Embryo Freezing & Abortion

L-Erbgħa, 9 ta’ Diċembru 2015: Embryo Freezing & Abortion – Riflessjoni fuq Luqa 1: 39-45. (Ir-Raba’ Ħadd tal-Avvent) (Sena Ċ). Ara t-test tagħha taħt il-vidjos …

MUR GĦAL-LISTA SĦIĦA TAT-TAĦDIDIET TA’ FR HAYDEN

Marija: Il-paċi magħkom. Jiena Marija Attard. Nilqgħakom għal dan il-programm “Ejjew Għandi”. Wasalna fir-Raba’ Ħadd tal-Avvent. Ħafna minna armajna l-presepji d-dar. Jien pastur li meta kont żgħira ma kontx nifhem l-iskop tiegħu kien l-għaġeb tal-presepju pero’ issa nista’ ngħid, qabel kont naħseb li dan ma jafx x’inhu jiġri għalhekk ma kienx jogħġobni imma issa nista’ ngħid illi huwa wieħed milli l-aktar jolqotni għaliex għaraft illi għaġeb mhux għax ma kienx jaf x’inhu jiġri imma daqskemm għaraf x’inhu jiġri.

  • Hekk ħabib, int tistagħġeb?
  • X’inhu li jġagħlek tistagħġeb?

L-Iskrittura tgħidilna: ‘Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni biex kull min jemmen fih ma jintilifx imma jkollu l-ħajja ta’ dejjem.’

  • Ħabib, inti tistagħġeb quddiem dan ir-rigal ta’ Alla mogħti kollu kemm hu għalik?
  • Tistagħġeb quddiem dan Alla Ii tant ħabbek illi xejjen lilu nnifsu, sar ilsier, ħa l-ġisem ta’ bniedem biex jurik l-imħabba tiegħu?
  • Tistagħġeb quddiem dan Alla li sar ħobż għalik biex hekk int tgħix bih, ma tgħixx biss għal dawn l-erbat ijiem imma tgħix f’għaqda miegħu għall-eternita’?
  • Aħna qegħdin nistagħġbu quddiem l-imħabba ta’ Alla jew aljenati mall-bqija tad-dinja bil-mentalita’ ‘kul u tpaxxa għax illum jew għada għal ġol-kaxxa?’

Hekk, ejjew nirriflettu ftit. Ejjew nagħrfu x’hemm f’qalbna. Ilqajna r-rigal tal-Missier għalina li hu Ġesu’?

Hekk miegħi fl-istudio illum għandi lil Fr Hayden u lil Sara. Il-paċi magħkom.

Fr Hayden: Insellimlek Marija, insellem anki lilek Sara u nsellmu lit-telespettaturi kollha tagħna li qegħdin isegwuna.

Marija: Il-Vanġelu li ħa naqraw illum hu meħud mill-ktieb ta’ San Luqa l-1 Kapitlu versi 39 sa 45. Ejja naqrawh flimkien:

F’dawk il-ġranet Marija qamet u marret tħaffef lejn l-għoljiet, f’belt tal-Lhudija. Daħlet għand Żakkarija u sellmet lil Eliżabetta. Malli Eliżabetta semgħet lil Marija ssellmilha, it-tarbija qabżet fil-ġuf tagħha u Eliżabetta mtliet bl-Ispirtu s-Santu; u nfexxet f’għajta kbira u qalet: “Imbierka inti fost in-nisa, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek! U minn fejn ġieni dan li omm il-Mulej tiegħi tiġi għandi? Għax ara, malli smajt f’widnejja leħen it-tislima tiegħek, it-tarbija li għandi fil-ġuf qabżet bil-ferħ. Iva, hienja dik li emmnet li jseħħ kulma bagħat jgħidilha l-Mulej!”

Hekk illum għandna dan il-qari ta’ żewġ nisa tqal Marija u Eliżabetta. U llum għalhekk għandna mistiedna magħna lil Sara biex tkellimna aktar fuq it-tarbija fil-ġuf. Hawnhekk rajna t-tarbija taqbeż bil-ferħ. Father, ħa nħalli f’idejkom illum.

Fr Hayden: Nirringrazzjawk Marija, it-telespettaturi tagħna hekk illum xtaqtna li l-ewwel parti tkun xi ftit differenti minn kif nagħmlu l-programm tagħna. Se nidħlu iktar, kif spjegajtilna tajjeb int Mar dwar it-tarbija fil-ġuf għax li l-Kelma t’Alla tlaqqalna dawn ir-realta’ u anka llum nafu lit-tarbija fil-ġuf fid-dinja kollha hija mhedda. Sara għandha interess fil-ħajja. Kif dħalt fih dan l-interess li tippronwovi l-ħajja? Nafu Ii int tistudja l-liġi Sar, imma jiġifieri għidilna ftit kif dħalt f’din ir-realta’ li tiddefendi l-ħajja f’pajjiżna?

Sara: Emminni nkun sinċiera, lanqas jien ma naf eżatt kif bdiet il-ħaġa. Naf żgur li fil-bidu tal-istudji tiegħi bdejna anka kien hemm suġġett partikolari li kien anka Philosophy of Law li dħalna ftit fuq dawn l-affarijiet u anka għaraft li biż-żmien rat il-bidla anka fil-liġi u anka min anka l-leġiżlaturi li anka jasħbu biex idaħħlu affarijiet ġodda. U dik qisna jien ma ssaportejtx quddiemha, qegħda fil-Liġi u nħalli l-affarijiet għaddejjin. Għidt fl-aħħar mill-aħħar sa ċertu punt qisni Alla mhux għal xejn li poġġini anka f’dan kollu, li hemm skop wara dan kollu u għaraft li fl-aħħar mill-aħħar kienu dawn – l-aktar vulnerabbli li anka …

Fr Hayden: L-aktar vulnerabbli għal min qed tirreferi?

Sara: L-aktar vulbnerabbli għal dawk li m’għandhomx vuċi, għal dawn li għadhom ma twieldux – għat-trabi.

Fr Hayden: Iġifieri għat-trabi fil-ġuf.

Sara: Hekk hu. U mhux biss fil-ġuf, u anka dawk it-trabi għax illum aħna nafu anki bi proċessi lit-tarbija ma tiġix maħluqa ġol-ġuf imma barra mill-ġuf. Anka dawk iridu jiġu protetti għax anka dawk huma wlied Alla.

Fr Hayden: Iġifieri qed tirreferi spesifikament għall-proċedura tal-IVF.

Sara: Eżatt.

Fr Hayden: Biex anka t-telespettaturi tagħna jkunu jafu fuqiex qed nitkellmu.

Sara: Infatti l-proċedura tal-IVF, qegħda IVF għal In Vitro Fertilisation li prattikalment turi lit-tarbija tiġi kkonċeputa ġol-ħġieġ (In Vitro) minflok ġol-ġuf. Din tul iż-żmien rajna anka differenzi anka fil-mentalita’ tal-poplu lit-tarbija ma baqgħetx tiġi protetta daqs kemm kienet qabel. Kważi kważi konna noħduha for granted qabel li għandha tiġi protetta, ma konniex insaqsu dwar jekk għandnix nipproteġuha jew le. Daż-żmien l-affarijiet qed jinbidlu anka minħabba li qed jidħlu proċessi ġodda.

