Kemm nixtieq inkun ferħan! (L-Ewwel Parti)

It-Tnejn, 13 ta’ Diċembru 2021: Kemm nixtieq inkun ferħan! Riflessjoni ta’ Fr Hayden dwar il-ferħ fil-ħajja tagħna. (L-Ewwel Parti) Ara t-test tagħha taħt il-vidjo …

Għat-Tieni Parti mur hawn: It-2 Parti.

MUR GĦAL-LISTA SĦIĦA TAT-TAĦDIDIET TA’ FR HAYDEN

Il-Paċi magħkom għeżież tiegħi! Minn qalbi nilgħqakom hekk għal darb’oħra għal dal-mument ta’ riflessjoni fejn inħallu ftit, hekk riflessjoni fuq il-ħajja tagħna fid-dawl tal-Vanġelu, fid-dawl tal-Kelma t’Alla, fid-dawl t’Alla nnifsu fl-aħħar mill-aħħar fil-ħajja tagħna. Għax il-Mulej xi jrid jgħidilna? Il-Mulej xi jrid jagħmel f’ħajjitna? Xi jrid jagħtina u kif aħna għandna nwieġbu dejjem aktar għal dak li Alla jrid jagħmel f’ħajjitna.

Nixtieq insellem minn qalbi lil dawk kollha li jsegwuna għeżież tiegħi, b’mezzi ta’ komunikazzjoni differenti, lil hinn minn xtutna għall-grazzja t’Alla, inselmilkom mill-qalb b’mod speċjali l-Maltin li tinsabu emigranti f’pajjiżi differenti. Selluli ħafna għall-familji tagħkom. Selluli ħafna anka għas-saċerdoti tagħkom dawk minnkom li għandkom kuntatt anka ma’ saċerdoti anka saċerdoti Maltin illi jaħdmu barra minn Malta, inselmilhom ħafna mill-qalb li naf li jsegwu minħabba l-kuntatti li anka permezz ta’ dan il-programm jinħoloq.

Nixtieq insellem mill-qalb lil dawk li jinsabu fil-faċilita’ korrettiva ta’ Kordin fid-divisions kollha huma fejn huma, f’sezzjonijiet differenti li hemm fil-faċilita’ korrettiva. Inselmilkom ilkoll minn qalbi, anki l-ħaddiema kollha li jaħdmu hemmhekk. Insellem anka l-dawk li huma vittmi ta’ reati kriminali, li huma feriti fil-ħajja għeżież tiegħi li jridu l-proċessi anki biex wieħed ifieq minnhom.

Nixtieq insellem lil dawk kollha li hekk isegwuna anka f’mumenti diffiċli fil-ħajja tagħkom u forsi dan il-programm b’xi mod ikun anki daqsxejn ta’ tama għalikom. U lil dawk kollha li anka b’sens ta’ tfittxija fil-ħajja, f’mixja ta’ fidi qegħdin tfittxu, anka dawk li huma ‘l bogħod mill-Knisja imma għal xi raġuni tfittxu li tisimgħu u ssegwu dawn il-programmi.

Illum xtaqt hekk nirrifletti ftit magħkom, naqsmu ftit ħsibijiet bejnietna ta’. Ma nippretendix li għandi l-aħħar kelma dejjem fuq dak li naqsam magħkom anzi nieħu pjaċir anki meta intom tkomplu tirriflettu, tkomplu taħsbu, tiġu lura anki bil-proposti tagħkom fuq dak li nkunu qegħdin naqsmu flimkien.

Illum nixtieq nirrifletti fuq it-tema tal-ferħ. Hekk jiena naħseb għeżież tiegħi u fuq din naħseb nistgħu naqblu illi kull wieħed minna jixtieq jgħid jew irid jgħid jew filfatt jgħid: ‘Jien nixtieq inkun ferħan! Jien irrid inkun ferħan!’ Ħadd minna ma jrid jgħix il-ħajja mdejjaq sew jekk temmen, sew jekk ma temminx, sew jekk għandek twemmin differenti. Kulħadd irid għeżież tiegħi illi jkun ferħan fil-ħajja tiegħu għax fil-verita’ jekk ngħixu l-ħajja tagħna mingħajr ferħ, il-ħajja tagħna mmarkata biss bid-dwejjaq, inħossu li hemm xi ħaġa profondament vojta fl-eżistenza tagħna.

