Ġisem u Demm Ġesu’ – Riflessjoni dwar is-Solennita’ tal-Ġisem u d-Demm tal-Mulej (Sena Ċ)

Il-Ħamis, 30 ta’ Mejju 2019: Riflessjoni dwar Lq 9:11b–17. (Sena Ċ) (Solennita’ tal-Ġisem u d-Demm tal-Mulej) Ara t-test tagħha taħt il-vidjo …

MUR GĦAL-LISTA SĦIĦA TAT-TAĦDIDIET TA’ FR HAYDEN

Il-Paċi magħkom għeżież tiegħi, minn qalbi nilqagħkom għal darb’oħra għal dan il-programm ‘Ejjew Għandi,’ b’mod speċjali jekk forsi b’xi mod tħossok li inti inqtajt minn Alla jew tħossok ‘il bogħod jew forsi tħoss lil Alla ‘l bogħod minnek. Illum huwa qrib tiegħek u llum inti tista’ tkun qrib tiegħu.

Darba minnhom fil-Bibbja nsibu ‘l Alla jgħidilna: “Ersqu lejja u jiena nersaq lejkom.” Ersqu lejja.. “Draw near to Me and I will draw near to you.” Ersqu lejja qed jgħidilna Ġesu’ u jiena nersaq lejkom. Biex aħna nersqu lejh il-grazzja t’Alla tkun ġa qed taħdem fina tafux pero’ jkun hemm bżonn li aħna nagħmlu l-pass tagħna wkoll għaliex aħna m’aħniex pupazzi f’idejn Alla jikkontrollana hekk, tana l-liberta’ pero’ l-liberta’ li jagħtina jkompli jfejjaqha u jsaħħaħha bil-qawwa tal-Ispirtu tiegħu bil-grazzja t’Alla li tkompli tiġbidna lejn Alla.

Illum se nisimgħu silta mill-Kelma t’Alla għeżież tiegħi illi ħa tgħinna nirriflettu ftit u nirrealizzaw is-sbuħija, il-qawwa, il-kobor tal-Ewkaristija fil-ħajja tagħna pero’ qabel ma naqra s-silta mill-Vanġelu skont San Luqa dwar dan, nixtieq insellem lil dawk kollha li jsegwuna mill-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin, mill-isptarijiet, mid-djar tal-anzjani, is-saċerdoti mid-dar tal-Kleru, żgħażagħ u adoloxxenti, koppji miżżewġin, saċerdoti, u dawk li jsegwuna barra minn Malta b’diversi mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali għeżież tiegħi, insellmilkom ilkoll. Xerdu l-Kelma, aqsmu dal-programm ma’ ħaddieħor biex il-Kelma t’Alla tkompli tikber u toktor fi żminijietna wkoll għax hija Kelma li tagħti l-Ħajja.

San Luqa fil-kapitlu 9 minn vers 10 sa vers 17 għeżież tiegħi , isimgħu x’jgħidilna:

L-appostli reġgħu lura għand Ġesù u qalulu x’kienu għamlu; imbagħad ħadhom miegħu u nġabar magħhom qrib belt jisimha Betsajda. Imma l-folol saru jafu u marru warajh. Hu laqagħhom u qagħad ikellimhom fuq is-Saltna ta’ Alla, u fejjaq lil dawk li kienu jeħtieġu l-fejqan. Il-jum kien wasal biex jintemm. Resqu lejh it-Tnax u qalulu: “Ibgħathom in-nies ħa jmorru fl-irħula u r-rziezet tal-qrib biex isibu fejn jistrieħu u jieklu xi ħaġa, għax hawnhekk qegħdin f’post imwarrab.” Iżda hu qalilhom: “Agħtuhom intom x’jieklu.” Qalulu: “Ma għandniex aktar minn ħames ħobżiet u żewġ ħutiet, jekk għallinqas ma mmorrux aħna stess nixtru l-ikel għal dawn in-nies kollha!” Għax kien hemm madwar il-ħamest elef raġel. U qal lid-dixxipli tiegħu: “Qegħduhom bilqiegħda ħamsin ħamsin.” Hekk għamlu, u qiegħdu lil kulħadd bilqiegħda. Imbagħad ħa l-ħames ħobżiet u ż-żewġ ħutiet, rafa’ għajnejh lejn is-sema, berikhom u qasamhom, u tahom lid-dixxipli biex inewluhom lin-nies. U kulħadd kiel u xaba’ u l-bċejjeċ tal-ħobż li kien fadal ġabruhom fi tnax-il qoffa.