Fr Hayden: Pero’ fil-fatt aħna, il-liġi kif inhi sa issa u aħna bħala nsara jinteressana mil-liġijiet għax aħna ngħixu f’soċjeta’ ċivili u tajjeb ngħid dina. Iġifieri aħna bħala nsara m’aħniex qegħdin hemmhekk biex niddettaw lill-istat x’jagħmel. Aħna bħala nsara, anka bħala nsara Kattoliċi, bħala Knisja, m’aħniex hemm biex nimponu fuq l-istat x’għandu jagħmel u x’għandux jagħmel. Aħna bħala Knisja, bħala nsara, bħala dixxipli ta’ Ġesu’ lkoll kemm aħna, għax hem mhux bilfors insara Kattoliċi anka nafu kemm għandna nsara mhux Kattoliċi li nafu fuq din il-ħaġa anka qegħdin jaħdmu wkoll. Aħna rridu nwasslu d-dawl tal-Verita’ li wriena Ġesu’ dwar kull bniedem, irridu nwassluha anka wkoll lil-leġiżlaturi tagħna, irridu nwassluha lin-nazzjon tagħna, id-dawl li tagħtina l-Kelma t’Alla. Iġifieri dana mhux xi ndħiel politiku tal-Knisja fil-politika, xejn minn dan.

Il-Knisja kull ma jmiss mal-bniedem u aħna nemmnu li l-bniedem jibda mit-tarbija mill-konċepiment, kull ma jmiss mall-bniedem, imiss m’Alla, allura kull ma jmiss mal-bniedem, il-Knisja, in-Nisrani għandu rwol tiegħu hemmhekk. Jiġifieri anka f’dan li sejrin, għax aħna hawnhekk qegħdin fi programm reliġjuż fl-aħħar mill-aħħar, m’aħnix hawnhekk f’xi programm ta’ ma nafx xiex. Iġifieri aħna nixtiequ nwasslu d-dawl tal-Kelma t’Alla u dawl pero’ huwa wkoll tar-raġuni, tal-umanita’ f’dawn l-affarijiet kif iddawwal lill-bniedem. Din qed ngħidha bħala premessa għal dak li se nsaqsik għax aħna diġa’ għandna liġi illi fil-verita’ it-tarbija hija protetta. Il-liġi ta’ issa allura kif inhi qabel ma’ ħa naraw x’bidliet jistgħu jkunu proposti għax fil-verita’ s’issa m’għandna xejn black on white. Irridu nkunu ġusti u onesti jiġifieri fil-mument li qed nagħmlu dal-programm aħna għandna idejat, spekulazzjonijiet, affarijiet li qed jingħadu. Iġifieri ‘mma ħa nkunu ħalli anka t-telespettaturi tagħna jimxu pass pass b’mod edukattiv. Bħalissa l-liġi kif qegħda? L-istatus tat-tarbija x’inhu fil-liġi attwali f’Malta?

Sara: Mela tajjeb hekk li s-semmiegħa jkunu jafu li bħalissa hawn Malta għandna liġi u din il-liġi jisimgħha Embryo Protection Act, l-Att dwar il-Protezzjoni tal-Embrijuni. Din il-liġi bħalissa, waqt li tgħin lill-koppji biex ikollhom it-tfal, anka tipprovdi li dan l-embrijun… Meta qed ngħidu embrijun x’qed infissru?

Fr Hayden: X’qed nifhmu eżatt bil-kelma ‘embrijun’ għax xi drabi tiltaqa’ ma’ nies illi tgħidilhom embryo, embrijun fuq xiex qed titkellem? X’inhu l-embrijun eżatt?

Sara: Hekk hu. L-embrijun huwa meta għandek il-bajda u l-isperma li jingħaqdu flimkien u hemmhekk hemm ħajja ġdida u l-embrijun huwa dan meta jingħaqdu l-bajda u l-isperma u hemmhekk hem dan il-bniedem uman ġdid.

Fr Hayden: Iġifieri nagħmluha ċara dana ftit ċelloli?

Sara: Le, le.

Fr. Hayden: X’inhu eżatt mela?

Sara: Prattikament meta jingħaqdu fil-bidu, hemmhekk jibdew jinqasmu u jiżdiedu ċ-ċelloli, imma kif nafu li mhux massa ta’ ċelloli imma bniedem, nafu sew li f’din il-ġabra, għax vera hemm ġabra ta’ ċelloli imma hija ħafna aktar profondita’ fiha. Hemm il-kulur tal-għajnejn li diġa’ qegħdin hemm, il-kulur tax-xagħar li diġa’ qiegħed hemm. Ħafna affarijiet u karatteristiċi li narawhom iktar-il quddiem li diġa’ qegħdin kollha hemm. Iġifieri l-essenza qegħda hemmhekk.

Fr Hayden: Mela nistgħu ngħidu li aħna lkoll konna embrijuni. Aħna embrijuni lkoll kemm aħna.

Sara: Eżatt.

Fr Hayden: U l-embrijun fil-liġi attwali huwa meqjus bniedem u rispettat u protett ta’ bniedem?

Sara: Hekk hu. Eżatt. Mhux il-liġi biss tistqarr dan. Infatti f’din il-liġi li qed insemmilkom hemm definizzjoni ta’ x’inhu embrijun u tgħid ċar li huwa persuna umana u f’dan kollu anka abbażi tax-xjenza li turi biċ-ċar li once li jiltaqgħu flimkien il-bajda u l-isperma hemmhekk hemm bniedem ġdid bid-drittijiet kollha tiegħu li jistħoqqlu li jkun protett. Iġifieri f’dan kollu rridu naraw kemm minn naħa għax il-liġi ma tistax tgħix liġi waħeda. Trid tibbaża ruħha anka fuq affarijiet prattiċi li tagħtihomlok ix-xjenza. Jekk il-liġi taqbad tiġri waħeda u tiddeċidi li isma’ ħa nieħdu biss id-drittijiet ta’ dak li tixtieq il-mara biss u ma narawx id-dritt ta’ dan il-bniedem uman tispiċċa b’ħafna katastrofi fiha għaliex tħabbat drittijiet ma’ drittijiet fejn fil-verita’ d-drittijiet tal-bnedmin ma tistax tħabbathom flimkien. Għalxiex? F’dan il-każ qed nitkellmu kemm id-dritt tal-omm u kemm id-dritt tat-tfal. Mela aħna qegħdin ngħidu li l-omm f’dal-każ għandha dritt li jkollha anka l-familja. Ma jeżistix fil-liġi li hemm id-dritt li jkollok it-tfal imma. Dak ma jeżistix. Minn naħa l-oħra mit-tfal li għandhom id-dritt u din qegħda fil-liġi, li jkunu mrobbijin mill-ġenituri tagħhom, li jkollhom il-ġenituri tagħhom.

Fl-aħħar mill-aħħar aħna fuqiex qegħdin nitkelmu, fuq dawn it-tfal, trabi li għadhom ma tweldux. Il-liġi bħalissa, kif inhi hawn Malta tagħtihom protezzjoni sa mill-bidu. Ħa nagħtikom eżempju, per eżempju

  • ma jistgħux li once li inti għaqqad l-isperma u l-bajda ġewwa laboratorju ma jistgħux jiġu mormija,
  • ma jistgħux jiġu ffriżati,
  • ma jistax ikun hemm esperimenti xjentifiċi fuqhom,
  • ma jistgħux jinataw lil persuni oħrajn, dawk biss li taw l-isperma u l-bajda ħa jerġgħu jieħdu dan l-embrijun u jkun tagħhom mhux se jingħata lil ħaddieħor.