Jien tant kemm jiena konvint għeżież tiegħi li aħna lkoll kemm aħna rridu nkunu ferħana illi jien personalment nemmen li anki min jiżbalja, anka min iħawwad, anki min jiżbalja u jħawwad b’mod gravi, personalment nemmen li qed ifittex il-ferħ, qed ifittxu f’post żbaljat, qed ifittex b’modi żbaljati l-ferħ tiegħu. Imma anka wara l-iżbalji fil-ħajja tagħna, huma x’inhuma l-iżbalji li nagħmlu, warajhom nagħmluhom bit-tama li se nkunu kuntenti.

Irrealizza ftit, jekk per eżempju tidħol f’adulterju għax taħseb li jekk tidħol f’relazzjoni ma’ din il-mara, ma’ dan ir-raġel barra miż-żwieġ tiegħek, int se ssib il-ferħ illi forsi fiż-żwieġ tiegħek m’għandekx. Jekk inti tagħmel xi taħwida finanzjarja għax taħseb li dik se ttik ferħ, ferħ li forsi bħalissa m’għandekx.

Cioe’ ħafna affarijiet li aħna nistgħu nagħmlu bi żbalji kbar, inkluż id-dnub, nagħmluh għax naħsbu li se jagħmilna kuntenti, se jagħmilna ferħana għeżież tiegħi. Hekk u dina tgħinni nifhem aktar kemm il-bniedem x’qed ifittex fil-ħajja tiegħu u tgħinna meta nħarsu lejha b’dan il-mod. Għaliex? Għax xi drabi nutli noqgħodu nħambqu li d-dinja ħażina, li mhux tajba bla bla bla, imma rridu mmorru aktar fil-profond il-bniedem x’qed ifittex u nippruvaw ngħinu lil xulxin biex dak li qegħdin infittxu, insibuh, biex dak li qegħdin infittxu, niskopruh, biex dak li qegħdin infittxu insibuh f’postijiet fejn nistgħu insibuh fil-ħajja tagħna.

U jiena konvint għeżież tiegħi li jekk f’qalbna għandna xewqa għall-ferħ għax il-ferħ huwa possibli. Din ix-xewqa profonda li hemm f’qalb il-bniedem għaliex hi possibli illi dan il-ferħ jingħata. Għalhekk nixtieq li ħadd minnkom ma jċedi,

  • anki jekk għaddejjin minn żminijiet iebsa fil-ħajja tagħna,
  • anki jekk għaddejjin minn żminijiet forsi tinsab il-ħabs bħalissa,
  • forsi għadek kemm għaddejt minn reat kontra tiegħek,
  • forsi għaddejt minn trawma,
  • forsi għaddejt minn mewt,
  • forsi għaddejt minn ċirkustanza li tħoss li l-affarijiet fallew fil-ħajja tiegħek u
  • forsi qtajt qalbi li int qatt xi darba tista’ tkun ferħan.

Jien nixtieqek l-ewwel ħaġa li ma titlifx it-tama għeżież tiegħi. Ejjew ma nitilfux it-tama li aħna nistgħu inkunu ferħana. Ejjew ma nitilfux it-tama li l-ferħ hu possibli fil-ħajja tagħna

  • minkejja kollox,
  • minkejja dak kollu li ngħaddu minnu,
  • minkejja dak li naraw madwarna,
  • minkejja dak li hemm fil-familji tagħna.

Aħna msejħin għall-ferħ u dan il-ferħ huwa possibli.

