmlu imma? Idawwrulek id-diskors fuqek u jgħidulek tipo jien għandi tiegħi imma int m’għandekx tiegħek ukoll? Iġifieri isma’ jien m’inix inkun id-dar għax ma nafx xiex… qed naħdem imma inti mbagħad meta niġi bilkemm titkellem iġifieri jiftaħha fuqek u ma jindunax li forsi ma titkellimx għax inti rrabjat, għax inti mweġġa’ imma jġib skuża dak it-tip. Kemm hu faċli għeżież tiegħi illi meta xi ħadd jipprova jiftħilna għajnejna nitfgħu l-ballun f’saqajh lura, naqlawlu l-ħama tiegħu, inkellmuh fuqu. Għandna bżonn ħafna noqgħodu attenti minn dawn l-atteġjamenti tafux! Għaliex inkella ħa nibqgħu għaddejjin aljenati u l-konsegwenzi tal-aljenazzjoni jistgħu jkunu kbar ħafna.

Fil-Vanġelu xi nsibu dwar l-Aljenazzjoni?

Fil-Vanġelu għeżież tiegħi Ġesu’ jiftħilna għajnejna minn din l-aljenazzjoni anke fuq livelli ftit iktar profondi kif ħa nsemmi issa. Hemm tlett affarijiet b’mod partikulari mhux biss illi l-Kelma t’Alla tiftħilna għajnejna anke fuq livelli iktar profondi tal-ħajja illi rridu noqgħodu attenti ma nkunux aljenati.

1. Aljenazzjoni mill-foqra

Waħda minnhom hija li ma nkunux aljenati mill-foqra. Ġesu’ darba minnhom jagħtina parabbola ta’ wieħed raġel li kien għani, li kien sinjur, li kien jilbes tajjeb u kien jiekol tajjeb, kien jagħmel xi ħaġa ħażina? Hemm xi ħaġa ħażina billi tilbes tajjeb u tiekol tajjeb, bl-għaraq ta’ ġbinek, ma sraqthomx, ħdimt għalihom? M’int tagħmel xejn ħażin. Pero’ dan kien hemm raġel fqir wara l-bieb tiegħu u ma kienx jagħti kasu, kien moħħu biss fl-ikel u fl-ilbies tiegħu. Aljenat mill-fqir li hemm madwaru. Il-parabbola tgħidilna li dawn it-tnejn imutu, il-fqir isalva, is-sinjur jintilef. Ma jintilifx għax għamel xi ħaġa ħażina fiha nfisha. Il-ħażin li għamel kien li kien aljenat mill-fqir.

Għeżież tiegħi, aħna jista’ jkun illi nħossuna qegħdin ngħixu ħajja tajba. M’inix nagħmel ħsara ‘l ħadd pero’

  • jiena aljenat mill-fqir li hemm madwari,
  • mill-fqir li jħokk miegħi,
  • mill-fqir li huwa miegħi,
  • jien aljenat kompletament minnu,
  • lanqas biss ninduna li qiegħed hemm
  • jew nagħżel li ma nindunax,
  • jew nagħlaq għajnejja.

Kemm huwa faċli għeżież tiegħi li l-foqra aħna nkunu aljenati minnhom. Dejjem hemm raġuni biex ma tgħinnx lil min hu fqir. Dejjem hemm raġuni biex tibqa’ għaddej. Dejjem hemm raġuni biex ma tieqafx. Dejjem hemm raġuni biex ma tagħtix is-sehem tiegħek, dejjem!

Il-Mulej Ġesu’ għeżież tiegħi jiftħilna għajnejna li ma nkunux aljenati mill-foqra ta’ madwarna. Il-foqra ta’ madwarna m’humiex biss dawk li huma foqra materjalment żgur tafu dan. L-ikbar fqir jista’ jkun ġol-familja tiegħek anke jekk int sinjur għax l-ikbar fqir jista’ jkun dak li mhux maħbub. L-ikbar fqir huwa dak li jista’ jkollu kollox imma jħossu lonely, jħossu waħdu m’għandu lil ħadd fil-ħajja tiegħu. Jista’ jkollok flus bir-radam pero’ tħossok waħdek. Tista’ tkun għandek l-isbaħ dar pero’ tħossok waħdek fiż-żwieġ – tkun l-iktar persuna fqira għeżież tiegħi.

Aħna rridu niftħu għajnejna għal dan il-faqar li hawn fil-familji tagħna, għal dan il-faqar li xi drabi noħolqu aħna stess bl-aljenazzjoni tagħna minn xulxin ħbieb tiegħi. Ġesu’ qed jiftħilna għajnejna ma nkunx aljenati mill-foqra ta’ madwarna.

