9. Novena lill-Ispirtu s-Santu

Il-Ħamis, 14 ta’ Mejju 2015: Id-Disa’ Jum tan-Novena lill-Ispirtu s-Santu. Ara t-test tagħha taħt il-vidjo …

Niżżel id-disat ijiem tan-Novena f’dokument wieħed – PDF

MUR GĦAL-LISTA SĦIĦA TAT-TAĦDIDIET TA’ FR HAYDEN

[9] Nimxu fl-Ispirtu s-Santu …

Qari mill-Ittra lir-Rumani:

Dawk kollha li jmexxihom l-Ispirtu t’Alla huma wlied Alla.

Ħsieb:

Meta aħna nirċievu l-Ispirtu s-Santu ġewwa fina, aħna nsiru tassew ulied Alla. L-Ispirtu s-Santu jiġi jagħmilna bħal Ġesu’ u għalhekk jokrob fina l-istess talba li jitlob Ġesu’. Ġesu’ jitlob “Abba Missier” u l-Ispirtu s-Santu, jgħidilna San Pawl, jokrob fina “Abba Missier”. L-Ispirtu s-Santu huwa l-Ispirtu tal-ulied.

Mhux biżżejjed li aħna nsiru tempju tal-Ispirtu s-Santu, li nintlew bl-Ispirtu s-Santu, li nintlew bil-frott tiegħu, li nintlew bil-kariżmi tiegħu. Irridu wkoll nitgħallmu kif nimxu fl-Ispirtu s-Santu bħala wlied. L-istess kif Ġesu’, bħala Iben, mexa bil-qawwa u fil-qawwa, fil-preżenza tal-Ispirtu s-Santu. Li nimxu fl-Ispirtu s-Santu jfisser li aħna nħallu ‘l-Ispirtu s-Santu jmexxina u jiggwidana.

Ġesu’ qalilna li l-Ispirtu s-Santu ġej biex ifakkarna dak li qalilna Ġesu’. Mela, l-Ispirtu s-Santu li nimxu fih, jiġifieri għandna lilu bħala l-avukat tagħna. Għandna l-Paraklitu, dak li jiddefendina, dak li huwa magħna, dak li jagħtina l-faraġ. Dak li jsir il-memorja tagħna — li jfakkarna kulma qalilna Ġesu’u li jurina l-Verita`. L-Ispirtu s-Santu huwa dak li jgħallimna l-Verità, ifakkarna fil-Kelma. L-Ispirtu s-Santu huwa dak li lilna jiggwidana, jagħtina direzzjoni fil-ħajja tagħna. Nitolbuh fid-deċizjonijiet kollha tagħna biex ikun hu li jurina x’għandna nagħmlu.

L-Ispirtu s-Santu huwa dak li jagħżel fil-Knisja. Ejjew ikollna qalb miftuħa biex jekk jagħżilna għal xi missjoni u jibgħatna, aħna ngħidulu iva. L-Ispirtu s-Santu jagħżel u jibgħat. L-Ispirtu s-Santu anki jinterċedi ġewwa fina. Li aħna nimxu fl-Ispirtu jfisser li t-talb tagħna ma jkunx aktar it-talb uman tagħna, imma t-talb tal-Ispirtu li jitniehed ġewwa fina. Meta aħna lanqas biss nafu x’għandna nitolbu, għandna ningħaqdu mal-Ispirtu s-Santu illi jitlob hu ġewwa fina. Għal dawk li huma miftuħa għad-don tal-ilsna, dan huwa wieħed mill-isbaħ modi kif nistgħu nitolbu.

L-Ispirtu s-Santu, jekk irridu nitgħallmu ngħixu miegħu u fih, irridu nisimgħuh ikellimna fil-qalb tagħna. L-Ispirtu s-Santu jitkellem għaliex huwa Alla li jgħammar fina. J’Alla li aħna mhux biss irridu nirċievu l-Ispirtu s-Santu, imma nitgħallmu kif il-ħajja tagħna bħala nsara ngħixuha, pass pass, kontinwament fl-Ispirtu Qaddis.

Talba:

  • Ejja Spirtu s-Santu, imla’ l-qlub tal-fidili tiegħek u kebbes fihom in-nar ta’ mħabbtek.
  • Ejja Spirtu s-Santu, għallimna kif aħna nimxu fil-preżenza tiegħek.
  • Ejja Spirtu s-Santu, ejja u għallimna l-Verita’ sħiħa.
  • Spirtu s-Santu, ejja fakkarna dak kollu li Ġesu’ qalilna.
  • Ejja Spirtu s-Santu mexxina bħala wlied Alla.
  • Ejja Spirtu s-Santu, okrob fina “Abba Missier”.
  • Ejja Spirtu s-Santu u għażilna għall-missjoni li int trid tagħżilna għaliha.
  • Ejja Spirtu s-Santu, ejja itlob fina, ejja interċedi ġewwa fina.
  • Ejja Spirtu s-Santu u kellimna, ejja iftħilna l-widnejn tal-qalb tagħna.
  • Ejja Spirtu s-Santu u ħobb ġewwa fina.
  • Ejja Spirtu s-Santu u għinna kif ngħixu relazzjoni ħajja miegħek.
  • Ejja Spirtu s-Santu għinna nħobbuk, għinna nqimuk, għinna nadurawk,  u għinna naqduk.
  • Ejja Spirtu s-Santu, għandna bżonnok.
  • Mingħajrek ma nistgħux inħobbu lill-Missier.
  • Mingħajrek ma nistgħux inħobbu lil Ġesu’.
  • Mingħajrek ma nistgħux inħobbu lilek.
  • Mingħajrek ma nistgħux inħobbu ‘l-għedewwa tagħna.
  • Mingħajrek, Spirtu s-Santu, ma nistgħux inħobbu lil xulxin.
  • Mingħajrek il-Knisja ma teżistix.
  • Mingħajrek ma nistgħux inwelldu lil Ġesu’ fl-oħrajn.
  • Ejja Spirtu s-Santu, ejja bl-interċessjoni għażiża tal-Qalb Immakulata ta’ Marija, l-għarusa maħbuba tiegħek. Ammen! Halleluia!

Niżżel id-disat ijiem tan-Novena f’dokument wieħed – PDF

MUR GĦAL-LISTA SĦIĦA TAT-TAĦDIDIET TA’ FR HAYDEN

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s