Nixtieq naqsam magħkom ftit aspetti dinamiċi, realtajiet tal-ferħ, kemm mill-aspett ħa ngħid hekk uman tiegħu u anka mill-aspett tagħna ta’ nsara, aħna li qed nimxu wara Ġesu’, mill-aspett nisrani. U anka jekk inti m’intix nisrani u qed issegwi, tajjeb li tisma’ ftit ukoll għax forsi tista’ tispirak din il-kelma. Il-Kelma tal-Mulej hi għal kulħadd għeżież tiegħi. Ħa naraw daqsxejn ftit il-ferħ hekk mill-aspett uman tagħna fil-ħajja tagħna.

1. Il-ferħ tagħna norbtuh ma dak li jiġrilna

Hekk ħafna drabi aħna ninnutaw li bħala bnedmin il-ferħ tagħna huwa marbut ma’ xi ħaġa – ma realta’. Ħafna minna l-ferħ tagħna jiddependi minn dak li jiġri lili. Mela

  • jekk jien jiġruli affarijiet tajbin, jiena ferħan. Jekk jiġruli affarijiet ħżiena, jiena ndejjaq.
  • Jien l-affarijiet jiġu kif irridhom jien, jiena kuntent. Jekk l-affarijiet jiġu mhux kif irridhom jien, jiena ninsab ħażin.
  • Jekk l-affarijiet jirnexxu kif ppjanajthom, ferħan se ntir. Jekk l-affarijiet, xi ħadd ħarbat il-programm, ma ġewx kif ridthom jiena, allura hemmhekk ġejna diżastru.

Iġifieri naraw illi xi drabi aħna l-ferħ tagħna għeżież tiegħi norbtuh ma dak li jiġrilna. Mentri jista’ jkun illi anka mill-aspett uman għandna bżonn inbiddlu daqsxejn ftit il-perstettiva. Ċertament jekk issa l-affarijiet imorru tajjeb, mhux ovvja li se nkunu kuntenti. Pero’ il-ferħ tagħna flok norbtuh ma’ dak li jiġri lilna,

  • għax ma nibdewx norbtuh ma dak li aħna nġgħelu jiġri lil ħaddieħor?
  • Flok dak li jiġri lili, għalfejn il-ferħ tiegħi m’għandix norbtu ma’ dak li jiġri lil ħaddieħor?
  • U allura li jiena nkun kawża ta’ ferħ għall-oħrajn.
  • Li jiena noħloq ċirkustanzi li jien nferraħ lill-oħrajn.
  • Li jiena nifraħ b’dak li jiġri lil ħaddieħor anki jekk ma jiġrix lili.

Għandna bżonn fil-mixja tagħna ta’ bnedmin, biex ngħixu fil-ferħ, biex il-vokazzjoni hija l-ferħ, biex is-sejħa għall-ferħ, biex ix-xewqa għall-ferħ vera tinqata’ għandna bżonn xi drabi għeżież tiegħi, ma nafx x’taħsbu intom, nibdlu ftit din il-mentalita’, minn ferħ li hu marbut esklussivament ma’ dak li jiġri lili u nerġa’ ngħid li jiġrulna affarijiet sbieħ ilkoll nieħdu pjaċir, pero’ kemm hu ferħ ikbar meta jien kawża ta’ ferħ għal ħaddieħor, meta jiena nġib il-ferħ fl-oħrajn, xi drabi anka meta jien stess għaddej minn żmien iebes fil-ħajja tiegħi? Ejjew nippruvaw nagħmluha din il-qabża minn ferħan għax jiġruli affarijiet tajbin alli nkun ferħan għax jien qed nikkawża affarijiet tajbin fil-ħajja tal-oħrajn. Aħseb kif tista’ tagħmilha din.