Iġifieri f’dan il-każ il-liġi tagħti anka ċertu serħan il-moħħ. Għalxiex? Għax qegħdin naraw li hemm protezzjoni tal-embrijuni. Infatti aħna fil-liġi tagħna, meta jiffertilizzaw tlieta, mela għandek tliet bajdiet li jiffertilizzawhom mall-isperma u qegħdin ngħidu li hemmhekk għandna tarbija għandna ħajja umana ġdida, kollha jridu jiġu ppjantati, jiġu transferred fil-ġuf tal-mara. L-ebda minnhom ma tista’ titħalla barra biex ma tħallix li tintuża b’mod ħażin. Issa x’inhuma l-affarijiet li qed jiġu proposti?

Fr Hayden: Iġifieri dan s’issa kif qegħdin. Iġifieri nfakkar li aħna qegħdin hawnhekk għeżież tiegħi biex anka ninfurmaw ruħna bħala nsara, dawk kollha li qegħdin jsegwu f’dan il-programm reliġjuż tagħna. Iġifieri dan s’issa s-sitwazzjoni kif inhija tajjeb? Ajduwt għax irridu nkunu onesti, iġifieri tisma’ realtajiet proposti. X’jista’ jkun illi jiġi propost?

Sara: Prattikalment fil-liġi, bħalissa l-liġi tgħidlek biss li tista’ tagħmel massimu ta’ tnejn, tiffertilizza massimu ta’ tnejn imma fil-każijiet li huma diffiċli ħafna, jistgħu jkunu anka tlieta, s’hemmhekk tasal. Issa il-proposti li qed jiġu li jixtiequ jbiddlu din il-liġi qed jgħidu li jixtiequ jiffertilizzaw ħamsa, jimpjantaw (iġifieri jagħmlu transfer fil-ġuf tal-mara) tnejn jew tlieta u l-bqija jiġi ffriżati.

Fr Hayden: Meta qed tgħid iffriżati x’qegħdin nifhmu? Ikunu fil-friża hekk bħalma għandi friża d-dar jien per eżempju l-kunvent? Iġifieri friża normali? X’iġifieri friżati?

Sara: Friżati prattikalment il-friża tad-dar hemm ħafna affarijiet li huma simili u sfurtunatament ngħidha għax jiena ħalli tkunu tistgħu tifhmuni aktar. Meta aħna per eżempju kilna ikla u fadlilna mill-ikla, aħna dak li jifdal niffriżawh għax m’għandix bżonnu umbagħad meta għandna bżonnu nerġgħu noħorġuh. Sfortunatament minn dawn it-trabi qed nagħmlu l-istess ħaġa.

Fr Hayden: Dan qegħdin ngħidu li naqbdu l-embrijun, persuna ħajja u npoġġuh fil-friża u niffriżawh hekk.

Sara: Eżatt. Infatti ikun hemm fl-isptar tantijiet. Dawn it-tankijiet ikunu bin-nitrogen biex inkun jistgħu jifriżaw.

Fr Hayden: Dan qed nitkellmu minn xi tankijiet, għax in-nies tajjeb li jifhmu anka fis-sempliċita’, meta għidt tankijiet x’qed nifhmu din xi ħaġa żgħira, xi kamra, iġifieri dawn huma fir-realta’ containers żgħar.

Sara: Containers – din stess hija l-friża, dan il-container li prattikalment l-embrijun idaħħluh ġo staw u l-istraw idaħħluha ġo dan it-tank umbagħad jiffriżawh. Jekk forsi tisimgħu il-kelma għax dan l-aħħar forsi qed tissemma’ fil-medja, il-kelma vitrification hija l-istess ħaġa, hija dan il-freezing. Aħna nafu u turina mill-fatti li juruna anki l-clinics barra minn Malta li meta jiġi ffriżati dawn l-embrijuni umbagħad jerġgħu joħorġuhom, għandek bejn l-10 u t-30 percent li jmutu minnhom.

Fr Hayden: Dan huwa process jgħidulu towing.

Sara: Hekk hu.

Fr Hayden: Biex anka t-telespettaturi x’ħin jisimgħu dil-kelma jkun jistgħu jifhmu. Iġifieri l-proċess tat-towing huwa, ħa nitkellmu b’mod li jifhmuna n-nies, jekk jiena ġieli nuża’ l-microwave biex nagħmel towing xi ħaġa ffriżata biex inneħħilha l-friża. Iġifieri dan ix-xjenza turina illi meta l-embrijun jkun iffriżat, issa ħa nneħħuħ mill-friża biex ikun jista’ jiġi pplantat fil-ġuf tal-mara qegħdin ngħidu li between 10 u 30 percent dawn imutu f’dan il-proċess. Dan huwa qtil allura.

Sara: Daqsżgur dan huwa qtil u mhux biss għax din hija ħaġa waħda minn ħafna fil-verita’. Meta ħafna drabi, anka tgħiduli x’jiġri mill-oħrajn li ma jmutux? Hemm minnhom oħrajn li minħabba l-freezing stess jiġu damaged allura t-tobba m’humiex se jagħmlu transfer tagħhom.

Fr Hayden: Iġifieri qed nitkellmu minn bnedmin…

Sara: Hekk hu!

Fr Hayden: … għax ġew friżati jiġu damaged iġifieri anki l-mod kif qegħdin nitkellmu – damaged.

Sara: Eżatt.

Fr Hayden: U allura din issa se tiġi xi ħaġa illi mhux worthed illi npoġġiha fil-ġuf tal-mara.

Sara: Eżatt.

Fr Hayden: Allura xi tkun il-konsegwenza?

Sara: Jarmuhom mal-medical waste.

Fr Hayden: Qed nitkellmu minn bnedmin.

Sara: Hekk hu.

Fr Hayden: Minn ħajja umana.

Sara: Eżatt. Infatti din hija forma ta’ abort. In-nies tajjeb li jkunu jafu li dawn il-proposti mhux ħa jwasslu biex xi darba fil-pajjiż tagħna jkollna l-abort, dawn huma forma ta’ abort għaliex fihom infushom qegħdin narmu l-ħajja, qed narmuha letteralment. U anka l-fatt li …

Fr Hayden: Imma m’hawnx min jgħidlek li anka fi proċessi naturali inti jista’ jkollok miscarriage per eżempju?

Sara: Hekk hu.

Fr Hayden: Allura d-differenza hemm billi jkollna miscarriage naturali u dawn illi fil-proċess tal-iffriżar u tat-towing qed imutu b’dan il-mod? X’differenza hemm? Hawn min jagħmel din il-mistoqsija?

Sara: Daqsżgur. Infatti nisma’ ħafna li jgħiduli hekk u filwaqt li miscarriage hija process naturali li jseħħ fil-mara, fil-verita’ dan il-proċess li qed insemmgħu fejn imutu dawn l-embrijuni, dawn il-bnedmin li jkunu ffriżati mhiex proċess naturali fil-verita’. Din hija xi ħaġa li ħalaq il-bniedem…

Fr Hayden: U taf li se tiġri.