Dan il-miraklu, wieħed mill-mirakli għeżież tiegħi tat-tkattir tal-ħobż huwa miraklu illi biex ngħid hekk ifakkarna fil-Ħobż vera tal-Ħajja li hi l-Ewkaristija Mqaddsa. Meta San Franġisk t’Assisi jagħmel riflessjoni żgħira fuq it-talba tal-Missierna, meta aħna ngħidu: ‘Ħobżna ta’ kuljum agħtina llum.’ Hekk San Franġisk il-Ħobżna ta’ kuljum agħtina llum ma jmurx mal-ewwel għall-kwistjonijiet ta’ xogħol imma Ħobżna ta’ kuljum agħtina llum huwa l-Ħobż li niżel mis-sema li huwa Ġesu’ nnifsu li huwa magħna fl-Ewkaristija, li huwa Hu li jrid ikun l-ikel tal-ħajja tagħna.

Issa għeżież tiegħi meta nitkellmu minn Ġesu’ li huwa preżenti u Ħaj fl-Ewkaristija, aħna f’Malta ngħidulha l-Festa ta’ Korpus, għeżież tiegħi forsi wħud minna jkollhom id-dubji tagħhom u jkollhom l-istruggles tagħhom biex jemmnu din ir-realta’ profonda li Ġesu’ hu preżenti u Ħaj, li l-Ewkaristija fil-Quddies dak il-Ħobż u l-Inbid ikkonsagrat isiru l-Ġisem u d-Demm ta’ Ġesu’. L-ewwel ħaġa jekk inti tiddubita jien nixtieq nagħmillek kuraġġ. Għaliex? Għax il-fidi hija don. Il-fidi hija grazzja jiġifieri isma’ din mhix kwistjoni biss trid toqgħod tipprova tifhem kollox inti pero’ trid titlob lill-Mulej, isma’ Mulej

  • tini l-Ispirtu tiegħek,
  • tini d-dawl tiegħek,
  • tini l-grazzja tiegħek,
  • tini l-għajnuna tiegħek.

U allura hija importantissima għeżież tiegħi li aħna quddiem ir-realta’, il-preżenza ħajja ta’ Ġesu’ fl-Ewkaristija aħna nitolbu l-grazzja li nemmnu li Ġesu’ hu fl-Ewkaristija Mqaddsa.

Insibu li fl-Istorja tal-Knisja kien hemm min iddubita, dażgur li kien hemm. Wieħed milli ddubita kien qassis stess darba minnhom waqt Quddiesa. Waqt il-Quddies għeżież tiegħi, waqt il-Konsagrazzjoni l-Ħobż ikkonsagrat, l-Ostja ssir laħam u l-Inbid isir demm ta’ vera. Dawn huwa l-miraklu ngħidulu ta’ Lanciano għeżież tiegħi ġewwa l-Italja. Jekk xi ħadd minnkom ikun hemm jista’ jmur jarah u żgur li wħud minnkom forsi rajtuh. Meta l-istudjużi anke fi żminijiet riċenti għeżież tiegħi għamlu studju sabu li din l-Ostja li saret laħam, il-laħam hija parti minn qalb ta’ bniedem u allura donnu Ġesu’ hawnhekk qed jgħidilna: ‘Isma’ fl-Ewkaristija qed nagħtikom qalbi jiena.’ Hija simbolu tal-imħabba. Din il-qalb li batiet fuq is-Salib, din il-qalb li ġiet minfuda għeżież tiegħi. Il-Mulej qed jgħidilna: ‘Jien bqajt fl-Ewkaristija għax ħabbejtkom!” Alla għax iħobbna jrid isir l-ikel tagħna ċioe’ l-ikel hu dak li mingħajru jien ma ngħix. Iġifieri hawnhekk Ġesu’ qed jgħidilna:

  • ‘Mingħajri ma tgħixux,
  • mingħajri ma tistgħu tagħmlu xejn!’
  • Jiena l-forza tagħkom!
  • Jiena il-qawwa tagħkom!
  • Jien fl-Ewkaristija Mqaddsa!