2. Il-ferħ tagħna norbtuh wisq mall-affarijiet materjali li għandna u x’tip t’affarijiet għandna u kemm għandna

Ħaġ’oħra xi drabi għeżież tiegħi illi l-ferħ tagħna xi drabi bħala bnedmin norbtuh wisq ma’ dak li għandi u mhux għandi saħansittra. Iġifieri mhux biss dak li għandi li ħafna drabi huma affarijiet materjali imma anka x’għandi, iġifieri x’ditta huwa, xi kwalita’ hu. Mhux biss il-ħwejjeġ li jien għandi imma d-ditta x’inhi. Issa jista’ jkollok tant ħwejjeġ li int lanqas tilbes. Kunu ftit onesti dwar din il-ħaġa – kemm għandna ħwejjeġ id-dar illi ma tantx nilbsuhom? Imbasta għandna l-gwardarobba, forsi bl-aħħar moda u għal kull okkażżjoni rridu xi ħaġa għax dejjem ġdida, xi ħaġa differenti, nużawha għal ftit, nifirħu biha umbagħad nitilqgħha umbagħad irridu xi ħaġ’oħra.

Xi drabi lkoll kemm aħna, minkejja li aħna kbar, xi drabi aħna bħat-tfal, iġifieri nakwistaw dak li rridu, nifirħu bih għal ftit żmien umbagħad ftit wara rridu nibdluh għax nixbgħu minnu. It-tfal nirrabjaw magħhom li jagħmluha għax il-kbar jonfqu l-flus huma għat-tfal imma l-kbar m’aħnix aħjar xi drabi ta’! Iġifieri l-affarijiet nixtruhom inkunu kuntenti bihom forsi d-ditta li ridna umbagħad nixbgħu minnhom jew toħroġ xi ħaġa ġdida u tnessina dak li kien hemm u l-ferħ tagħna huwa marbut allura ma’ dak li għandna u x’tip ta’ affarijiet għandna u kemm għandna, ma dak li aħna nippossedu għeżież tiegħi. Issa dan jista’ jkun flus, affarijiet materjali u affarijiet li nistgħu nippossedu fil-ħajja tagħna. Min għandu x’jaqsam mall-karozza per eżempju, min għandu x’jaqsam mat-teknoloġija, cioe’ il-ferħ tagħna norbtuh ma’ dawn ir-realtajiet.

Mentri aħna nistgħu nagħmlu qabża li l-ferħ tiegħi ma jkunx marbut daqshekk ma dak li nippossedi imma ma’ dak li nagħti. Mhux ma’ dak li jien għandi imma ma’ dak li jiena nagħti lil ħaddieħor biex ħaddieħor ikollu għeżież tiegħi. Kemm hija sabiħa, il-ferħ il-bniedem meta jesperjenza meta mhux tant dak li huwa jippossedi imma dak li jagħti. Hemm ferħ fil-ħajja li jiġi meta inti tagħti u jekk forsi għandek ma doqtux dan,

  • forsi għandek bżonn tibda tagħti u forsi ma tagħtix miż-żejjed tiegħek,
  • ma tagħtix biex isserraħ il-kuxjenza,
  • ma tagħtix biex tkun tajt,
  • ma tagħtix għax dan huwa żmien li jitlobna biex nagħtu,
  • ma tagħtix għaliex hemm xi ħadd li xi ħadd talbek biex tagħti

imma tagħti b’commitment, tagħti b’ċerta regolarita’ cioe’ l-attitudni tiegħek illi ssir persuna li aktar tippreferi li tagħti milli li tirċievi. Hu hemmhekk fejn tibda tiskopri ċerta ferħ. Li nagħtu darba b’okkażżjoni huwa ta’ ftit mumenti u tgħaddi. Aħna għandna bżonn bidla fil-lifestyle. Għandna bżonn bidla fl-istil ta’ ħajja li qegħdin ngħixu maħbubin tiegħi. Minn stil ta’ ħajja li jiffoka fuqi, fuq dak li jiena għandi għal bil-modi-il mod jiffoka fuq l-oħrajn. Is-sigriet tal-ħajja hija meta tagħtiha. Il-ferħ issibu meta tagħtiha – tagħti lill-oħrajn mhux li tpoġġi lilek fiċ-ċentru.