2. Aljenazzjoni mill-ħajja ta’ dejjem

Imabgħad hemm aljenazzjoni oħra li Ġesu’ jkellimna dwarha li rridu noqgħodu attenti minna u Ġesu’ jagħtihielna anke f’parabbola oħra. Darba minnhom Ġesu’ jagħtina l-parabbola ta’ dak ir-raġel illi kien sinjur, illi l-business tiegħu mar tajjeb ħafna u qal x’se nagħmel bil-ġid kollu li għandi? Qal naf x’nagħmel, inħott l-imħażen li għandi u nibni mħażen iktar ħa nistorja aktar, inpoġġi aktar il-ġid li jien għandi u hekk għamel. U Ġesu’ fil-parabbola jagħtina din it-tagħlima li dan wara jmut u dan kollu ta’ min se jkun? X’ħa miegħu? U x’jiġifieri? Kien aljenat mill-ħajja ta’ dejjem. L-affarijiet, il-ġenn tal-affarijiet ta’ din l-art aljenawh mill-ħajja tal-eternita’ għeżież tiegħi. U din hija waħda mill-aljenazzjonijiet li aħna ngħixu fiha.

Ġesu’ jiftħilna għajnejna fuq dak li huwa vera għeżież tiegħi. Aħna sfortunatament mhux b’ġudizzju imma ninsabu aljenati mill-ħajja ta’ dejjem, mill-eternita’. Xi drabi anke fil-Knisja għax l-aljenazzjoni f’kollox tista’ tkun ta. Il-festi tagħna jistgħu jaljenawna, anke l-liturġija tagħna stess fil-Knisja waqt li hija ċċentarata fuq Alla tista’ taljenana. Jekk il-liturġija nagħmluha skop fih innifsu fuq l-ilbies u fuq il-kor u fuq l-affarijiet ilkoll nistgħu niġu aljenati għeżież tiegħi, anke l-istess studju fuq il-Kelma t’Alla jekk isir skop fih innifsu jista’ jaljenana minn Alla stess, mill-iskop tal-ħajja ta’ dejjem għeżież tiegħi. Jekk ma noqgħodux attenti hija fina kollox jista’ jaljenana mill-eternita’. Imma ħafna drabi l-affarijiet materjali jaljenawna ħafna aktar b’mod faċli.

Illum il-ġurnata anke ż-żminjiet li jmissu mall-affarijiet sagri, iż-żmien fejn naf jien iż-żmien tal-Avvent li jppreparana għall-Milied, iż-żmien tar-Randan li jippreparana għall-Għid ukoll jaljenawna bil-materjaliżmu li jidħol fihom b’mod speċjali ż-żmien tal-Milied, iż-żmien tal-Avvent illi jibda minn kmieni l-materjaliżmu għeżież tiegħi bis-shopping, bix-xiri, bir-rigali, bl-ornamenti, b’kollox. Imma kemm persuni jiġu aljenati fil-veru sens tal-kelma minn dak illi qegħdin niċċelebraw li jrid iwassalna għall-ħajja ta’ dejjem – Sidna Ġesu’ Kristu. Xi drabi anke l-istess Sagramenti li aħna niċċelebraw iġifieri t-tfal jagħmlu l-Praċett u l-Griżma, aktar indarruhom ikunu f’moħħhom għax ma tantx ikunu huma xi drabi jkunu l-ġenituri fuq il-libsa u fuq il-party u fuq ir-rigal milli s-sustanza ta’ dak li qed jiġi ċċelebrat – it-Tqarbina u s-Sagrament tal-Griżma. Araw x’aljenazzjoni għeżież tiegħi! Kemm faċilment tista’ tidħol dak li jmiss mal-affarijiet t’Alla. Meta tiżżewweġ tista’ tkun aljenat minn dak li qed tagħmel meta l-libsa u t-tieġ fih innifsu u kollox isir importanti mill-wegħda li qed tagħti quddiem Alla, dik li hi essenzjali.

Għeżież tiegħi l-materjaliżmu li jidħol anke fl-istess affarijiet tal-Knisja faċilment jaljenana mill-ħajja ta’ dejjem. Aħna għeżież tiegħi l-Mulej jiftħilna għajnejna. Aħna msejħin għall-eternita’. Ħajjitna m’hijiex ħa teħel ma’ din l-art. Ta’ din l-art kollox se jgħaddi, kollox!

  • Jekk intix popolari jew le,
  • jekk intix fqIr jew sinjur,
  • jekk intix f’saħħtek jew marid,
  • jekk jafux bik jew ma jafux bik,
  • jekk kontx suċċess jew falliment,
  • kollox se jgħaddi.

Dak li se jibqa’ biss hu l-ħajja ta’ dejjem, l-eternita’ li forsi xi wħud anqas iridu jisimgħu dwarha jew lanqas jemMnu fiha, imma dik hi l-verita’. Għax aħna aljenati minnha ma jfissirx li mhux vera għeżież tiegħi.