Sara: Eżatt. Taf li se tiġri minn qabel…

Fr Hayden: U tagħmilha xorta.

Sara: Eżatt. Tagħmilha xorta u qed tikkawża inti fil-verita’ din il-ħaġa. Vera li qed jittowjaw u qed imutu minħabba l-proċess tat-towing imma inti ħloqt l-ambjent. Taf minn qabel deliberately, li taf li dawn fl-aħħar mill-aħħar għandek 10 to 30 minnhom li ħa jmutu u qed tagħmilha inti. Fl-aħħar mill-aħħar x’inhi l-aktar ħaġa li tista’ ssir, meta għandek ħamsa u trid timpjanta wieħed jew tnejn minnhom fil-mara, ovvjament it-tabib ħa jibda jagħżel minnhom. Ħa jara liema l-iktar b’saħħtu, forsi jara anki li ma jagħtix tarbija li hi per eżempju b’Down Syndrome. Jibdew jagħżlu u din tmur kontra d-dinjita’ umana għax fil-verita’ fil-proċess naturali, it-tarbija li tiġi dik hija don minn Alla mhux kwistjoni qagħadt nagħżel qisek mort fil-Milied mort f’xi ħanut u qagħadt tagħżel ir-rigal li trid x’inhu l-aħjar u hekk. M’hiex oġġett it-tarbija, hija don ta’ Alla li trid taċċettha bħala rigal mingħand Alla.

Fl-aħħar mill-aħħar dan fejn iwassal? Per eżempju għandek id-Danimarka għandek il-popolazzjoni tagħha li prattikalment id-Down Syndrome lanqas biss teżisti u jgħiduli tajjeb mela ma teżistix qisek kollox jimxi sew. Fil-verita’ dawn kollha qed joqtlohom biex joħolq, biex forsi tifhmuni iktar ir-razza umana l-iktar pura. Jekk forsi tiftakru, forsi tagħtikom xi ħaġa familjari din il-kelma, hija ta’ Hitler. Hitler dak li pprova jagħmel, ipprova joħloq razza umana ġdida li qatel trabi u razez sħaħ biex joħloq dan.

Fr Hayden: Fuq dan ħa jkollna bżonn nitkellmu ftit iktar Marija. Naf li se twaqqafna inti għax sarilna l-ħin imma hemm affarijiet li għandna bżonn nibqgħu anka nirriflettu fuqhom u anka appelli nixtieq nagħmel għeżież tiegħi anka għal dawk li forsi dan il-kliem tagħna bħalissa forsi qed iweġġgħakom, forsi mhux jinżel tajjeb għax għandkom weġgħat oħra għax għandkom problemi oħra. M’aħnix hawn biex nikkundannaw lil ħadd. Qegħdin hawn biex naqsmu dak li aħna nemmnu fih waqt li nibqgħu sensittivi anki għal dawk li ma jaqblux ma’ dan li qegħdin ngħidu.

Marija: Programm interessanti mmens. Lili qajjimtuli ġismi xewk xewk. Titilqgħux. Ibqgħu magħna.

Marija: Għeżież nilqagħkom lura għat-tieni parti tal-programm “Ejjew Għandi”. Illum rajna l-Vanġelu ta’ żewġ nisa tqal – Marija u Eliżabetta. Hekk rajna li meta Marija selmet lil Eliżabetta, Ġwanni t-tarbija fil-ġuf jaqbeż bil-ferħ. Hekk u llum programm b’differeza, qed niddiskutu l-ħajja fil-ġuf. Sara u Fr Hayden f’idejkom.

Fr Hayden: Konna qegħdin nitkellmu qabel ma waqafna Sara dwar l-Embryo Freezing, konna qegħdin naraw il-liġi kif inhi, xi proposti li wħud jixtiequ jresqu fil-liġi u d-diffikultajiet li hemm għax imorru kontra d-dinjita’ tal-bniedem li jibda mill-bidu tal-konċepiment. U rajna waħda mill-affarijiet illi jista’ jkun ikun hawn min jipproponi hija li l-embrijun jiġi ffriżat u rajna anke d-diffikultajiet illi din toħloq magħha. Qabel ma nidħlu anka ftit fuq l-issue ta’ threat oħra li għandha l-ħajja umana li hija l-issue tal-abort li xtaqt nitkellem ftit dwarha wkoll. Hemm xi aspetti oħrajn li forsi xtaqt issemmi Sara?

Sara: Hekk prattikament li xtaqt anke forsi nżid hija li bħalissa minkejja li hemm anke dawn il-proposti li hemm bżonn li l-ewwel aħna niġu nfurmati, li nfittxu li niġu nfurmati ma jimpurtax jekk hemm is-semmiegħa forsi li ma għandkomx idea x’qed jiġri jew forsi anqas biss tafu x’inhuma dawn l-affarijiet, importanti hu li tfittxu u tagħtu s-sehem tagħkom fis-soċjeta’ għax aħna mhux biss huwa importanti min-naħa tagħna li ninfurmaw lilna nfusna, imma obbligu li nitkellmu quddiem dan kollu. Għandna obbligu li nkunu vuċi ta’ dawn li ma għandhomx. Fl-aħħar mill-aħħar dawn it-trabi meta naraw li għax huma qegħdin f’dak l-ambjent li ma jistgħux jitkellmu għax għadhom ma twieldux, ħafna drabi fil-kultura tagħna jieħdu over in-nies li jistgħu jitkellmu biss. Allura huwa importanti li nidħlu aħna u nkunu hemm għal dawk li huma l-iktar vulnerabbli li niddefenduhom.

Fl-aħħar mill-aħħar anke din l-liġi li aħna llum ma nafux x’se jiġri fl-aħħar mill-aħħar huwa f’idejn il-parlament. Imma x’inhu dak li nistgħu nagħmlu aħna? Aħna nistgħu nibnu li nistgħu nibnu kultura ta’ ħajja. Aħna mill-familji trid tibda jiena nemmen ħafna Father li fl-aħħar mill-aħħar vera l-istat jista’ jkollu liġi u jista’ jagħmel ċertu leġislazzjonijiet imma fl-aħħar mill-aħħar il-mentalita’ u l-kultura trid tibda mill-familji. Jekk aħna l-familji lesti li noħolqu din il-kultura ta’ ħajja u nibnu t-tfal tagħna fis-sod u fl-għerf li verament il-ħajja hemm bżonn nipproteġuha u għandha d-dinjita’ umana tagħha, minn hemmhekk nistgħu noħolqu kultura soda li minkejja li forsi l-liġi ma tkunx qed tipproteġi, imma hemm il-familja li jipproteġu.

Fr Hayden: Fid-dawl ta’ anka li konna qegħdin ngħidu qabel u dan eċċ.. Illum faċilment li nidħlu bl-ideja nisimgħu slogan forsi ma jingħadx kif ħa ngħidu jiena imma l-messaġġi illi jingħatawlna xi drabi anke mid-dinja politika hija dawn: Aħna kontra l-abort imma favur l-iffriżar tal-embrijuni, imma din vera, gimmick, dan daħk fil-wiċċ? Dana qed jidħku bina? Iġifieri x’inhi din l-affari?