3. Il-ferħ tagħna norbtuh malpopolarita’, l-ammirazzjoni u l-istima tan-nies lejna

Umbagħad oħrajn għeżież tiegħi, tara persuni li l-ferħ tagħhom jorbtuh kemm per eżempju fejn naf jien kemm jammirawni, kemm jistmawni, kemm jien popolari. Illum-il ġurnata din l-issue hekk kemm aħna popolari naħseb jien ħafna qegħdin jorbtu daqsxejn il-ferħ tagħhom anki meta fuq livelli differenti per eżempju illum ngħixu f’realta’ tas-social media li għall-grazzja t’Alla hija barka mill-ħafna ġid li jsir biha. Imma kemm-il darba tiltaqa’ ma’ nies daqsxejn forsi ftit illi daqsxejn daqsxejn il-qalb tagħhom tikka mdejqa għaliex m’għamlulix ħafna likes, m’għamlulix ħafna shares, m’għamlux ħafna comments. Kemm jiena popolari fid-dinja teknoloġika fil-qasam żgħir tiegħi?

Uħud isibu l-ferħ tagħhom sħiħ għeżież tiegħi f’din il-popolarita’ anki f’affarijiet li huma serji. Iġifieri xi drabi nippreferu, per eżempju fix-xena tal-politika nippreferu illi nkunu popolari milli ngħaddu liġijiet li huma bis-sens, liġijiet illi huma verament favur il-bniedem. Imma xi drabi kemm hu faċli għeżież tiegħi anka min ikun responsabbli fis-soċjeta’ ċivili, kemm hu faċli ngħidu kliem biex jintogħġob minn nies. Kemm hu faċli nagħmlu dak li ħaddieħor irid, dak lin-nies iridu biex inkunu popolari biex fejn naf jien ma nitilfux il-voti, ma nitilfux popolarita’, ma nitilfux fis-surveys, ma nitilfux affarijiet li aħna nkunu rridu nagħmlu, ma nitilfux il-poter, imma mbasta nkunu popolari. Imma l-ferħ tagħna m’hemmhekk se norbtuh? Mal-popolarita’? Jew ma’ dak li hu tajjeb? Ma’ dak li hu sewwa? Għax xi drabi biex inkunu popolari nispiċċaw nagħmlu dak li mhux sewwa, dak li mhux tajjeb, dak illi ma jibnix verament il-bniedem.

Dan huwa l-prezz li trid tħallas fil-ħajja. Jekk trid tagħmel l-affarijiet biex jammirawk, biex jistmawk u biex tkun popolari, imma x’inhu l-prezz vera li qegħdin inħalsu għal dawn l-affarijiet? Stima, popolarita’, ammirazzjoni – x’inhu l-prezz vera li inti qed tħallas? Li l-attitudni tiegħek m’hiex mibnija fuq valuri umani ħafna drabi, m’humiex valuri awtentiċi, m’humiex valuri li l-bniedem se jgħinuh jiżviluppa bħala bniedem fil-potenzjal kollu tiegħu. Hawnhekk għandna bżonn bidla għeżież tiegħi, mill-ferħ marbut ma’ popolarita’ għall-ferħ marbut li nagħmel is-sewwa. Kemm hi sabiħa meta l-bniedem jagħmel is-sewwa anka meta s-sewwa mhux popolari, anka meta s-sewwa ma jagħmlekx popolari, anka meta s-sewwa itelfek mill-ammirazzjoni tal-oħrajn u mill-popolarita’ tal-oħrajn.

4. Il-ferħ tagħna norbtuh mas-suċċess

Umbagħad għandna oħrajn illi l-ferħ tagħhom marbut mas-suċċess. Li jiena kuntent ferħan daqs kemm jiena nagħmel success. Xi ftit jew wisq ilkoll kemm aħna din qegħda fina ta’ f’dawn l-affarijiet u m’hemm xejn ħażin li tagħmel success fil-ħajja. U s-suċċess jista’ jkun f’qasam differenti.