Kemm għandna bżonn għeżież tiegħi nħossu fina dan il-ġuħ, dan l-għatx għal Alla. Kemm għandna bżonn nirrealizzaw li Alla tant umilja lilu nnifsu li ried ikun l-ikel tagħna.

Ġesu’ jrid ixebbagħna bih. Sfortunatament uħud minna xbajna minnu, għeżież tiegħi. Ġesu’ ġie jxebbagħna bih innifsu, tant ġie jxebbagħana li meta jkattar il-ħobż li huwa simbolu tal-Ewkaristija għeżież tiegħi hawnhekk, naraw illi kien hemm biżżejjed ħobż għal kulħadd u ġabru tnax-il qoffa. Irid jagħtina lilu nnifsu b’abbundanza lkoll kemm aħna għeżież tiegħi, pero’ xi drabi aħna nistgħu bħal-Lhud jiġrilna fid-deżert meta ġiethom il-manna, l-ewwel kienu mġewwħin għaliha mbagħad xebgħu minna għax aħna hekk fil-ħajja għeżież tiegħi. Xi ħaġa ġdida rriduha mbagħad nixbgħu minna, irridu xi ħaġ’oħra u xi drabi anke m’Alla qed jiġrilna hekk. Is-sens ta’ konsumiżmu għeżież tiegħi tas-soċjeta’ li nikkunsmaw affarijiet materjali mbagħad narmuhom m’għandiex aktar bżonnhom nistgħu nagħmluh anke fil-Knisja, nistgħu nagħmluh anke b’mod spiritwali nikkunsmaw l-affarijiet spiritwali, li nużawhom daqskemm jogħġbuna, daqskemm jaqblilna imma mbagħad inwarrbuhom.

Ejjew ma nagħmlux hekk bil-preżenza reali ta’ Ġesu’ fl-Ewkaristija u hekk inħeġġiġkom f’dal-ħin għeżież tiegħi illi

  1. Li nemmnu fil-preżenza ħajja ta’ Ġesu’ fl-Ewkaristija.
  2. Nixtieq inħeġġiġkom illi mhux biss nemmnu imma li nirċievu l-Mulej fis-Sagrament Imqaddes.

Ġesu’ jrid ikun il-forza, il-qawwa tagħna, il-mediċina tagħna fid-dgħjufija tagħna. Inħeġġiġkom mill-qalb għeżież tiegħi sabiex ma noqgħodux ‘il bogħod mit-Tqarbin Imqaddes anke jekk forsi inti waqaft titqarben. Tgħid imma jien mhux importanti li nitlob? Nitlob id-dar. Id-dar m’intix ħa tirċievi l-Mulej fl-Ewkaristija Mqaddsa, ibni. Aħna ħa nirċievu l-Mulej fil-Knisja, fil-komunita’ li ġej jitmagħna bih innifsu għeżież tiegħi. Titbegħidx! Ix-xitan irid ibiegħed lin-nies mis-Sagrament Imqaddes. Ix-xitan irid ibiegħed lin-nies milli jirċievu lil Ġesu’ fl-Ewkaristija għeżież tiegħi, u hawn attakk tax-xitan fuq l-Ewkaristija Mqaddsa.

Xi drabi hu aħna s-saċerdoti stess li nikkontribwixxu għal dan l-attakk fuq l-Ewkaristija, bl-iżbalji tagħna. Xi kultant

  • in-nuqqas ta’ mħabba tagħna stess lejn l-Ewkaristija,
  • in-nuqqas ta’ riverenza tagħna,
  • il-mod kif aħna nqaddsu,
  • il-mod kif aħna niċċelebraw il-Quddies,
  • il-mod kif aħna stess inġibu ruħna fuq l-altar u fil-knisja.

Xi drabi aħna stess flok ngħinnu n-nies jibnu l-fidi sfortunatament indgħajjfuhielhom bl-attitudnijiet ħżiena tagħna jew bl-iskandli li aħna nistgħu nagħtu. Pero’ nħeġġiġkom ma nieqfux hemmhekk għaliex għeżież tiegħi Ġesu’ anke jekk jiena nara saċerdot illi hawn fid-dinja, meta ħa nqaddes Ġesu’ xorta ġej fuq l-altar. Għaliex l-imħabba t’Alla mhix marbuta mas-saċerdot imma tmur lil hinn pero’ minn naħa l-oħra wkoll iridu ngħidu għeżież tiegħi. Kemm saċerdoti qaddisa anke f’pajjiżna? Mhux bilfors għax ġew ikkanonizzati mill-Knisja. Żgur li lkoll kemm intom tafu xi saċerdot illi f’ħajjitkom ispirakom, edifikakom, qawwikom fil-fidi. Ħarsu lejn dak l-immaġini ta’ dak is-saċerdot li intom iltaqjtu miegħu, li bniekom fil-ħajja u ma jeħilx kulħadd għeżież tiegħi u ħallu l-fidi tas-saċerdot tibni l-fidi tagħkom f’Ġesu’ Ewkaristija.