Sara:Ara meta tiġi biex tara fiex temmen, jekk meta inti tgħid ma temminx fl-abort imma per eżempju temmen fl-iffriżar tal-embrijuni, fl-aħħar mill-aħħar trid tmur l-isfel għal dak li temmen fih. Jekk inti vera temmen li meta hemm l-għaqda ta’ bejn l-isperma u bajda, temminx tassew li hemm il-ħajja mill-bidu jew le. Jekk inti temmen dak li once li jingħaqdu hemm il-ħajja sa mill-bidu la taqbel mal-abort u lanqas taqbel mal-iffriżar tal-embrijuni. Forsi n-nies jgħidulek imma qed ngħinu lin-nies li ma jistax ikollhom it-tfal, il-koppji li ma jistax ikollhom it-tfal. Aħna importanti iva li ngħinu anke li niskopru anke affarijiet u teknoloġiji ġodda li jistgħu jgħinhuom imma kif irridu naraw. Iġifieri mhux biss it-tekonoloġija li ħa tgħinna, imma t-teknoloġija hija etika verament ħa tgħin jew ħa titfa…?

Fr Hayden: Etika għax in-nies faċilment mhux kulħadd jifhem dil-kelma etika. Iġifieri etika qegħdin nifhmu li hija tajba jew ħażina.

Sara: Hekk hu. Iġifieri fl-aħħar mill-aħħar per eżempju bl-iffriżar tal-embrijuni, aħna nafu Maltin li niltaqgħu magħhom li jgħidulna jiena għandi t-tfal tiegħi, l-embrijuni ffriżati barra minn Malta u ma nafx x’ħa naqbad nagħmel bihom. Qiegħda f’din id-dilemma.

Fr. Hayden: Propju l-proċeduri kif inhuma s’issa ma jdaħħlux għalinqas hawn Malta lill-koppji f’din id-dilemma. X’se jagħmlu b’dawn? Jekk ikollna bidla fil-liġi u jkonna dawn il-proposti li jgħaddu kull koppja tista’ tiġi esposta anke għal din id-dilemma li hija dilemma moralment iġifieri ma nafx x’se naqbad nagħmel fil-ħajja tiegħi. Dilemma ta’ kuxjenza jekk aħna verament nemmnu fil-valur tal-ħajja li s’issa ma kienux esposti għaliha, imma issa din hija problema serja li wkoll illi l-koppji tagħna jistgħu jiġu. Diġa’ għandhom ċerta tbatija biex jirrikorru għal dawn il-mezzi plus tbatija ġdida li nistgħu nibqgħu noħolqulhom issa fuq il-livell għalinqas ta’ kuxjenza u fuq livell x’se naqbad nagħmel? Li hija serja għax qed nitkellmu minn bnedmin. S’issa m’hemmx dil-ħaġa imma jista’ jkun li jkun hemm.

Sara: Infatti mhux din biss li din il-liġi bħalissa qed tevita’ li dawn il-koppji jidħlu f’din id-dilemma imma dawn il-proposti li ġejjin jekk il-koppja ma tkunx taf x’ħa taqbad tagħmel b’dan l-embrijun tidħol il-qorti permezz ta’ każ li tiddeċiedi hi x’ħa jsir minn dan l-embrijun li ħafna drabi tispiċċa tagħti l-embrijun lil xi ħaddieħor u nafu anke jien intqajt ma’ nisa anke Maltin li jgħidulek jien nippreferi li dan imut milli nagħtih lil xi ħaddieħor għax din it-tarbija tiegħi. Mela kif ħa nispiċċaw f’dal-każ? Mela l-liġi qed toħloq dan il-proċess tal-qrati biex ma jmutux imma jingħataw u l-ġenituri min-naħa tagħhom qed jgħidu li jippreferu li jmutu milli jingħataw. Allura din ġejna letteralment darna mal-ħajt hawnhekk.

Fr Hayden: Plus li dina kif naraha jiena wkoll u mhux jien biss imma tista’ toħloq dilemmi oħrajn per eżempju f’każijiet ta’ separazzjoni u divorzju. Iġifieri jekk koppja għandhom tarbija ffriżata, l-embrijun iffriżat u dawn wara sseparaw jew idivorzjaw għax għandna l-possibilta’ tad-divorzju wkoll fil-qasam ċivili. Dina x’jibda jiġri? Iġifieri tibda tkun parti mill-proċess tas-separazzjoni wkoll? Iġifieri u dawn il-ġenituri tagħhom hekk? Iġifieri dawn huma, kif naraha jien għalinqas, sfidi u problemi ġodda li ħa noħolqu iktar ma dak li diġa’ għandna fil-ħajja.

Sara: Infatti dan li qed tgħid inti Father mhuwiex eżempju fl-arja imma fil-prattika hemm ħafna madawr id-dinja. Infatti dan l-aħħar kont qed nara ħafna każijiet. Hemm wieħed partikulari fl-Amerika li kien hemm koppja nfatti li għandhom l-embrijuni ffriżati u sseparaw waqt li kienu għadhom anqas ġew impjantati fil-mara u parti mill-proċess tas-separazzjoni apparti iġifieri bħalma hawn Malta naraw il-kustodja u l-kura tat-tfal fejn ħa jmorru rridu jaraw x’ħa jsir minnhom dawn l-embrijuni. Ir-raġel ried li jintramew, il-mara ma riditx. Spiċċaw marru quddiem il-qorti u l-qorti ddeċidiet li jintramew. Iġifieri dan hu minħabba l-proċess li qed isir. Iġifieri ara x’impatti għandhom. Iktar minn hekk ukoll f’dawn il-proċessi kollha kien hemm każijiet ukoll li nafu li once li anka kien hemm din is-separazzjoni u per eżempju jkun hemm anke forsi tnejn li jaqblu, anke jista’ jkun li l-koppja stess jaqblu li jinżamm ġol-friża xorta fl-aħħar mill-aħħar spiċċaw dejjem hemm baqgħu dejjem fil-friża.

Fr Hayden: Imma din hija d-dinjita’ tal-bniedem?

Sara: Lanqas xejn!

Fr Hayden: Iġifieri aħna li nemmnu fid-dinjita’ tal-bniedem, il-bniedem maħluq biex jibqa’ hemmhekk iffriżat? Għax hawnhekk fejn aħna rridu naraw anka bħala nazzjon, illi ma ngħidux kliem li hu biss cliché: ‘aħna favur id-dinjita’ tal-bniedem’. X’se npoġġu f’din id-dinjita’? Ilkoll kemm aħna u din ngħiduha b’kuxjenza. Din lil hinn minn x’nemmnu u ma nemmnux, hux mill-fidi tagħna jew mill-pratiċi reliġjużi tagħna. Jien kważi kważi huwa aktar nappella għas-sens komun f’ċerti affarijiet li fil-fidi tagħna jidher ħafna ċar għal min irid jemmen imma anka għal min ma jemminx, iġifieri f’dawn l-affarijiet naħseb jekk nieqfu nirriflettu bl-ikbar serjeta’, irridu naslu ftit għar-razzjonalita’, għal-loġika fil-ħajja. Din hi d-dinjita’ tal-bniedem? Mela l-bniedem maħluq biex jibqa’ hemmhekk iffriżat?