  • Jista’ jkun fil-qasam soċjali tiegħek,
  • jista’ jkun ekonomiku,
  • fil-qasam tax-xogħol tiegħek,
  • fil-qasam tal-familja,
  • fil-qasam taż-żwieġ,
  • f’xi ambjent ta’ Knisja,
  • hekk li tagħmel fl-aspett tal-isports,
  • tal-letteratura,
  • tal-arti,
  • hu x’inhu dak li int qed tagħmel.

Pero’ meta l-ferħ tagħna norbtuh mas-suċċess allura l-falliment huwa dwejjaq, għandna xi ħaġa li tlifna? U xi tlifna? Il-fedelta’. Għaliex fil-ħajja tagħna l-ferħ aktar milli marbut mas-suċċess għandu jkun marbut mal-fedelta’. Jiena kont fidil għal dak li kelli nagħmel. Issa jekk dak li kelli nagħmel jirnexxi, irnexxa tajjeb u nkun kuntent, pero’ jekk ma rnexxix ma jfissirx li jiena nkun imdejjaq, jekk għaddejt minn hekk imsejjaħ falliment, ma jfissirx li jien għandi nkun imdejjaq.

Il-ferħ tagħna fil-verita’ la għandna norbtuh mas-suċċessi u lanqas mall-fallimenti. Għandna norbtuh mal-fedelta’. Eeh issa nafu li rridu nitbiddlu ftit u naqdfu imma dawn huma s-sigrieti tal-ħajja li qed naqsam magħkom ta’, biex ngħixu l-ħajja b’mod li jagħmel sens, b’mod li jagħmel meaningful. Fejn naf jien, jekk jiena kelli eżami, studjajt għalih u għaddejt. U kieku m’għaddejtx? Jiena l-aqwa li kont fidil għall-istudju li jien għamilt. Issa jekk għaddej jew m’għaddejtx, ovvjament irrid nistudja, nerġa’ nagħmel ir-re-sit imma ma waqatx id-dinja – m’hemmx għalfejn inkun imdejjaq. Il-ferħ tagħna norbtuh mal-fedelta’.

Din toħroġ per eżempju mill-ġenituri. Niltaqa’ ma’ ġenituri li verament ikunu mweġġin, jgħidulek: ‘Father, jiena t-tfal rabbejthom tajjeb u ara kif ħarġu issa’ u donnhom iħossuhom falluti huma stess dawn l-għeżież ġenituri. Jiena nifhem dan il-feeling pero’ dejjem ngħidilhom: ‘Isma’ x’inhu importanti, inti li kont fidil għall-missjoni tiegħek t’omm u missier, ta’ ġenitur tajjeb li int rabbejt lil uliedek sewwa. Issa jekk it-tfal ħarġux kif rabbejthom, dak la huwa s-suċċess u lanqas il-falliment tiegħek – jiddependi minnhom. Int għandek xorta tibqa’ ferħana li inti kont fidila għall-missjonijiet tiegħek ta’ omm u missier.’ Dak biex nagħti eżempju.

5. Il-ferħ tagħna norbtuh ma x’nikkunsmaw (bħal droga jew alkoħol)

Umbagħad oħrajn għeżież tiegħi naraw illi il-ferħ tagħhom jorbtuh ma’ x’jikkunsmaw – x’jibilgħu ġewwa fihom biex ikunu ferħana. U din hija xi ħaġa li hekk personalment ma nafx intom pero’ jiena tinkwetani. U tinkwetani ngħidha bl-akbar onesta ta’ anka minħabba n-nies li niltaqa’ magħhom, il-każijiet li niltaqa’ magħhom, ma’ persuni li niltaqa’ magħhom. Intom ma taħsbux, u ngħid ma taħsbux għax jiena nemmen fil-potenzjal tagħkom li taħsbu, intom m’intomx imzazen, intom taħsbu, tirriflettu, intom nies li għandkom moħħ. Pero’ ma taħsbux li hemm xi ħaġa serjament mhux f’postha meta l-bniedem biex ikun ferħan irid ikisser lilu nnifsu?

