Alla Trinita – Riflessjoni dwar is-Solennita’ tat-Trinita’ Qaddisa (Sena Ċ)

Il-Ħamis, 30 ta’ Mejju 2019: Riflessjoni ta’ Fr Hayden dwar Ġw 16: 12–15. (Sena Ċ) (Solennita’ tat-Trinita’ Qaddisa) Ara t-test tagħha taħt il-vidjo …

MUR GĦAL-LISTA SĦIĦA TAT-TAĦDIDIET TA’ FR HAYDEN

Il-Paċi magħkom, egħżież tiegħi. Minn qalbi nilqagħkom għal darb’oħra f’dan il-programm “Ejjew Għandi” u nixtieq insellem mill-qalb lil dawk kollha li jkunu qed isegwuwna f’dan il-programm u li tilqgħu l-istedina li Ġesu` jagħmlinna lkoll kemm aħna: “Ejjew Għandi”.  Hija stedina għalik, int min int, għamilt x’għamilt, kont x’kont, kien x’kien il-passat tiegħek, hu x’inhu t-tgħaffiġ tiegħek, it-tajjeb tiegħek, issa. 

Issa Ġesu’ lkoll kemm aħna qed jgħidilna: “Ejjew Għandi”. Għax jaf il-Mulej li, kif qalilna hu stess, “Mingħajri ma tistgħu tagħmlu xejn”. Insellem mill-qalb lil dawk kollha li jsegwuna mill-Faċilita` Korrettiva ta’ Kordin, mid-djar tal-anzjani, il-morda fl-isptarijiet, dawk li ssegwuna barra minn Malta, is-Saċerdoti fid-Dar tal-Kleru, liż-żgħażagħ u l-adoloxxenti wkoll. Naf li ssegwu mill-feedback taghkom. Insellmilkom mill-qalb, intom li tfittxu biex tisimgħu din il-Kelma ta’ Ġesu’.

Illum sejrin, għeżież tiegħi, nirriflettu ftit dwar Alla t-Trinita’, frażi li aħna smajniha fil-ħajja tagħna, forsi aħna midħla tagħha. Nippruvaw nifhmu ftit, ta, mhux ħafna, dal-misteru t’Alla f’ħajjitna. Biex jgħinna nagħmlu dan, se naqraw silta mill-Vanġelu skont San Ġwann, Kapitlu 16, minn Vers 12 sa Vers sa 15. Ġesu’ jgħid hekk:

“Baqagħli ħafna ħwejjeġ x’ngħidilkom, imma għalissa ma tifilħux għalihom. Meta jiġi hu, l-Ispirtu tal-verità, iwassalkom għall-verità kollha; għaliex hu ma jgħid xejn minn tiegħu, imma jgħid dak li jisma’, u jħabbrilkom il-ġejjieni. Hu jagħtini glorja, għaliex jieħu minn dak li hu tiegħi u jħabbru lilkom. Dak kollu li għandu l-Missier huwa tiegħi. Għalhekk għedt li jieħu minn dak li hu tiegħi u jħabbru lilkom.”

F’dan l-Evanġelju, għeżież tiegħi, Ġesu’ jitkellem minnu nnifsu, jitkellem mill-Missier u jitkellem mill-Ispirtu s-Santu. Dawk minnkom li forsi jiftakru meta konna għadna żgħar, aħna konna ġejna mgħallmin, abbażi tal-Kelma t’Alla — illi dak Alla li aħna nemmnu fih li huwa Alla li huwa Tliet Persuni, imma Alla wieħed: Missier, Iben u Spirtu s-Santu.

Ngħiduha kif inhi: loġikament, għall-moħħ tagħna, din hija xi ħaġa li diffiċli li umanament nifhmuha. U propju għalhekk għandna bżonn ir-Revelazzjoni t’Alla. Għeżież tiegħi, Alla t-Trinita’ wera lilu nnifsu, hu min hu, lilna. Mhux aħna li vvintajna, mhux il-Knisja li vvintat lit-Trinita’. Pero’,  għandna ‘l- Mulej Ġesu’, għeżież tiegħi, illi jurina li huwa ħaġa waħda, magħqud  mal-Missier, li hu u l-Missier ħaġa waħda, u li jagħtuna l-Ispirtu s-Santu li hu Alla.