Barra minn hekk naħseb jien wkoll f’dawn il-kumplessita’ li fiha nistgħu niġu jekk naħseb ftit nistgħu naslu f’ċirkustanza fejn tarbija jkollha ħames ġenituri;

  1. il-biological father minn fejn ġiet l-isperma,
  2. il-biological mother minn fejn ġiet il-bajda,
  3. is-surrogate mother iġifieri mara li jiġi mpjantat fiha dan l-embrijun sakemm tweldu għal disa’ xhur,
  4. umbagħad l-adoptive father u
  5. l-adoptive mother.

Imma din dinjita’ tal-bniedem? Din hi l-ġenerazzjoni li aħna nistgħu, mentalitajiet li ndaħħlu l-persuni fihom? Iġifieri ara x’bibien inkunu qegħdin niftħu fil-verita’. Naħseb dawn huma kollha affarijiet li mhux nargumentawhom minn passjoni, mill-argumenti ta’ jaħassra u miskin li ħafna drabi jkun, verament tbatija ta’ ġenituri li dawn qed jiġi offruti biex ngħinuhom ikollhom tfal imma hemm anka din ir-realta’ ta’ dawn il-persuni, ta’ dawn it-trabi li jekk ħadd mhu se jitkellem, dawn ħadd ma jista’ jitkellem f’isimhom inkella għax dawn ma jistgħux jitkellemu. Huma dal-kumplessitajiet kollha li jien naħseb fuq livell uman, fuq livell soċjali imma anka fuq il-qasaf legali u fuq il-welfare state ta’ żminijietna dawn kollha x’impatti jista’ jkollhom.

Sara: Infatti Father semmejt punt tajjeb ħafna li hija d-dinjita’ umana. Xi drabi vera tiġi bħala cliché għax kulħadd jisma’ d-dinjita’, imma din x’inhi din id-dinjita’ umana fl-aħħar mill-aħħar? Ikunu hemm nies jgħidulek li din ġejja mid-drittijiet li għandek. Fil-verita’ bil-maqlub. Id-dinjita’ umana li tagħtik id-drittijiet u mhux id-drittijiet li jagħtuk id-dinjita’ umana. U fl-aħħar mill-aħħar imma din vera minn fejn ġejja did-dinjita’ umana? Per eżempju postijiet li lanqas biss għandhom liġi jew stat, per eżempju xi tribu fl-Afrika. Mela dawn m’għandhomx dinjita’ umana? U żgur li għandhom għax id-dinjita’ umana ġejja mill-fatt li inti xbieha ta’ Alla. Meta tagħraf dik, li inti xbieha ta’ Alla u għalhekk li għandek id-dinjita’ umana, tagħraf li ma tistax taqbad tagħmel li trid la bil-ħajja tiegħek u lanqas bil-ħajja ta’ ħaddieħor. Għax fl-aħħar mill-aħħar il-bniedem mhux oġġett, lanqas oġġett ta’ xewqa imma huwa bniedem, huwa don ta’ Alla, huwa xbieha ta’ Alla.

Fr Hayden: Fuq livell ta’ liġi, iġifieri inti wasalt lejn l-aħħar bħala kors għandek dan l-interess imma jiġifieri waħda mill-argumenti li per eżempju dina smajniha meta kellna l-introduzzjoni tal-liġi tad-divorzju u din f’kull darba rridu nagħmluha, ngħidu imma pajjiżi oħrajn m’għandhomx din il-liġi, ħa nibqgħu aħna Malta biss illi dil-ħaġa ma tistax issir? Aħna f’Malta biss illi ma jistax ikollna… li nixtieq ikollna ftit ċans nitkellmu ftit fuq l-abort għax hija ukoll hija theddida għall-ħajja fil-ġuf l-abort. Malta biss? Daqshekk stupidi? Id-dinja kollha fetħet għajnejha u għandha dawn l-affarijiet, aħna biss għadna m’għajnejna magħluqa? Jien mhux għax naqbal ma’ dil-ħaġa tagħna imma qed nipprova ngħid dak li anka meta nitkellem ġieli man-nies jgħiduli. Iġifieri aħna biss il-bravi li m’għandnix dawn l-affarijiet? Iġifieri għax liġi qegħda f’pajjiż bilfors irid ikollna dil-liġi fil-pajjiż tagħna aħna mill-aspett legali?

Sara: Issa minn aspett legali hemm kemm il-liġi lokali u hemm il-liġi anka tal-Unjoni Ewropea. Issa aħna hawn Malta meta dħalna fl-Unjoni Ewropea għamilna protokol biex meta nidħlu ħadd ma jisfurzana …

Fr Hayden: Protoġol xi jfisser?

Sara: Protokol hija liġi li qisek isma’ jien hawnhekk ħa nagħmel riserva.

Fr Hayden: Ok. Qed inżomm dritt tiegħi jiġifieri.

Sara: Eżatt. Hekk hu. Jiena ħa naċċetta li nidħol …

Fr Hayden: Li ntik xi ħaġa imma nżomm id-dritt li …

Sara: … li nżomm dak per eżempju

Fr Hayden: Malta għandha dan id-dritt. Ħadd ma jista’ joqgħod jgħid għax l-Unjoni Ewropea tindaħlilna f’dil-ħaġa per eżempju?

Sara: Le, lanqas xejn anzi aħna ndħalna għall-pajjiż tagħna li meta dħalna għall-Unjoni Ewropea aċċettajna li nkunu taħt il-liġijiet tal-Unjoni Ewropea.

Fr Hayden: Imma dawn ma jistgħux jagħmlulna pressure?

Sara: Tal-Unjoni Ewropea? U żgur imma ta’ din le għax għamilna din ir-riserva għax din ir-riserva meta dħalna għadna isma’ aħna nidħlu fl-Unjoni Ewropea, aħna naċċettaw li nkunu mal-liġijiet tal-Unjoni Ewropea imma ma tistgħux tisfurzawna biex indaħħlu l-abort fil-pajjiż tagħna. Dik kienet ir-riserva. Fit-2004 kienet meta dħalna. Fl-aħħar mill-aħħar pressures hemm xorta waħda, imma l-agħar ħaġa li hemm mhux pressures minn barra imma dak li jiġi minn ġewwa – il-mentalita’ tal-Maltin stess, minn hemm trid tibda. Issa f’dan kollu, meta tgħid għax barra minn Malta hemm, mela aħna għax aħna m’aħniex qegħdin narawhom ma ndaħluhomx dawn l-affarijiet? Aħna jekk nosservaw bir-reqqa barra minn Malta, vera daħħluhom dawn l-affarijiet. Bħalissa imma qed jerġgħu jippruvaw jirriversjaw kollox. Jekk tara fl-Amerika hemm każijiet fil-qrati biex jippruvaw jerġgħu jirriversjaw, jerġgħu lura mil-liġi li daħħlu. Issa hawn Malta, jekk vera rridu nkunu bħall-oħrajn, mela might as well nitgħallmu minnhom u ma ndaħħluhomx mill-ewwel. Nieħdu l-eżempju ta’ dawk li qegħdin jippruvaw jerġgħu ineħħuhom. U fl-aħħar mill-aħħar jekk aħna Malta qegħdin l-ewwel f’ħafna affarijiet oħra għaliex ma nkunux aħna li nipproteġu l-ħajja sa mill-bidu? Għandna nkunu qisna n-nagħaġ ta’ Bendu, kulħadd jaqbeż u naqbżu warajhom? Inkunu aħna l-ewwel li nitkellmu hekk favur il-ħajja. Jekk aħna l-ewwel f’affarijiet oħra, inkunu l-ewwel f’dan.