  • Iġifieri jiena biex inkun ferħan irrid nieħu d-droga?
  • Biex inkun ferħan irrid nisker?
  • Biex inkun ferħan fil-weekend irrid insir żibel?
  • Irrid insir patata?
  • Iġifieri biex inkun ferħan f’weekend jien irrid alkoħol, sess u droga – dawn it-tlieta flimkien?
  • Biex inkun ferħan jien irrid nitfa’ fija sustanti li lili jeqirduni bil-mod il-mod?
  • Biex inkun ferħan jien irrid nitfa’ fija sustanti, droga, issa hiex kannabis, hiex l-ismoke, hiex l-eroina?
  • Biex jiena nkun ferħan irrid nieħu affarijiet illi jeqirdu s-saħħa mentali tiegħi?
  • Għeżież tiegħi, fuq dak li jagħmel ħsara lilna, nistgħu qatt nitkellmu minn użu responsabbli?
  • Iġifieri aħna waqajna daqshekk fil-baxx?
  • Qtajna qalbna daqshekk minn xulxin li naċċettaw li nkissru lilna nfusna ‘agħmilha inti, affari tiegħek, jien ntik il-liberta’ li tagħmilha, inti responsabbli tiegħek innifsek?’

Jekk irridu nistgħu nirraġunaw hekk imma taħsbu li profondament dan huwa l-akbar raġunament li jagħmilna bnedmin, l-aktar raġunament li jgħinna nibnu soċjeta’ fejn il-bniedem ikun bniedem li ma jkissirx lilu nnifsu? Ma nafx x’taħsbu intom. Nistgħu naħsbuha differenti. Tistgħu taħsbuha differenti minni għeżież tiegħi pero’ hija realta’ illi tinkwetani l-ewwel u qabel kollox bħala bniedem imma anka bħala saċerdot, bħala ministru t’Alla tinkwetani. Għax jiena meta immiss ma’ persuni għeżież tiegħi, ma’ persuni li jinsabu fil-ħabs, ma’ persuni li jinsabu fi programmi tar-reabilitazzjoni mid-droga, u mhux biss mid-droga. Għandna l-alkoħol, għandna tant dipendenzi oħrajn li l-bniedem jitfa’ fih innifsu u jispiċċa jitkisser hu u kollox jibda biex ikun ferħan. U diversi jgħidulek meta titkellem magħhom li jibdew minn affarijiet ħfief, żgħar, soft, light umbagħad imorru għal realtajiet li huma aktar serji imma jibdew minn dak li hu żgħir.

Jiena ninkwieta illi aħna ntellgħu ġenerazzjonijiet jew nagħtu possibilta’ lil ġenerazzjonijiet, lil persuni jew nagħtu l-immaġini lil persuni, jew niftħu bibien lil persuni, jew ngħidu li huwa soċjalment aċċettabli illi int biex tkun kuntent, trid tinqered. Issa mhux qed ngħid li għandna nagħmlu minn dawn in-nies, kriminali. Xejn minn dan. Anzi ma naħsibx li għandu jkollna dawn il-persuni li nikkategorizzawhom bħala kriminali. Pero’ minn naħa l-oħra għeżież tiegħi, ma taħsbux illi, u ngħidha lil hinn mil-liġijiet, bħala sens ta’ ħajja, bħala sens t’għejxien, bħala umanita’, bħala bnedmin, ma taħsbux li aħna għandna kapaċita’ ġewwa fina li hija wisq ikbar milli jien nkun kuntent billi nibla’ sustanza alli nkun kuntent u ferħan b’modi oħrajn, b’mod speċjali dak li ġa semmejt, il-fatt li aħna għandna l-kapaċita’ li ningħataw, naħsbu f’ħaddieħor, insibu ferħ fuq dan il-livell.