L-Umilta’

F’din ir-realta’ ta’ Alla Trinita’ – Missier, Iben u Spirtu s-Santu – waħda mill-affarijiet sbieħ li ninnotaw u li trid tispirana, hi l-umilta’ ta’ Alla. San Franġisk t’Assisi, meta jfaħħar lil Alla, ħin minnhom jgħidlu : “Int Umilta’”. “Int Umilta’” għal diversi raġunijiet, għeżież tiegħi. Umilta’ għax Alla, fit-Trinita’ stess, biex ngħid hekk, il-Missier jinħeba wara l-Iben, l-Iben jinħeba wara l-Ispirtu s-Santu. Fit-Trinita’, fl-Umilta’, il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu jaqsmu kollox bejniethom. Hawnhekk għandna ‘l-Ġesu jgħid: “l-Ispirtu jieħu minn dak li hu tiegħi, u li ngħid jien huwa dak li qalli l-Missier.” 

L-Imħabba

Araw dawn l-atteġġjamenti umli fejn ħadd ma jgħid li għandu xi ħaġa tiegħu. Għeżież tiegħi, imma dak li hu tiegħu, hu tal-oħrajn. Huwa dan il-qsim perfett. Hi l-umilta’ li hija l-bażi tal-imħabba. San Ġwann jgħidilna li Alla hu imħabba. Issa, biex tkun imħabba, għeżież tiegħi, ma tistax tkun waħdek. Min ikun iżolat waħdu ma jistax iħobb, aħseb u ara kemm ikun imħabba. Għax Alla huwa mħabba, Alla hu komunjoni. Il-Missier huwa dak li jħobb, l-Iben hu dak li hu maħbub, l-Ispirtu s-Santu hu din l-imħabba bejn il-Missier u l-Iben, għeżież tiegħi.

Ix-Xemx: kwalitajiet distinti iżda inseparabbli

Forsi, eżempju żgħir li jista’ jgħinna. Aħna meta nħarsu lejn ix-xemx għandna id-dawl, għandna s-sħana, u għandna l-gassijiet tax-xemx stess, għeżież tiegħi. Tista’ tifred id-dawl tax-xemx mis-sħana tax-xemx, mill-gass tax-xemx? Tista’ tifridhom? Ma tistax. Dawn it-tlieta huma dejjem flimkien, għeżież tiegħi. Madankollu, nistgħu inkejlu s-sħana għaliha, inkejlu d-dawl għalih, u l-gassijiet tax-xemx huma dawk li huma.

Jiġifieri, b’xi mod huma distinti, pero’ ma nistgħux nifirduhom minn xulxin, għeżież tiegħi. Dana hu biss eżempju żgħir li remotament jista’ jgħinna biex aħna, għeżież tiegħi, nistgħu nirrealizzaw dan il-misteru ta’ Alla Trinita’ fil-ħajja tagħna, kif uriena Sidna Ġesu’ Kristu.

Il-Bniedem xbieha t’Alla: imsejjaħ għall-Komunjoni u l-Għaqda

Pero’, mistoqsija li hi ħafna importanti hija: x’differenza jagħmel Alla jekk hux Trinita’ jew le? Tagħmel differenza kbira, għax fil-Bibbja għandna miktub illi aħna l-bnedmin ġejna maħluqin fix-xbieha t’Alla. Mela x-xbieha ta’ fuq min aħna maħluqa, dażgur li tinteressana u dażgur li tagħmel differenza.