1. Toqgħodux ‘il bogħod mit-Tqarbin imma qabel ersqu lejn il-Qrar

Nixtieq inħeġġiġkom mela biex ma noqgħodux ‘il bogħod mit-Tqarbin u ma nħallu xejn xi jtellifna anke xi drabi xi affarijiet li ma jkunux sejrin tajjeb fil-Knisja, ma nħalluhomx itellfuna milli nirċievu lill-Mulej Ġesu’ fl-Ewkaristija Mqaddsa.

Nixtieq inħeġġeġ ukoll minn naħa l-oħra għax hawn min hu f’estrem imbagħad, hawn min hu skrupluż u ma jirċeviex l-Ewkaristija għax jgħidlek m’iniex dehen. Min minna hu dehen għeżież tiegħi? Min minna hu dehen? Ħadd minna m’hu dehen. Hija grazzja li l-Mulej irid jagħtina fit-Tqarbin Imqaddes. Minn banda mbagħad immorru f’estrem ieħor ta’ persuni li għeżież tiegħi xi drabi mingħajr ġudizzju lejn ħadd illi nersqu għat-Tqarbin mingħajr preparazzjoni ta’ xejn. San Pawl jgħidilna biex qabel ma nieklu l-Ħobż tal-Mulej, qabel ma nieklu l-Ġisem tal-Mulej, aħna ngħarblu l-kuxjenza tagħna għeżież tiegħi, ngħarblu l-qalb tagħna illi jekk għandna bżonn allura nitolbu maħfra ‘l Alla, għandna bżonn nersqu lejn il-Qrar. Ma nirċevux l-Ewkaristija fi stat ta’ dnub mejjet maħbubin tiegħi. Ma nirċevux l-Ewkaristija fi stat ta’ dnub mejjet. Il-Knisja tħeġġiġna għeżież tiegħi sabiex aħna nersqu lejn is-Sagrament tal-Qrar qabel ma nirċievu t-Tqarbin Imqaddes kemm-il darba fil-kuxjenza tagħna quddiem Alla għarafna sew illi aħna ninsabu fi stat, fir-realta’ tad-dnub. Għeżież tiegħi għax is-Sagrament tal-Maħfra qiegħed hemm biex ifejjaq u jiftħilna qalbna beraħ biex nistgħu nilqgħu lill-Mulej biex ifejjaq lid-dgħjufija tagħna għeżież tiegħi, li xi drabi twassalna għan-nuqqasijiet tagħna. U għalhekk inħeġġeġ ħafna la nkunu f’estrem illi l-iskrupli li jien ma jistħoqqlix u nispiċċa mmur l-Quddies u ma nitqarbinx imma lanqas immorru fl-estrem l-ieħor li huwa ħażin illi nersqu għat-Tqarbin mingħajr ma niċċelebraw il-Qrar meta dan għandna bżonnu għeżież tiegħi.

2. Ħin fis-skiet quddiem Ġesu’ f’xi kappella tal-adorazzjoni

Nixtieq inħeġġeġ ukoll għall-mumenti meta aħna nsibu ċ-ċans illi, naf li għandna  dinja mgħaġġla ta, għaddejjin minn xogħol, minn ħaġa għall-oħra, pero’ kemm hu sabiħ illum f’Malta u f’Għawdex f’ħafna mill-Parroċċi tagħna għandna xi kappella tal-Adorazzjoni. Li nistgħu nieqfu naduraw daqsxejn il-Mulej li fih insibu l-faraġ tagħna, it-tama tagħna. Li inti mort il-kappella ftaħt qalbek m’Alla. Aħna kemm ngħidu kliem, kemm nippostjaw affarijiet, kemm niktbu messaġġi, pero’ fil-verita’ kemm affarijiet jitbiddlu għax ktibna, għax tkellimna? Għax ma nkellmux direttament lil Dak li baqa’ magħna f’din il-mixja ta’ din l-art biex ikun pellegrin magħna l-pellegrini fuq din l-art għeżież tiegħi, fejn irid iqawwina?

