
Dan it-Talb Speċjali kollu miġbur f’dokument wieħed – PDF
MUR GĦAL-LISTA TA’ TALB SPEĊJALI
Għażiż Mulej, inressaqlek lil dawk kollha li jinsabu mnikktin, għal diversi raġunijiet fil-ħajja tagħhom li Int biss tafhom għax Int tafna wisq aktar milli aħna nafu lilna nfusna.
Farraġ nitolbok lil kull qalb bil-ħlewwa u l-ġentilezza tiegħek. Kompli għallem lill-poplu tiegħek li Fik biss hemm il-veru mistrieħ u li għandek biss jinsabu s-soluzzjonijiet li ħafna jkissru moħħhom dwarhom. Jaħasra kemm nuqqas ta’ fiduċja u nkwiet, meta Int taf sew x’teħtieġ kull persuna.
Xi drabi nibqgħu mnikktin il-għaliex ma nagħrfux naqsmu t-toqol tagħna miegħek u allura s-salib inħossuh jgħaffiġna għax ma nkunux qed nagħrfu kemm Int tinsab aktar viċin tagħna f’dawn il-mumenti.
Aħfer t-tgergir li jingħad bħal per eżempju:
- ‘Fejn hu Alla?’
- ‘Kieku jeżisti ma jħallix din it-tbatija kollha sseħħ!’
- ‘Jien għalxejn nitlob għax lili dan Alla ma jismagħnix jew aħjar ma jridx jismagħni!’
- ‘Għalfejn ħa lil dik u lil dak umbagħad dak li xeba’ jħawwad u jweġġa’ persuni, jħallih jgħix?’
- ‘Dan hu Alla ġust?’ eċċ…
Iva, Ġesu’ l-poplu tiegħek għadu ma ntebaħx li qed inikket ruħu fuq affarijiet u raġunijiet li xi drabi lilu ma jappartjenux daqshekk. Għadu jwaħħal Fik għal kull intopp li jinqala’, għadu jiddubita minnek u qed jitlef il-fidi Fik. Kemm aħna boloh u mur għidilna li aħna boloh!
- Tgħid min ħalaq dawn il-widnejn u l-għajnejn kollha ma jismax u ma jarax?
- Jekk Int ħadt fuqek id-dnubiet tagħna lkoll u pattejt għalihom fuq is-salib, sejjer umbagħad ma tgħinnix fid-diffikultajiet li ngħaddu minnhom fil-ħajja ta’ kuljum?
- Jekk trid li lkoll niġu ngawduk għal dejjem, sejjer ma tagħtix iċ-ċans kollu biex min jinsab fl-iżball jintebaħ u jdur lejk?
Ħenn għalina Mulej, la tħallix li wliedek jitbegħdu minnek u hekk jaqgħu fid-dwejjaq li jiġi minħabba fid-dnub. Int ukoll bħala bniedem għaddejt minn mumenti fejn ħassejtek imnikket speċjalment meta kont taf li waslet is-siegħa tiegħek:
- meta rajt il-qerda ta’ Ġerusalemm,
- meta miet Lazzru l-ħabib tal-qalb tiegħek fejn Int saħansittra bkejt għax in-nies li m’emmnux fik u fil-qawwa tiegħek li anki tqajjem lil xi ħadd mill-mewt.
Iva, Ġesu’ int ukoll kont tgħaddi minn mumenti diffiċli u ta’ niket, imma qatt ma kont imdejjaq għax Int kont bħalna f’kollox minbarra fid-dnub. Hu d-dnub li jagħmel lill-bniedem imdejjaq u din id-differenza minn dwejjjaq għal dak li hu niket. Agħmel lid-dwejjaq ma jkunu qatt parti mill-ħajja tagħna billi żżommna dejjem taħt il-ħarsien tiegħek.
O Marija, Faraġ tal-Imnikktin, Int li wkoll għaddejt minn tant niket, li dulur nifed lil qalbek, żommna taħt il-mant matern tiegħek u għallimna nsofru u noffru kollox b’imħabba lill-Imħabba Nnifsha – Ibnek Ġesu’. Ammen.