Ejjew ngħinu lil xulxin. Ejjew ngħinu lil xulxin niskopru dal-potenzjal li għandna. Ejjew mhux inkaxkru lil xulxin għeżież tiegħi, li neqirdu lilna nfusna biex inkunu ferħana. Hekk hi ta’ u ma noqgħodux nużaw kliem sugary – nagħmlu ħafna zokkor fuq realtajiet li m’humiex f’posthom u nippruvaw inbellgħuhom li huma tajbin. Ġenwinament għeżież tiegħi, aħna rridu futur u soċjeta’ li biex tkun kuntent trid tinqered jew tinqered bil-mod il-mod? Issa dawn mhux affarijiet t’issa ta’ nagħmluha ċara għax il-bniedem hu l-bniedem, illum mod, għada mod ieħor, das-seklu mod, seklu għadda mod ieħor seklu ġej ikun mod ieħor. Huma attitudnijiet sfortunatament fina li ħerġin minn realta’ profonda fil-qalb tagħna li hija mkissra. It-tkissir li aħna ġewwa fina, il-vojt illi l-bniedem iġorr ġewwa fih, in-nuqqas ta’ paċi li hemm fil-qalb tiegħu, jipprova jimlieha b’affarijiet għeżież tiegħi illi jeqirdu u jkissru lilu.

Pero’ naħseb jiena l-mentalita’

  • illi qed nippruvaw noħorġu l-ferħ mill-mewt,
  • qed nippruvaw noħorġu l-ferħ mit-tkissir tagħna stess,
  • qed nippruvaw noħorġu l-ferħ mill-qerda tagħna stess,

din għalija hija serja. U kull ma nixtieq għeżież tiegħi, darb’oħra nkompli nkellimkom fuq il-ferħ u forsi mill-aspett aktar spiritwali tiegħu, pero’ l-aspett uman narah li hu ħafna importanti għaliex aħna nemmnu f’Alla li sar bniedem, li l-umanita’ tagħna, it-tfittxija umana tagħna għandha valur sħiħ daqs it-tfittxija spiritwali anzi huma kumplimentari, anzi nazzarda ngħid li huma ħaġa waħda, ma nistgħux nifirduhom dak li hu uman u dak li hu spiritwali. Għalhekk bdejt minn dawn l-aspetti umani. Hemm ħafna aktar xi tgħid imma dawn li kienu f’qalbi biex ngħid naqsamhom magħkom. Jiena nitkellem magħkom b’mod liberu għeżież tiegħi.

Pero’ nixtieqkom ġenwinament, tkellmu bejnietkom, irriflettu, aħsbu b’mod kritiku – aħna l-ferħ bħala bnedmin nistgħu qatt nibqgħu nibnuh

  • fuq li nieħdu sustanzi fina li jeqirduna?
  • Dan x’tip ta’ ferħ?
  • Fejn sejrin?
  • X’qegħdin infittxu?
  • X’qegħdin nagħmlu?
  • X’permess qed nagħtu?
  • X’qed nittolleraw?
  • X’futur qed nibnu?

Għeżież tiegħi, jiena konvint li aħna rridu nkunu ferħana pero’ l-ferħ tagħna nsibu f’dak illi sejjer jibqa’ fil-ħajja tagħna. Mhux f’dak li huwa tal-mument u jispiċċa jkissirna in the long term. L-għażla hija f’idejkom. Il-ġimgħa d-dieħla nitkelmu fuq aspett ieħor ta’ dan il-ferħ iktar mill-aspett ta’ kif Kristu jġib il-ferħ fil-ħajja tagħna. Il-Paċi magħkom u kunu mberkin.

Għat-Tieni Parti mur hawn: It-2 Parti.

MUR GĦAL-LISTA SĦIĦA TAT-TAĦDIDIET TA’ FR HAYDEN

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s