San Piju tal-pjagi kien jgħid: ‘Iktar faċli li d-dinja teżisti mingħajr ix-xemx..’ li hija impossibli, “milli l-Knisja u l-Insara u d-dinja mingħajr l-Ewkaristija Mqaddsa.’ L-Ewkaristija hija l-qawwa u l-quċċata ta’ kollox fil-ħajja tagħna. Sibu xi kappella qrib tagħkom, sibu ħin li tmorru titolbu, taduraw lill-Mulej Ġesu’, u meta mmorru f’xi kappella t’adorazzjoni nħeġġeġ lil kulħadd jitlob fis-skiet.

  • Iċċekċikx il-kuruna tar-Rużarju,
  • titlobx minn taħt l-ilsien,
  • toqgħodx tqalleb il-paġni bl-addoċċ,
  • toqgħodx bil-mobajl idoqq,

għax itellef lil ħaddieħor li jkun qed jitlob. Għandna bżonn daqsxejn etikett spiritwali f’dawn il-kapellel tal-adorazzjoni għeżież tiegħi, li nġibu ruħna b’mod li ngħinnu lil xulxin.

3. Irridu nsiru Ewkaristija, irridu nsiru l-ikel għall-oħrajn billi nkunu ta’ servizz u qadi lejn il-fqir u l-babut

Ħaġ’oħra li l-Ewkaristija għeżież tiegħi huwa li aħna rridu nsiru Ewkaristija, bħalma Ġesu’ jsir ikel għalina, aħna rridu nsiru ikel għall-oħrajn. Madre Tereża kienet tħobb tgħid lis-sorijiet tagħha lkoll nafu li jaħdmu mall-foqra. Tgħidilhom: “Filgħodu fil-Quddies intom tieklu lil Ġesu’ fit-Tqarbin, matul il-ġurnata ħallu n-nies jieklu lilkom.” U meta nagħmlu hekk jekk hemm Ġesu’ fina n-nies jistgħu jirċievu lil Ġesu’. “Let them eat you up!” kienet tħobb tgħid għeżież tiegħi.

Kemm għandna bżonn li aħna l-Ewkaristija mhux biss Tqarbin, mhijix biss devozzjoni t’adorazzjoni, imma l-Ewkaristija għeżież tiegħi trid issir anke servizz lejn il-foqra. Bħalma Kristu ċċekken fl-Ewakristija aħna niċċekknu għall-oħrajn biex naqdu lill-oħrajn b’mod speċjali l-fqir u l-batut. L-istess Ġesu’ jgħidilna: ‘Dan hu Ġismi, dan hu Demmi’ fl-Ewkaristija Mqaddsa l-istess wieħed illi jgħidilna: “Kull ma’ għamiltu mall-oħrajn għamiltuh miegħi.” Il-Ġisem u d-Demm tal-Mulej fl-Ewkaristija li jiena rċevejt irid narah ukoll fil-fqir u fil-batut.

  • Aħna ma nistgħux niċċelebraw il-Quddies pero’ mbagħad inkunu kontra r-refuġjati.
  • Ma nistgħux niċċelebraw il-Quddies u nkunu kontra l-priġunieri.
  • Ma nistgħux niċċelebraw il-Quddies u nkunu kontra lid-drogati.
  • u nkunu kontra min hu Homeless.
  • Ma nistgħux niċċelebraw il-Quddies u nkunu kontra min hu fqir u batut anke jekk xi drabi ċerta faqar u tbatija dak li jkun ġabha b’idejh għax dik hija l-verita’ wkoll.

