
Dan it-Talb Speċjali kollu miġbur f’dokument wieħed – PDF
MUR GĦAL-LISTA TA’ TALB SPEĊJALI
Għażiż Mulej, illum se nitolbok għal dawk il-persuni li spiss qed jiġu mweġġa’ minħabba li persuni oħrajn qed jabbużaw mit-tjubija li hemm f’qalbhom.
Għal dawk li għażlu li fuq l-eżempju tiegħek jgħaddu ħajjithom jagħmlu l-ġid bi kliemhom u b’għemilhom u għal dan it-tajjeb kollu qed jirċievu l-kontra, meta mhux ukoll tgħajjir, żuffjet u elf ħaġa oħra. Urihom Mulej li fejn il-premju li hemm jistenniehom dan hu worth it!
Int biss tifhem kemm ibatu dawn in-nies. Int biss taf xi jkunu qed iġarbu f’qalbhom għad li minn barra jista’ jkun li ma joqgħodux juru. Martirju kuljum, imma minħabba Fik jagħżlu li jġorruh bla ma jqarsu wiċċhom jew igergru għax jafu u jemmnu li ‘l hinn minn dan kollu hemm eternita’ tistennihom. Huma jafu li kif Fik biss hawn fuq l-art isibu l-mistrieħ tagħhom, żgur li wara din il-ħajja se jsibu lilek tilqagħhom u ddaħħahom fil- veru mistrieħ, fil-hena ta’ dejjem fis-Sema.
Għalhekk, kompli ħu ħsiebhom u agħtihom il-kuraġġ, fakkarhom fi kliemek meta għedt:
Fid-dinja tbatu jkollkom. Iżda’ agħmlu l-qalb: Jien irbaħt id-dinja.
Ġwanni 16: 33
Agħmel li meta jisimgħu dan jifhmu u ma jaqtgħux qalbhom billi jiftakru mill-ġdid li id f’id miegħek huma wkoll joħorġu rebbieħa.
Għinnhom iżommu l-ħarsa tagħhom fuqek mislub u hekk fil-fond ta’ qalbhom jagħrfu mill-ġdid li minkejja li Int kont qalbek toħroġ għal niesek u li ħlief ġid m’għamiltx, xorta waħda għaddewk minn passjoni u mewt hekk ħarxa u krudila.
Aħna nafu għażiż Ġesu’ li Int tifhimna dejjem u taf xi nħossu għax minn kollox ġarrabt minħabba fina. Imħabbtek kienet murja bil-fatti, saħansitra anke fl-agħar mumenti, u għadha tiġi murija bil-fatti fis- Sagrament tal-akbar Imħabba – fl-Ewkaristija Mqaddsa. Kompli saħħaħ lill-poplu tiegħek, lil dawk li Int għażilt għalik biex hekk ukoll huma ma jibżgħux ikunu għotja għall-oħrajn minkejja kollox. Ammen.