Fr Hayden: Theddida oħra illi t-tarbija fil-ġuf għandha illi jiena kburi, jien fuq din kburi li jien Malti illi aħna nipproteġu għall-inqas fil-liġi sa issa m’għandna l-ebda forma ta’ abort u m’għandna xejn li jista’ bil-mod il-mod jintroduċi l-liġi għall-abort. Tajjeb? S’issa. Imma hawn min jgħidlek, u wieħed mill-argumenti huwa għax huwa dritt tal-mara, dritt fuq ġisimha. Imma il-mara għandha dritt li tagħmel l-abort?

Sara: Mela, din tibda mill-mentalita’ ‘dritt fuq ġisimha’ li ma jarfgħux li mhux biss hemm il-ġisem tal-mara imma hemm il-ġisem ukoll tat-tarbija. Li bħalma hemm id-drittijiet li għandha l-mara fuq ġisimha, hemm ukoll id-dritt tat-tarbija li għandha fuq ġisimha. Iġifieri rridu nagħmlu distinzjoni. Vera t-tarbija qegħda fil-ġisem tal-mara, fil-ġuf tal-mara, imma hemm żewġ persuni differenti bid-drittijiet tagħhom. Issa fl-aħħar mill-aħħar dan id-dritt tal-mara li tagħmel b’ġisimha dak li trid vera ma teżistix. Aħna fil-kultura tagħna, dak kollu li nixtiequ li nagħmlu u l-liberta’ li jixtieq ikollna ngħidulha ‘dritt’. Fl-Amerika, l-ewwel ma daħlet hija din – il-lingwaġġ. Ngħidu ‘imma jiena m’għandix id-dritt nagħmel li rrid b’ġismi?’ Dak iż-żmien ma kienx dritt. Minħabba li daħlet fil-lingwaġġ tal-poplu, daħħluha vera dritt umbagħad li jagħmlu li jridu u dak li jixtiequ b’ġisimhom. Imma fl-aħħar mill-aħħar jekk nistaqsu verament, ‘imma l-mara vera għandha dritt tagħmel b’ġisimha dak li trid?’ Jien ngħid lis-semmiegħa anka t’hawnhekk, imma jekk lanqas b’ġisimha ma’ tista’ tagħmel li trid, kif tista’ tagħmel li trid b’ġisem ħaddieħor?

Fr Hayden: M’ilux iltqajt ma’ Gianna Jessen li hija persuna li kienet hawn Malta u kelli l-grazzja, l-opportunita’ li niltaqa’ ftit magħha sew, nisma’ kif forsi diversi Maltin anka semgħu l-esperjenza tagħha. Kif dina ommha riedet tagħmel abortion ta’ 6 xhur u nofs iġifieri b’teknika li jitfgħu ċertu likwidu lit-tarbija f’24 siegħa toħroġ mejta. Din, dit-tarbija Gianna ma mitietx, she survived dan l-abortion. Minħabba l-mediċina li tefgħu biex joqtluha fil-ġuf ta’ ommha, hija twieldet anka b’kundizzjoni bic-Cerebral Palsy, imma waħda mis-sentenzi illi laqtitni f’li qalet, meta xi ħadd qaliha, ‘imma l-mara m’għandix dritt fuq ġisimha?’ U qalet: ‘Jiena mara. Fejn kienu d-drittijiet tiegħi fuq ġismi?’ Hekk u naħseb kienet kelma illi, issa altru ngħidha jien u altru tgħidha hija, naħseb li tagħmel differenza sħiħa.

Jien f’dawn l-affarijiet, waħda mill-affarijiet illi nixtieq anka nagħmel appell forsi hawnhekk indur aktar lejn it-telsteppaturi kollha tagħna. L-ewwel ħaġa nixtieq naqsam magħkom ħbieb tiegħi. Naf li dawn huma affarijiet li jien personalment għal min jafni ma nħobbx niddiskutihom, nitkellem drawhom

  • qisna qegħdin fejn naf jien Knisja u soċjeta’ ċivili niġġieldu bejnietna,
  • qisna xi ħadd ħa naraw ta’ min se tgħaddi,
  • qisna ħa naraw ta’ min għandu l-aħjar affarijiet biex jimponihom fuq ħaddieħor,
  • qisu xi ħadd ħa joħroġ b’xi disfatta.

Wara dawn l-affarijiet jien nirrikonoxxi li hemm ċerta tbatija f’ċerta persuni. Iġifieri jien li m’inhix miżżewweġ number one, Sara inti li inti xebba’, Marija inti li għandek it-tfal, tajjeb? Iġifieri min m’għandux tfal jista’ jweġġa’, igħid: ‘lili qed iċċaħduni minn possibiltajiet.’ Iġifieri jista’ jkun li jħares lejhom b’dan il-mod ukoll dawn l-affarijiet.

Aħna għeżież tiegħi dak li qegħdin ngħidu, b’mod speċjali hawnhekk nitkellem anka bħala saċerdot fid-dawl tal-fidi tagħna għeżież tiegħi. Din mhux kwistjoni li nċaħduk minn possibiltajiet imma li qegħdin ngħidu l-possibiltajiet li huma offruti, fihom infushom qegħdin jissalvagwardjaw il-persuni kollha involuti li huma kemm il-ġenituri jew il-ġenituri prospettivi imma anka lit-tarbija? Hija vera meta int tixtieq tarbija, kemm ibatu ċerti koppji minn kollox jagħmlu. Kemm tbatija ta’ biki, kemm iljieli, jiena naf għax jiena niltaqa’ ma’ koppji f’dawn iċ-ċirkustanzi għeżież tiegħi. U allura xi drabi wħud iħarsu lejn il-Knisja jew lejn min qed jitkellem forsi kif tkellimna aħna, forsi kattivi, nies insensittivi.

Żgur li dan m’huwiex l-iskop u nixtieq li din il-mentalita’ għeżież tiegħi ma nħalluhiex tidħol bejnietna. Bejn min għaddej minn dawn iċ-ċirkustanzi iebsa tat-tbatija, bejn min mhux għaddej minnhom imma għandu responsabbiltajiet oħra, jekk ma nitkellmux bejnietna biex infittxu l-aħjar interess ta’ kull persuna involuta, tal-ġenituri u tat-tarbija. Hemmhekk fejn irridu nsibu din it-triq. Sfortunatament meta l-affarijiet nitfgħuhom fuq livell legali, fuq livell politiku, fuq ġlieda illi nagħtu piż ħaġa u mhux oħra, naħseb nitilfgħu ħafna.

It-tieni ħaġa li nixtieq ngħid għeżież tiegħi hija dawk illi forsi fil-ħajja tagħkom mortu barra minn Malta jew sibtu xi okkażżjoni b’xi mod anka f’Malta li wettaqtu l-abort, jien nixtieq nagħmlilkom kuraġġ minn qalbi mhux għal dak li ġara imma għal dak li Alla jixtieq jagħmel fil-qalb tagħkom. Jekk qed iġġorru din il-weġgħa għax fl-aħħar mill-aħħar għeżież tiegħi kull mara li tagħmel l-abort iġġorr weġgħa u ferita fil-qalb tagħha. Jekk qed iġorru din il-weġgħa fil-qalb tagħkom, jekk tixtiequ għajnuna, tistħux, tibqgħux lura, tħossukomx li intom nies ikkundannati għall-ħajja tagħkom.