Il-fatt li aħna maħluqin fuq ix-xbieha t’Alla Trinita’ li huwa komunjoni ta’ mħabba, tfisser li aħna l-bnedmin għandna sejħa ta’ komunita’, għandna sejħa ta’ komunjoni. Kieku aħna maħluqin fuq ix-xbieha ta’ Alla li huwa waħdu, allura aħna għandna s-sejħa ta’ individwalisti. Pero’, għax maħluqin fuq ix-xbieha ta’ Alla Trinita’, aħna għandna s-sejħa ta’ komunita’. U, għalhekk, għeżież tiegħi, irridu aħna nirrealizzaw dejjem aktar fil-profond ta’ qalbna u ta’ ħajjitna li aħna msejħin għall-komunjoni. Aħna msejħin għall-għaqda. Jekk irridu nkunu xbieha t’Alla Trinita’, irridu nkunu f’għaqda u f’kumunjoni. Għaqda fiż-żwieġ u l-familja, għaqda fil-komunitajiet reliġjużi, għaqda fil-Knisja, għaqda fis-socjeta’ tagħna.

Kif nistgħu inżommu l-Għaqda f’dinja fejn jaħkem l-egoiżmu u l-individwaliżmu?

Waħda mill-isfidi kbar, għeżież tiegħi, fid-dinja, sfida kbira fil-Knisja u sfida kbira fil-familja hi li nżommu l-għaqda ta’ bejnietna, din il-komunjoni, din il-komunita’ ta’ bejnietna. Din hija sfida enormi, għeżież tiegħi. Għaliex  fina, effett tad-dnub fil-ħajja tagħna, insibu l-egoiżmu, cioe’ li kulħadd għal rasu. Issa araw din jekk hijiex ta’ sfida fil-familji tagħna: li kulħadd ikun għal rasu.

L-Isfida tat-Teknoloġija

Xi drabi, anke bl-istess mezzi tat-teknoloġija, nistgħu inkunu fuq mejda waħda, pero’ kulħadd ikun qed jara l-mobile tiegħu. Nistgħu anke nkunu f’kamra waħda, ma nitkellmu ma’ kulħadd ‘l barra minn kamritna, imma bejnietna ma nitkellmux.  Ejjew ngħidu l-verita’: din hija sfida, tentazzjoni għalina lkoll, għeżież tiegħi. M’aħna qed nippuntaw subgħajna lejn ħadd. Hija faċli fil-kultura tagħna illi l-komunjoni ta’ bejnietna inkissruha propju għax għandna dal-ħafna influssi anke ta’ teknoloġija li toħroġna barra mill-għaqda ta’ bejnietna. Ċertament, mhux għax it-teknoloġija hija ħażina fiha nfusha. Altro che’. Naħseb li t-teknoloġija ġabet ħafna għaqda fuq livell ieħor. Tajjeb illi nkunu ‘l bogħod minn xulxin u nistgħu ninagħqdu, pero’ xi drabi tidħol il-mentalita’ li aktar m’aħna ‘l bogħod minn xulxin, t-teknologija tgħaqqdna, iżda aktar m’aħna qrib xulxin, xi drabi t-teknoloġija tifridna. Jiġifieri, għandha s-sabiħ tagħha mmens it-teknoloġija, pero’ donnha hekk qed taħdem: meta aħna ‘l bogħod, ningħaqdu biha; meta aħna qrib, ninfirdu biha.

Nikkomunikaw bejnietna lkoll u kif għandu jkun

Allura rridu noqgħodu attenti, għeżież tiegħi. Xi kultant irridu nitgħallmu nħallu daqsxejn dit-teknoloġija apparti: tħalli naqra l-mobajl apparti, tħalli naqra s-social media tiegħek apparti, sabiex tikkomunika b’mod ta’ bniedem normali. Bejnietna qegħdin qrib xulxin. Inutli nkun magħqud mad-dinja kollha, mbagħad mhux magħqud miegħek, int li inti l-aktar persuna qrib tiegħi. O kemm għandna bżonnha din, lkoll kemm aħna: inklużi aħna l-qassisin, il-patrijiet u s-sorijiet. Ilkoll kemm aħna għandna bżonn din ir-realta’. 

Meta qed niċċelebraw dal-misteru tat-Trinita’, dan jista’ jkun mument ta’ grazzja għalina, għeżież tiegħi, biex aħna niġu ppurifikati minn dak li mhux qed iżomm il-komunjoni u l-għaqda ta’ bejnietna.