Pero’, għeżież tiegħi s-Sagrament tal-Ewkaristija hu Sagrament ta’ ħniena. Xi ħadd minna jistħoqqlu li jirċievi l-Ewkaristija, lil Ġesu’? Le! L-istess il-karita’ tagħna mhix għax xi ħadd jistħoqqlu. Il-karita’ tagħna hija ħniena għeżież tiegħi. Il-ħniena ttik dak li int ma jistħoqqlokx. Il-ġustizzja tagħtik li jistħoqqlok imma l-ħniena ttik dak li ma jistħoqqlokx. U forsi aħna għeżież tiegħi xi drabi din il-ħniena nitilfuha. Tafu sakemm? Sakemm ma niġux bżonnha aħna jew ma jiġix bżonnha xi ħadd fil-familja tiegħek. Fejn naf jien inti tista’ tkun ħafna iebes fuq l-priġunieri

  • sakemm ma jidħolx ibnek il-ħabs,
  • sakemm ma tidħolx martek il-ħabs,
  • sakemm ma jidħolx żewġek il-ħabs,
  • sakemm ma tidħolx int il-ħabs.

Tista’ tkun ħafna iebes fuq min żbalja u ma turix ħniena u kompassjoni, mhux qed ngħid ġustizzja ma ssirx ta, pero’ mhux l-unika ħaġa fil-ħajja pero’ mbagħad il-ħniena tridha. Aħna l-ġustizzja ma rriduhiex wara l-bieb ta’ djarna wara l-bieb ta’ darna aħna rridu l-ħniena meta aħna niżbaljaw għeżież tiegħi.

Aħna li nitqarbnu nirċievu l-Mulej irridu aħna stess insiru ikel u ħobż ta’ mħabba u ħniena għall-oħrajn b’mod speċjali għal dawk illi forsi f’għajnejna ma jistħoqqilhomx. Pero’ ftakru ħadd minna ma jistħoqqlu. Ġesu’ hu għażel lilna mhux aħna għażilna lilu. Aħna rridu nagħżlu lill-oħrajn, aħna rridu nagħżlu li naqdu lill-foqra u fis-sempliċita’ maħbubin tiegħi. Xi drabi aħna m’aħniex is-Salvaturi, m’aħniex Alla, m’aħniex ħa nsolvu l-problemi kollha tad-dinja, il-faqar kollu tad-dinja, il-problemi kollha li hawn le! Pero’ nistgħu ninfluenzaw ftit

  • bil-ħin tagħna,
  • bl-attitudni tagħna,
  • bil-ġenerożita’ tagħna,
  • bil-kontribuzzjoni tagħna,
  • bil-kliem tagħna,
  • billi niġġieldu għal dik li huwa ġustizzja,
  • għal dawk li huma d-drittijiet umani veri u awtentiċi fil-ħajja tal-bniedem u fil-ħajja tas-soċjetajiet tagħna.

Ma nistgħux aħna niċċelebraw il-Quddies, nitqarbnu u ninsew it-tbatija li hemm barra minn erba’ ħitan tal-Knisja. Ma nistgħux ninqaflu fl-adorazzjoni Ewkaristika u nitbegħdu mit-tbatija tan-nies. Ma nistgħux nemmnu li Ġesu’ qiegħed preżenti fl-Ewkaristija u ma nemmnux li Ġesu’ huwa preżenti f’min qiegħed ibati, f’min hu fqir illum-il ġurnata. Jalla l-Ewkaristija għeżież tiegħi tgħaqqadna m’Alla, tgħaqqadna bejnietna u tgħaqqadna mal-fqir u mal-batut ta’ żminijietna.

Jien nistedinkom għall-mument biex tiġu flimkien. Ikollna mument fejn naduraw lil Ġesu’ fl-Ewkaristija. U meta niltaqgħu u naduraw lill-Mulej fil-laqgħat “Ejjew Għandi” li jmiss, idħlu fil-facebook page tiegħi Fr Hayden u ssibu hemmhekk l-avviżi kollha, inħallu lil Ġesu’ jagħmel fina, bil-qawwa tal-Ewkaristija dak li hu jrid jagħmel:

  • ifejjaqna,
  • jagħtina l-faraġ,
  • ikun magħna,
  • iferraħna,
  • jibdilna,
  • jittrasformana.

Ejjew intom, ġibu lil ħaddieħor magħkom, b’mod speċjali l-morda, li jkollna ħin anka biex nitolbu għalikom ilkoll fil-bżonnijiet kollha tagħkom. Sa ma narakom, inselmilkom. Nitolbu għal xulxin, jien għalikom, intom għalija. Il-Paċi magħkom. Kunu mberkin.

MUR GĦAL-LISTA SĦIĦA TAT-TAĦDIDIET TA’ FR HAYDEN

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s