  • L-imħabba u l-ħniena t’Alla qegħda hemmhekk għalikom.
  • Il-Knisja trid tkun hemm għalikom.
  • Persuni professjonisti jridu jkunu hemmhekk għalikom illi jagħtukom l-għajnuna kollha li għandkom bżonn.

Ma nixtieq ħadd minnkom. J’Alla tkunu l-ftit, imma anki jekk hemm waħda biss li bħalissa qed tismgħani li għaddejt mir-realta’ tal-abort fil-ħajja tiegħek, jien qiegħed hemm għalik ukoll. Il-Knisja qegħda hemmhekk għalik ukoll. Ejja u b’qalb miftuħa mhux biex xi ħadd joħroġ ta’ hero imma għaliex il-ħniena u l-imħabba u l-maħfra t’Alla qegħda hemmhekk għalik ukoll għaliex int ma jistax ikun li tibqa’ ġġorr din it-tbatija fil-ħajja tiegħek. Ġara x’ġara fil-passat, int m’intiex kkundannata li tibqa’ tgħix f’ħabs, fi trawma tal-passat tiegħek. Int maħbuba minn Alla imma mhux biss minn Alla. Int maħbuba minna ilkoll u għalhekk qed ngħidlek dan minn qalbi. U minn qalbi nixtieqkom, tinqaflux lura jekk għaddejtu minn din ir-realta’.

Nixtieq nagħmel appell lill-irġiel għax xi drabi l-abort nitfgħuh bħala dell ikrah fuq il-mara imma tarbija ma tiġix minn mara waħeda. Nappella li jkollna r-responsabbilta’. Jekk int kont involut f’relazzjoni sesswali u hemm tarbija li tiġi minnek, int bħala raġel, erfa’ r-responsabbilta’ tiegħek u mhux titfagħha sempliċiment fuq il-mara u nfittxu neħilsu u ngħattu dak li ġara. Ejjew nerfgħu r-responsabbiltajiet tagħna. Ejjew ngħixu r-relazzjonijiet sesswali tagħna b’mod responsabbli. Irġiel, tfarfrux mir-responsabbilta’ tagħkom.

Jekk hemm xi ħadd minnkom għeżież tiegħi li qiegħed jikkontempla l-possibilta’ li jagħmel abort, imorru barra minn Malta jew isib mezzi oħrajn, taqbadx u tiġri f’din id-deċiżżjoni,

  • anki jew forsi ġiet f’sitwazzjoni ta’ tqala li ma ppjanajtix,
  • ħaġa li ħarġet f’sitwazzjoni ta’ rape,
  • taf illi se jkollok tarbija b’ċerta diżabbilta’.

Fittex għajnuna. Hawn min lest li jrid jgħinek. Jien nista’ nqabbdek ma’ nies. Jien ma nifhimx kollox. M’inhiex xi hero hawnhekk. Nista’ ngħinek sa fejn nista’ pero’ naf nies li ħa jgħinuk aħjar minni forsi wkoll u nista’ nqabbdek miegħu, pero’

  • tibqax tiġri,
  • tinqabadx fil-biża’,
  • tinqabadx x’se jgħidu fuqek,
  • tinqabadx illi ħa titlef il-karriera,
  • tinqabadx u taħseb li inti ma nafx x’hiex fil-familja, il-black sheep għax ġrat dil-ħaġa.

Le, jekk il-familja tiegħek tħares lejn b’dan il-mod, hemm familja oħra li tista’ tilqgħek li hija l-Knisja ta’ Ġesu’ Kristu maħbubin tiegħi. Jekk xi ħadd qiegħed f’dan il-mument, tiġrix waħdek, fittex għajnuna li teżisti anka f’pajjiżna.

Aħna dal-programm tagħna ma kienx hawnhekk kontra xi politikanti, kontra min qed jagħmel xi proposti. Dan huwa programm li jrid iwasslilna l-fidi u t-tama ħajja ta’ Ġesu’ Kristu biex inkunu hemmhekk verament kif qalilna Ġesu’ – inkunu d-dawl tad-dinja. Anki kieku kellhom jidħlu dawn l-affarijiet fil-pajjiż tagħna, aħna nibqgħu magħkom, aħna nibqgħu ma’ kull bniedem, anka minn jagħmel użu minn dawn l-affarijiet għaliex Alla ma jitlaq l-ebda bniedem.

J’Alla għeżież tiegħi dan il-Milied, il-kelma Milied tfisser birthday li sejrin niċċelebraw fi żminijietna jkun ċelebrazzjoni tal-ħajja vera li huwa Ġesu’ Kristu imma ta’ kull ħajja umana li aħna nemmnu fiha anka fl-aktar ċirkustanzi iebsa u diffiċli fil-ħajja tagħna l-bnedmin.

Marija: San Ġorġ Preca kien jgħid: ‘jekk għarusa għandna l-għarus tagħha msiefer, hija tgħożż ix-xbieha tiegħu bl-istess imħabba bħal li kieku hu kien magħha preżenti’ umbagħad kien jistaqsi, ‘tista’ l-għarusa tħobb lill-maħbub tagħha umbagħad ma tgħożżx jew togħbod ix-xbieha tiegħu?’ Hekk, jekk aħna verament inħobbu lil Alla, ejjew ngħożżu, inħobbu, inħarsu lit-trabi fil-ġuf u dawn l-embrijuni ffriżati għax aħna tagħhom irridu nagħtu kont. Hekk grazzi mill-qalb Father, grazzi Sara ta’ dan il-programm vera interessanti.

Fr Hayden: Nieħdu l-opportunita’, dan l-aħħar programm tagħna qabel il-Milied biex nawguraw lil kulħadd għeżież tiegħi Milied qaddis fejn il-Mulej Ġesu’ jitwieled fikom u permezz tagħkom jitwieled fil-ħajja tal-oħrajn.

Marija: Il-barka Father…

Fr Hayden: Mulej nitolbuk anka sabiex inti tbierek lil dawn il-familji kollha, bierek lil kull min segwina, bierek lil-leġiżjaturi tagħna, bierek Mulej lil dawk kollha li qed jaħdmu favur il-ħajja. Nitolbuk anki għal min forsi għadu jħares lejn il-ħajja b’mod differenti minna. Nitolbuk Mulej Ġesu’ sabiex fl-imħabba u fil-ħniena tiegħek, il-qalb tiegħek terbaħ il-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna u agħtina grazzja Mulej li aħna nistgħu iva nibqgħu nissaportjaw il-ħajja mill-bidu tal-konċepiment sal-mewt naturali. U jekk nagħmlu dan il-Mulej jagħtina s-sliem f’qalbna, fil-familji tagħna u f’pajjiżna.

Marija: Grazzi mill-qalb talli kontu magħna. Nagħmel appuntament magħkom għal bħal-lum ġimgħa fl-istess ħin. Il-festi t-tajba.

MUR GĦAL-LISTA SĦIĦA TAT-TAĦDIDIET TA’ FR HAYDEN

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s