L-Isfida tad-Differenzi

Sfida oħra li aħna għandna, għeżież tiegħi, għall-għaqda ta’ bejnietna, hija d-differenzi. Id-differenzi tagħna ma jifirdunix. Il-Missier mhux l-Iben, l-Iben mhux l-Ispirtu s-Santu, l-Ispirtu s-Santu mhux il-Missier. Pero’ t-Trinita’ m’hix mifruda, għad li għandha fiha tliet Persuni differenti. Bl-istess mod, id-differenzi ta’ bejnietna m’għandhomx għax jifirduna. Id-differenza m’għandhiex tkun għajn ta’ firda. Fil-ħajja tagħna, jien m’inhix int u int m’intix jien. Il-Mulej lilek tak doni mod, lili tani doni mod ieħor. Jien għandi sejħa mod, inti għandek sejħa mod ieħor. Pero’ aħna l-imgħammdin nimxu lkoll wara Ġesu’. Dan li jgħaqqadna.

Għeżież tiegħi, huwa Alla li jgħaqqdna. Ejjew ma nħallux id-differenzi ta’ bejnietna jifirduna għax naħseb li jien aħjar minnek jew li int aħjar minni. Meta naħsbu hekk, għeżież tiegħi, mhux Alla jibqa’ fiċ-ċentru, imma aħna nkunu fiċ-ċentru u nġibu l-firdiet bejnietna, għeżież tiegħi, minħabba li ma nkunux ngħixu d-differenzi ta’ bejnietna. Id-differenzi ta’ bejnietna jistgħu u għandhom jkunu għajn ta’ saħħa bejnietna.

Id-differenzi ta’ bejnietna jistgħu jkunu grazzja, għeżież tiegħi. Id-differenzi ta’ bejnietna joħorġu s-sbuħija ta’ Alla li huwa l-ħallieq, il-kreatur illi ma jirrepetix, għeżież tiegħi. Id-differenzi huma don fil-ħajja tagħna, u m’għandhomx ikunu għejjun ta firda.

Mela biex inżommu l-għaqda irridu noqgħodu tikka attenti:  

1. Ma rridux inħallu lit-teknologija tifridna.

2. Aħna li nirriflettu lil Alla, irridu nemmnu li differenzi m’għandhomx ikunu għejjun ta’ firda.

3. It-tielet sfida biex inżommu l-għaqda ta’ bejnietna huwa s-sens tal-qadi u servizz.

L-Isfida tal-Qadi u s-Servizz: l-Umilta’

Ġesu’ jurina lilu nnifsu jaqdi, għeżież tiegħi. Alla taghna, Alla t-Trinita’ jaqdina, iseftrilna. Daqshekk hu kbir Alla: akbar ma int, aktar suppost taf tiċċekken. Alla huwa l-akbar wieħed fuq din l-art u fl-univers kollu, imma l-aktar wieħed li ċċekken. L-iktar wieħed li ġie jaqdina sal-mewt tas-salib. Jagħtina lilu nnifsu fl-Ewkaristija. Il-Mulej Ġesu’, l-Ispirtu s-Santu jiġi jgħammar fina, il-Missier li tana totalment lill-Iben. Għeżież tiegħi, dak li jkisser l-għaqda ta’ bejnietna hu meta aħna nieqfu naqdu. Biex inkunu dejjem magħqudin bejnietna, irid ikollna sens ta’ qadi u sens ta’ qadi profond, tafux. Sens ta’ qadi li aħna jkollna l-fardal ma’ qaddna. Li nagħtu servizz lil xulxin, b’mod speċjali qed nirreferi għal dawk li huma fl-awtorita’.

L-Awtoritajiet iridu jagħtu servizz

Waħda mill-missjonijiet tal-awtorita’ hi li tkun sinjal ta’ għaqda u komunjoni. Pero’ dak ikun servizz li tkun qed tagħti lis-socjeta’, servizz li tkun qed tagħti lilna. Għeżież tiegħi, ejjew minn qalbna nżommu din l-għaqda u l-komunjoni billi naqdu.  Jista’ jkun li l-poter ta’ din l-awtorita’ tkun

  • l-awtorita’ ta’ saċerdot,
  • l-awtorita’ ta’ Isqof fi djoċesi,
  • l-awtorita’ tal-Papa fil-Knisja,
  • l-awtorita’ ta’ kapi ta’ stati, ta’ mexxejja,
  • l-awtorita’ ta’ leader fi group,
  • l-awtorita’ tal-ġenituri fil-familja,
  • l-awtorita’ fuq il-post tax-xogħol.