3. Aljenazzjoni minn Kristu nnifsu

Imbagħad hemm aljenazzjoni oħra li jista’ jkollna u Ġesu’ jiftħilna għajnejna hija minn Kristu nnifsu. Jolqotni ħafna Ġwann il-Battista jgħid din il-kelma partikulari fejn jidħol Ġesu’. “F’nofskom hemm wieħed li intom ma tafuhx.” Kemm hi qawwija! ‘F’nofskom hemm wieħed li intom ma tafuhx.’ Iġifieri qiegħed f’nofskom, pero’ aljenati minnu. Intkom ma tafuhx. Ġesu’ huwa magħna, Ġesu’ fil-ħajja tagħna, Ġesu’ jimxi magħna fil-ħajja ta’ kuljum. Minn x’ħin tqum sa ma torqod il-Mulej huwa miegħek. Miegħek ma għandniex bżonn indaħħlu lil Alla la fil-ħajja tagħna u lanqas fil-ħajja ta’ xi ħadd għax il-Mulej qiegħed fil-ħajja ta’ kulħadd inkluż ta’ min ma jridx jaf bih. Irridu noħorġu mill-aljenazzjoni minnu u nsiru konxji tal-preżenza tiegħu. Imma xi drabi għeżież tiegħi kemm hija vera dil-Kelma: “F’nofskom hemm wieħed li intom ma tafuhx.” Hekk Ġwanni l-Battista jintroduċi lil Kristu. Xi drabi Ġesu’ fis-soċjeta’ tagħna, fi żminijietna jista’ jkun hekk. Qiegħed magħna u aħna ma nafuhx. Min jaf kemm drabi l-Mulej jipprova jiġbdilna l-attenzjoni, jibgħatilna Kelma, jibgħatilna l-messaġġiera tiegħu, jiftħilna għajnejna, jurina li qiegħed magħna. Alla għeżież tiegħi jipprova joħroġna mill-aljenazzjoni. U ħafna drabi jagħmilha:

  • Jew b’xi dawl li jagħtina permezz tal-Ispirtu s-Santu,
  • Jew f’xi mumenti ta’ talb,
  • Jew xi ħadd isir profeta għalina f’isem Alla.

Pero’ xi drabi l-Mulej għandu l-modi goffi wkoll kif joħroġna mill-aljenazzjoni.

  • Jippermett mumenti iebsa,
  • jippermetti l-kriżi,
  • jippermetti l-mard,
  • jippermetti diżastru,
  • jippermetti ċirkustanzi iebsa fuq livell personali,
  • fuq l-livell ta’ Knisja,
  • fuq livell soċjali,
  • fuq livell globali,
  • fuq livell ta’ nazzjon,
  • fuq livell ta’ kontinent,
  • fuq livell ta’ dinja għeżież tiegħi.

Għiduli intom l-Covid 19, il-Coronavirus, il-pandemija li qegħdin ngħixu għandhiex tkun wake up call li toħroġna mill-alejnazzjoni li aħna dħalna fiha għeżież tiegħi? Li xi drabi ħadna wisq affarijiet forgranted, il-ħajja tal-bniedem per eżempju, li nkunu qrib xulxin. Ħadna ħafna affarijiet forgranted li l-Covid kixfet. Ħsiebna li aħna super powers u skoprejna kemm aħna dgħajfin. Ħsiebna li se nsibu soluzzjonijiet hekk ta’ malajr u naraw li kull mutation li jkun hemm tal-virus tkun dejjem minna sfida ġdida, donnha ma nistgħux nlaħħqu. Ħriġna minn aljenazzjoni għal min irid għax hemm min baqa’ daħal u baqgħu hemm hekk qisu ostrich daħal rasu fir-ramel.

Il-Mulej jista’ jippermetti għeżież tiegħi anke mumenti iebsa, kriżijiet fuq livelli differenti, personali, ta’ Knisja, ta’ nazzjon, ta’ dinja biex joħroġna mill-aljenazzjoni u dan hu kollu att ta’ mħabba! Għajnejna jeħtieġ li jinfetħu. Inti trid li għajnejk jinfetħu?

Illum nixtieq nitlob mill-qalb li l-Mulej jiftħilna għajnejna lkoll kemm aħna ħa noħorġu mill-aljenazzjoni tagħna

  • fiż-żwieġ,
  • fil-familja,
  • fuq ix-xogħol,
  • fis-soċjeta’,
  • fil-Knisja,
  • fil-gruppi,
  • fl-għaqdiet,
  • fil-komunitajiet,
  • fil-ħajja personali tagħna,

għaliex hemm mument meta lkoll kemm aħna noħorġu mill-aljenazzjoni. Jalla ma nisimgħux dak il-mument li hu l-mument tal-mewt meta għajnejna se jinfetħu għall-verita’. Pero’ għalfejn għandna nistennew sa dak il-mument għeżież tiegħi biex noħorġu mill-aljenazzjoni? Ejjew nużaw dan iż-żmien u l-grazzji kollha li Ġesu’ jagħtina u nkunu strumenti f’idejn il-Mulej biex ngħinnu ‘l xulxin, niftħu għajnejna f’dawk l-areas fejn aħna ninsabu aljenati.

Nirringrazzjakom li kontu magħna. Jiena nixtieq insellmilkom mill-qalb inwegħedkom li nitlob għalikom u nixtieqkom ħafna minn qalbi biex intom iżżommuni wkoll fit-talb tagħkom.

Il-Paċi magħkom,

Kunu mberkin.

MUR GĦAL-LISTA SĦIĦA TAT-TAĦDIDIET TA’ FR HAYDEN

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s