Meta l-awtorita’ tieqaf taqdi imma trid tiġi moqdija, meta ma taqdix imma tinqeda, għeżież tiegħi, hemmhekk l-awtorita’ tkisser — titlef l-iskop veru tagħha.

Kemm għandna bżonn li nkunu verament mera ta’ din it-Trinita’ Qaddisa f’din l-għaqda ta’ bejnietna, għeżież tiegħi. Li nirrealizzaw li rridu naqdu b’ħafna umilta’, ma nħallux it-teknoloġija tifridna. B’ħafna umilta’, ma nħallux id-differenzi tagħna jifirduna.

Din l-għaqda, għeżież tiegħi, l-ewwel post fejn għandha tiġi murija fid-dinja hija fil-Knisja u b’mod speċjali fil-familja.  Aħna x-xbieha t’Alla t-Trinita’: bħala Knisja u bħala familja.

L-Għaqda fil-Knisja permezz tas-Sagramenti

Aħna s-saċerdoti qiegħdin għas-servizz ta’ din l-għaqda u ta’ dil-komunjoni li l-Mulej irid joħloq. Din l-għaqda fil-Knisja, Ġesu’ joħloqha permezz tas-Sagramenti. Is-Sagrament tal-Magħmudija jdaħħalna f’din l-għaqda, f’din il-komunita’  tal-Knisja. Is-Sagrament tal-Griżma tal-Isqof jagħtina din il-qawwa tal-Ispirtu biex nistgħu ngħixu din l-għaqda. L-Ewkaristija propju tissimbolizza u toħloq din l-għaqda. Meta aħna niċċelebraw il-quddies, niġu flimkien; hemmhekk qed tidher din l-għaqda. Pero’, l-Ewkaristija tagħmilna nies magħquda.  Għaliex Ġesu’, f’kull wieħed u waħda minna, jgħaqqadna.

Imbagħad għandna s-Sagramenti li jfejqu, għeżież tiegħi. Il-Qrar ifejjaq id-dnub, għax id-dnub ikisser l-għaqda ta’ bejnietna. Is-Sagrament tad-Dilka tal-Morda hu Sagrament ta’ fejqan mhux biss għall-persuna marida, imma anke għall-Komunita’ li tħobb u taqdi lill-marid. Il-Komunita’ tfieq mill-egoiżmu tagħha. Huwa Sagrament ta’ fejqan għaliha meta nifhmuh fis-sens profond tiegħu.

Imbagħad għandna żewġ Sagramenti oħra li jaqdu lill-Komunita’. Is-Sagrament tal-Ordini Sagri, is-Saċerdozju, u anke s-Sagrament taż-Żwieġ.

Is-Sagrament taż-Żwieġ jibni l-Komunita’ tal-Knisja. Għax il-Knisja, jekk hija ġisem, iċ-ċelloli tagħha huma l-familji, għeżież tiegħi. U allura, ċellola fil-Knisja hi b’saħħitha daqs kemm familja hi magħquda u b’saħħitha.

U għalhekk, inħeġġeġ: “Ejjew inżommu l-għaqda fis-Sagrament taż-Żwieġ”. Knisja hi b’saħħitha daqskemm is-Sagrament taż-Żwieġ huwa b’saħħtu. Knisja hija dgħajfa daqs kemm is-Sagrament taż-Żwieġ huwa dgħajjef.  Il-Knisja hija b’saħħitha quddiem Alla daqs kemm hu b’saħħtu s-Sagrament taż-Żwieġ. Hija dgħajfa daqs kemm hu dgħajjef is-Sagrament taż-Żwieġ. Għalhekk illum nitolbu ħafna għall-Grazzja, għad-don tal-Għaqda fil-familji tagħna.

Irridu mmutu għalina nfusna

Issa, għeżież tiegħi, biex inżommu din l-għaqda, anke bil-qawwa tas-Sagramenti tal-Knisja, fejn allura fiha jkun hemm il-grazzja t’Alla taħdem — għax bil-qawwa tagħna ma naslux —   rridu mmutu għalina nfusna. Biex iżżomm l-għaqda trid tgħid “le” għalik innifsek!  Biex iżżomm l-għaqda, kemm xi drabi jkollok tigdem ilsienek! Mhux taħbi l-verita’ , ta. Mhux ma titkellimx, imma tigdem ilsienek biex titkellem meta għandek titkellem, mhux biex ma tgħid xejn. Biex titkellem fil-mument opportun, biex mhux tgħid affarijiet li jkissru, imma tgħid affarijiet li jgħaqqdu. Għax id-diskors żejjed ma jġibx għaqda: id-diskors żejjed iġib weġgħat u firda. Kemm firdiet minħabba d-diskors, għeżież tiegħi.

Jiena nixtieq nagħlaq  billi nagħmel appell għalina lkoll. Jekk aħna qed inkunu sors jew għajn ta’ firda

  • firda fil-parroċċi,
  • firda fiż-żwieġ,
  • firda fuq ix-xogħol,
  • firda fil-ħbiberiji,
  • firda bejn l-aħwa,

ejjew illum nikkonvertu, nitolbu l-grazzja tal-Ispirtu s-Santu li jtina l-qawwa li nieqfu noħolqu l-firda.

  • Noħolqu l-firda biz-zekzik,
  • Noħolqu l-firda bil-kalunji,
  • Noħolqu l-firda b’ittri anonimi,
  • Noħolqu l-firda b’abbużi ta’ poter,
  • Noħolqu l-firda bil-kalunji li nistgħu ngħidu fuq xulxin,
  • Noħolqu l-firda bil-preferenzi li nistgħu nagħmlu.

Ejjew ħadd minna ma jkun strument ta’ firda. Jekk int strument ta’ firda, tieħux għalik, int strument f’idejn ix-xitan! Ċara u tonda qed ngħidhielek. Għax dak li jifred, id-diabolos, huwa Satana.

Jekk qed iġġib l-għaqda, b’xi mod int qed jużak l-Ispirtu s-Santu. Jekk int qed iġġib firda, b’xi mod int qed jużak ix-Xitan. U nixtieq minn qiegħ qalbi ngħid: ejjew ma nkunux strumenti f’idejn Satana li jifred! Imma nkunu strumenti f’idejn l-Ispirtu s-Santu li jġib l-għaqda biex b’hekk jagħti glorja lill-Missier, lill-Iben u lill-Ispirtu Qaddis fuq din l-art, hekk kif qed jingħata glorja fis-Sema.

Jiena minn qalbi nistedinkom biex tiġu għall-laqgħa ta’ talb “Ejjew Għandi” li jmiss.  Idħlu fil-Facebook page tiegħi “Fr Hayden”,  u hemmhekk tkunu tistgħu issibu d-dettalji kollha tal-laqgħat.

Ejjew intom, ġibu lil ħaddieħor magħkom. Ikollna mument, għeżież tiegħi, ta’ xandir tal-Kelma, mument ta’ talb, ta’ qima, tifħir u adorazzjoni Ewkaristika, mument ta’ talb ta’ fejqan spiritwali, fiżiku u emozzjonali. Mument anke ta’ faraġ, għeżież tiegħi. Għax Alla tagħna jfarraġna, Alla tagħna jfejjaqna. Nibqgħu nitolbu ma’ kull persuna li tiġi. Ejjew intom u ġibu ‘l ħaddieħor magħkom.

Sa ma narakom: il-Paċi Magħkom! Kunu mberkin, itolbu għalija u jien ukoll inwegħdkom li nitlob għalikom. Narakom fi programm ieħor. Il-Paċi Magħkom.  

MUR GĦAL-LISTA SĦIĦA TAT-TAĦDIDIET TA’ FR HAYDEN

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s